LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 11/15 pp. 8-12
  • Għin lil Dawk li Jitbiegħdu mill-Merħla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin lil Dawk li Jitbiegħdu mill-Merħla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Jistaʼ Jgħin?
  • Sforz b’Kooperazzjoni
  • Kompli Urihom l-​Imħabba
  • ‘Jien Stess Se Nfittex lin-Nagħaġ Tiegħi’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Għinhom Jerġgħu Lura bla Dewmien!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 11/15 pp. 8-12

Għin lil Dawk li Jitbiegħdu mill-​Merħla

“Ifirħu miegħi, għax sibt in-​nagħġa li ntilfitli.”—LQ. 15:6.

1. Ġesù kif wera li hu ragħaj kollu mħabba?

ĠESÙ KRISTU, l-​Iben uniġenitu taʼ Ġeħova, jissejjaħ ir-​“ragħaj il-​kbir tan-​nagħaġ.” (Ebr. 13:20) L-​Iskrittura bassret il-​miġja tiegħu u wriet li hu kien Ragħaj uniku li pprova jsib in-​“nagħaġ mitlufin” taʼ Israel. (Mt. 2:1-6; 15:24) Iktar minn hekk, bħalma ragħaj letterali għandu mnejn jagħti ħajtu sabiex jipproteġi lin-​nagħaġ tiegħu, Ġesù miet bħala sagrifiċċju tal-​fidwa għal uħud bħal nagħaġ li jaħdmu biex jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju tiegħu.—Ġw. 10:11, 15; 1 Ġw. 2:1, 2.

2. X’setaʼ ġiegħel lil xi Kristjani jsiru inattivi?

2 B’sogħba, xi wħud li kienu jidhru li japprezzaw is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u ddedikaw ruħhom lil Alla m’għadhomx jassoċjaw mal-​kongregazzjoni Kristjana. L-​iskuraġġiment, il-​problemi taʼ saħħa, jew fatturi oħrajn għandhom mnejn dgħajfu ż-​żelu tagħhom u ġegħluhom isiru inattivi. Madankollu, huwa biss billi jkunu parti mill-​merħla t’Alla li jistgħu jgawdu s-​serenità u l-​hena li tkellem dwarhom David f’Salm 23. Per eżempju, hu kanta: “Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn.” (Salm 23:1) Dawk li qegħdin fil-​merħla t’Alla ma jonqoshom xejn b’mod spiritwali, imma dan ma japplikax għan-​nagħaġ li tbiegħdu. Min jistaʼ jgħinhom? Kif tistaʼ tiġi provduta l-​għajnuna? Tabilħaqq, x’jistaʼ jsir sabiex jiġu megħjunin jerġgħu lura lejn il-​merħla?

Min Jistaʼ Jgħin?

3. Ġesù kif wera x’inhu meħtieġ biex jiġu salvati n-​nagħaġ mitlufin tal-​mergħa t’Alla?

3 Hu meħtieġ sforz ħerqan biex jiġu salvati n-​nagħaġ mitlufin tal-​mergħa t’Alla. (Salm 100:3) Ġesù ta stampa taʼ dan meta qal: “Jekk raġel ikollu mitt nagħġa u tintilef waħda minnhom, ma jħallix hu lid-​disgħa u disgħin fuq il-​muntanji u jitlaq ifittex lil dik li ntilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom li jifraħ biha iktar milli bid-​disgħa u disgħin li ma ntilfux. Bl-​istess mod, Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.” (Mt. 18:12-14) Min jistaʼ jgħin lil individwi bħal nagħaġ li tbiegħdu mill-​merħla?

4, 5. L-​anzjani jeħtieġ li jkollhom liema attitudni lejn il-​merħla t’Alla?

4 Jekk l-​anzjani Kristjani jridu jgħinu lin-​nagħaġ li tbiegħdu għandhom jiftakru li l-​merħla t’Alla hi kongregazzjoni taʼ nies dedikati lil Ġeħova—iva, ‘merħla [prezzjuża] tal-​mergħa t’Alla.’ (Salm 79:13) Dawn in-​nagħaġ għeżież jeħtieġu min jieħu ħsiebhom b’mod teneru, u dan ifisser li rgħajja kollhom imħabba għandhom jieħdu interess persunali fihom. Żjajjar pastorali li jsirulhom bi mħabba jistgħu jkunu effettivi ferm. L-​inkuraġġiment bi mħabba li jagħtihom ragħaj jistaʼ jibnihom spiritwalment u jżidilhom ix-​xewqa li jerġgħu lura lejn il-​merħla.—1 Kor. 8:1.

5 Ir-​rgħajja tal-​merħla t’Alla għandhom id-​dmir li jfittxu lin-​nagħaġ li tbiegħdu u mbagħad li jipprovaw jgħinuhom. L-​appostlu Pawlu fakkar lill-​anzjani Kristjani minn Efesu tal-​qedem dwar ir-​responsabbiltajiet tagħhom bħala rgħajja meta qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-​merħla kollha li minnha l-​ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi biex tirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-​demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pietru ta din it-​twissija lill-​anzjani midlukin: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa; u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-​merħla.”—1 Pt. 5:1-3.

6. Illum, b’mod speċjali, in-​nagħaġ t’Alla għala għandhom bżonn li r-​rgħajja jieħdu ħsiebhom?

6 Ir-​rgħajja Kristjani għandhom bżonn jimitaw lir-​“ragħaj mill-​aħjar,” Ġesù. (Ġw. 10:11) Hu kien konċernat profondament dwar in-​nagħaġ t’Alla u enfasizza l-​importanza taʼ li wieħed jieħu ħsiebhom meta qal lil Xmun Pietru biex ‘jirgħa n-​nagħaġ ċkejknin Tiegħu.’ (Aqra Ġwanni 21:15-17.) Illum, b’mod speċjali, in-​nagħaġ għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom, għax ix-​Xitan intensifika l-​isforzi tiegħu biex ikisser l-​integrità taʼ dawk li huma dedikati lil Alla. Satana jieħu vantaġġ mid-​dgħjufijiet tal-​laħam u juża lid-​dinja biex jipprova jwassal lin-​nagħaġ taʼ Ġeħova biex jieħdu sehem f’attivitajiet midinbin. (1 Ġw. 2:15-17; 5:19) B’mod partikulari, l-​uħud inattivi huma vulnerabbli, u għalhekk jeħtieġu l-​assistenza sabiex japplikaw it-​twissija biex ‘jimxu bl-​ispirtu.’ (Gal. 5:16-21, 25) Biex ngħinu lil dawn in-​nagħaġ ikollna bżonn nistrieħu fuq Alla bit-​talb, il-​gwida taʼ l-​ispirtu tiegħu, u l-​użu bis-​sengħa tal-​Kelma tiegħu.—Prov. 3:5, 6; Lq. 11:13; Ebr. 4:12.

7. Kemm hu importanti li l-​anzjani jirgħu lil uħud bħal nagħaġ li qegħdin taħt il-​ħarsien tagħhom?

7 F’Israel tal-​qedem, ragħaj kien juża bastun twil u milwi fit-​tond, jew għasluġ, biex jiggwida l-​merħla tiegħu. Hekk kif in-​nagħaġ kienu joħorġu mill-​maqjel jew jidħlu fih, kienu ‘jgħaddu minn taħt l-​għasluġ,’ u b’hekk setgħu jingħaddu mir-​ragħaj. (Lev. 27:32; Mik. 2:12; 7:14) Bl-​istess mod, ragħaj Kristjan jeħtieġ li jkun jaf u jżomm taħt għajnejh lill-​merħla t’Alla li jrid jieħu ħsiebha. (Qabbel Proverbji 27:23.) Għalhekk, ix-​xogħol pastorali hu waħda mill-​kwistjonijiet importanti li jiġu diskussi mill-​ġemgħa taʼ l-​anzjani. Dan jinkludi li jsiru arranġamenti biex jgħinu lil nagħaġ li jkunu tbiegħdu. Ġeħova stess qal li kien se jfittex lin-​nagħaġ tiegħu u jieħu ħsiebhom kif kellhom bżonn. (Eżek. 34:11) Għalhekk, Alla jieħu pjaċir meta l-​anzjani jieħdu passi simili fi sforz biex jgħinu lin-​nagħaġ li jkunu tbiegħdu ħalli jerġgħu lura lejn il-​merħla.

8. L-​anzjani b’liema modi jistgħu jagħtu attenzjoni persunali lin-​nagħaġ?

8 Meta xi ħadd taʼ l-​istess twemmin ikun marid fiżikament, iż-​żjara taʼ ragħaj tal-​merħla t’Alla tistaʼ tkun sors taʼ ferħ u inkuraġġiment. L-​istess jistaʼ jingħad meta nagħġa li tkun marida spiritwalment tingħata attenzjoni persunali. L-​anzjani jistgħu jaqraw xi skritturi, jirrivedu xi artiklu, jiddiskutu punti importanti li ġew kunsidrati f’xi laqgħa, jitolbu mal-​wieħed inattiv, u affarijiet simili oħrajn. Jistgħu jispjegawlu li l-​membri tal-​kongregazzjoni se jieħdu gost jarawh jerġaʼ lura għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. (2 Kor. 1:3-7; Ġak. 5:13-15) Żjara, telefonata, jew ittra tistaʼ tfisser ħafna! L-​għajnuna persunali li tingħata lil nagħġa li tkun nieqsa mill-​merħla tistaʼ wkoll iżżid il-​ferħ tar-​ragħaj Kristjan li jagħder.

Sforz b’Kooperazzjoni

9, 10. Għala tistaʼ tgħid li l-​interess f’nagħġa li tkun tbiegħdet m’għandux jintwera biss mill-​anzjani?

9 Aħna ngħixu fi żminijiet kritiċi meta kulħadd għandu ħafna x’jagħmel, u għalhekk hu possibbli li ma ninnotawx li xi ħadd minn sħabna taʼ l-​istess twemmin qed jitbiegħed bil-​mod il-​mod mill-​kongregazzjoni. (Ebr. 2:1) Madankollu, in-​nagħaġ taʼ Ġeħova huma prezzjużi f’għajnejh. Kull waħda minnhom hi taʼ valur, bħalma hu kull membru, jew parti, mill-​ġisem uman. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nuru interess f’ħutna u verament nieħdu ħsieb xulxin. (1 Kor. 12:25) Għandek int attitudni bħal din?

10 Għalkemm l-​anzjani huma minn taʼ quddiem biex ifittxu u jgħinu lil nagħaġ li jkunu tbiegħdu, l-​interess f’dawn sħabna fit-​twemmin li huma neqsin mill-​merħla m’għandux jintwera biss mill-​indokraturi Kristjani. Oħrajn jistgħu jikkooperaw maʼ dawn ir-​rgħajja. Aħna nistgħu u għandna noffru inkuraġġiment u għajnuna spiritwali lil ħutna rġiel u nisa li jeħtieġu l-​għajnuna biex jerġgħu lura lejn il-​merħla. Kif tistaʼ tingħata din l-​assistenza?

11, 12. Kif tistaʼ tkun privileġġat biex tgħin lil xi ħadd li jeħtieġ xi assistenza spiritwali?

11 F’xi każi, l-​anzjani jistgħu jirranġaw biex pubblikaturi tas-​Saltna bl-​esperjenza jikkonduċu studju tal-​Bibbja persunali maʼ wħud inattivi li jesprimu x-​xewqa li jingħataw l-​assistenza. L-​iskop taʼ dawn l-​isforzi hu biex terġaʼ titkebbes fi wħud bħal dawn ‘l-​imħabba li kellhom fil-​bidu.’ (Riv. 2:1, 4) Dawn sħabna fit-​twemmin jistgħu jiġu mibnijin u msaħħin spiritwalment billi jikkunsidraw l-​informazzjoni li tilfu waqt li ma kinux jiġu għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

12 Jekk l-​anzjani jistidnuk biex tistudja maʼ xi ħadd taʼ l-​istess twemmin li jkun jeħtieġ xi assistenza spiritwali, itlob lil Ġeħova biex jidderieġi u jbierek l-​isforzi tiegħek. Tabilħaqq, “erħi l-​ħidma tiegħek f’idejn Ġeħova u l-​pjanijiet tiegħek ikunu stabbiliti fis-​sod.” (Prov. 16:3) Immedita fuq xi siltiet mill-​Bibbja u punti li jsaħħu l-​fidi li tistaʼ tużahom fid-​diskussjonijiet maʼ dawk li jeħtieġu l-​għajnuna spiritwali. Irrifletti fuq l-​eżempju eċċellenti taʼ l-​appostlu Pawlu. (Aqra Rumani 1:11, 12.) Pawlu xtaq ħafna li jara lil xi Kristjani f’Ruma sabiex jagħtihom xi għotja spiritwali ħalli jissodaw. Hu ħares ’il quddiem ukoll lejn li jinkuraġġixxu lil xulxin. M’għandniex aħna jkollna dan l-​ispirtu meta nipprovaw ngħinu lil nagħaġ li tbiegħdu mill-​merħla t’Alla?

13. X’tistaʼ tiddiskuti maʼ xi ħadd inattiv?

13 Waqt id-​diskussjonijiet tiegħek, tistaʼ tistaqsih, “Kif sirt taf bil-​verità?” Fakkar lill-​wieħed inattiv dwar il-​ferħ li kellu fil-​passat u inkuraġġih jitkellem dwar l-​esperjenzi sbieħ li kellu fil-​laqgħat, fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u fil-​konvenzjonijiet. Ikkummenta fuq iż-​żminijiet henjin li forsi kellkom flimkien fis-​servizz taʼ Ġeħova. Tkellem dwar il-​ferħ li tħoss int meta tersaq qrib Ġeħova. (Ġak. 4:8) Esprimi l-​gratitudni tiegħek għall-​mod kif Alla jipprovdi għalina bħala n-​nies tiegħu—speċjalment billi jagħtina faraġ u tama fit-​tribulazzjonijiet tagħna.—Rum. 15:4; 2 Kor. 1:3, 4.

14, 15. Liema barkiet li darba gawdew l-​uħud inattivi jistaʼ jkun t’għajnuna li nfakkruhom dwarhom?

14 Wisq probabbli, ikun taʼ benefiċċju li tfakkar lill-​wieħed inattiv dwar ftit mill-​barkiet li darba kien igawdi minħabba li kien jassoċja mill-​qrib mal-​kongregazzjoni. Per eżempju, kellu l-​barka li jiżdied fl-​għarfien dwar il-​Kelma u l-​iskopijiet t’Alla. (Prov. 4:18) Meta ‘mexa bl-​ispirtu,’ bla dubju kien iktar faċli għalih li jirreżisti t-​tentazzjonijiet biex jidneb. (Gal. 5:22-26) Mill-​banda l-​oħra, kuxjenza nadifa ħallietu jersaq lejn Ġeħova bit-​talb u jgawdi ‘l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb u li tgħasses lil qlubna u l-​qawwa mentali tagħna.’ (Flp. 4:6, 7) Żomm dawn il-​punti f’moħħok, uri interess sinċier, u agħmel ħiltek kollha biex tinkuraġġixxi bl-​imħabba lil ħuk jew oħtok spiritwali ħalli terġaʼ lura lejn il-​merħla.—Aqra Filippin 2:4.

15 Ejja ngħidu li int anzjan li qed tagħmel żjara pastorali. Tistaʼ tinkuraġġixxi lil koppja miżżewġa inattiva biex jirriflettu fuq iż-​żmien meta tgħallmu għall-​ewwel darba l-​verità mill-​Kelma t’Alla. Kemm kienet meraviljuża, raġunevoli, u sodisfaċenti l-​verità, u kemm ħelsithom spiritwalment! (Ġw. 8:32) Kif faru qlubhom bil-​gratitudni għal dak li kienu qed jitgħallmu dwar Ġeħova, imħabbtu, u l-​iskopijiet meraviljużi tiegħu! (Qabbel Luqa 24:32.) Fakkarhom dwar ir-​relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova u l-​privileġġ meraviljuż tat-​talb li jgawdu l-​Kristjani dedikati. Inkuraġġixxi bil-​ħerqa lil uħud inattivi biex jerġgħu jwieġbu għall-​“aħbar tajba u glorjuża taʼ l-​Alla l-​hieni,” Ġeħova.—1 Tim. 1:11.

Kompli Urihom l-​Imħabba

16. Semmi eżempju biex turi li l-​isforzi li jsiru sabiex tiġi provduta għajnuna spiritwali huma effettivi tassew.

16 Jaħdmu tassew is-​suġġerimenti li ssemmew? Iva. Per eżempju, żagħżugħ li beda bħala pubblikatur tas-​Saltna meta kellu 12-il sena sar inattiv fl-​età taʼ 15-il sena. Madankollu, iktar tard sar attiv u ilu fis-​servizz full-time għal iktar minn 30 sena. Il-​fejqan spiritwali tiegħu fil-​parti l-​kbira kien minħabba l-​assistenza li ngħatatlu minn anzjan Kristjan. Kemm kienet apprezzata din l-​għajnuna spiritwali!

17, 18. Liema kwalitajiet se jgħinuk biex tgħin lil xi ħadd li tbiegħed mill-​merħla t’Alla?

17 Hija l-​imħabba li tqanqal lill-​Kristjani biex jgħinu lil uħud inattivi ħalli jerġgħu lura lejn il-​kongregazzjoni. Rigward is-​segwaċi tiegħu, Ġesù qal: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:34, 35) Iva, l-​imħabba hi marka li tidentifika lill-​Kristjani veri. M’għandhiex din l-​imħabba tintwera lejn Kristjani mgħammdin li forsi setgħu saru inattivi? Dażgur li għandha! Imma biex nipprovdu l-​għajnuna meħtieġa rridu neżerċitaw diversi kwalitajiet li jogħġbu lil Alla.

18 Jekk trid tgħin lil xi ħadd li tbiegħed mill-​merħla t’Alla, liema kwalitajiet ikollok bżonn turi? Minbarra l-​imħabba, ikollok bżonn turi l-​mogħdrija, il-​qalb tajba, il-​ħlewwa, u s-​sabar fit-​tul. Skond iċ-​ċirkustanzi, forsi jkollok bżonn ukoll li taħfer. Pawlu kiteb: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-​affarijiet kollha, ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kol. 3:12-14.

19. Għala jiswa tassew li tagħmel l-​isforz biex tgħin lil uħud bħal nagħaġ jerġgħu lura lejn il-​maqjel Kristjan?

19 L-​artiklu għall-​istudju li jmiss f’din il-​ħarġa se jikkunsidra raġunijiet għala xi wħud jitbiegħdu mill-​merħla t’Alla. Se juri wkoll kif dawk li jerġgħu lura jistgħu jistennew li jintlaqgħu. Hekk kif tistudja l-​artiklu li jmiss u tirrifletti fuq dan l-​artiklu, tistaʼ tibqaʼ ċert li kwalunkwe sforz li tagħmel bit-​tama li tgħin lil uħud bħal nagħaġ jerġgħu lura lejn il-​maqjel Kristjan jiswa tassew. F’din is-​sistema dinjija, ħafna nies iqattgħu għomorhom kollu jipprovaw jakkumulaw il-​ġid materjali, imma sempliċement ħajja waħda tiswa ferm iktar mill-​flus kollha tad-​dinja. Ġesù enfasizza dan fit-​tixbiha tiegħu dwar in-​nagħġa l-​mitlufa. (Mt. 18:12-14) Jalla żżomm dan il-​punt f’moħħok hekk kif tagħmel sforz ħerqan u urġenti biex tgħin lill-​uħud bħal nagħaġ li huma għeżież għal Ġeħova u li tbiegħdu ħalli jerġgħu lura lejn il-​merħla.

Int Kif Twieġeb?

• Liema responsabbiltà għandhom ir-​rgħajja Kristjani rigward uħud bħal nagħaġ li tbiegħdu mill-​merħla?

• Kif tistaʼ tgħin lil dawk li issa m’humiex qed jassoċjaw mal-​kongregazzjoni?

• Liema kwalitajiet jistgħu jgħinuk biex tgħin lil dawk li tbiegħdu mill-​merħla?

[Stampa f’paġna 10]

Ir-​rgħajja Kristjani jistinkaw bi mħabba biex jgħinu lil dawk li tbiegħdu mill-​merħla t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja