Għinhom Jerġgħu Lura bla Dewmien!
“Għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.”—ĠW. 6:68.
1. X’qal Pietru meta ħafna dixxipli abbandunaw lil Ġesù?
ĠESÙ KRISTU darba ġie abbandunat minn ħafna dixxipli li m’aċċettawx waħda mill-affarijiet li għallem. “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” hu staqsa lill-appostli tiegħu. Pietru wieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:51-69) Ma kien hemm imkien iktar fejn imorru. Dak iż-żmien, il-Ġudaiżmu ma kellux “kliem tal-ħajja taʼ dejjem,” u kliem bħal dan ċertament li ma jistax jinstab illum f’Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Għal kulmin tbiegħed mill-merħla t’Alla imma li jrid jogħġob lil Ġeħova, ‘waslet is-siegħa biex jistenbaħ’ u jerġaʼ lura lejn il-maqjel.—Rum. 13:11.
2. X’għandna nżommu f’moħħna rigward kwistjonijiet kunfidenzjali jew ġudizzjarji?
2 Ġeħova wera tħassib għan-nagħaġ mitlufin taʼ Israel. (Aqra Eżekjel 34:15, 16.) Bl-istess mod, l-anzjani Kristjani għandhom xewqa u dmir li jgħinu lil xi ħadd bħal nagħġa li tbiegħed mill-merħla. Jekk jinkarigaw lil xi pubblikatur biex jistudja maʼ individwu inattiv li jixtieq l-għajnuna, x’għandu jsir jekk dak li jikkonduċi l-istudju jsir jaf li l-individwu kkommetta dnub serju? Minflok ma jagħti pariri dwar xi kwistjoni ġudizzjarja jew kunfidenzjali, il-pubblikatur għandu jissuġġerilu biex ikellem lill-anzjani. Jekk ma jagħmilx dan, il-pubblikatur innifsu għandu jinforma lill-anzjani.—Lev. 5:1; Gal. 6:1.
3. Ir-raġel li kellu 100 nagħġa kif irreaġixxa meta nstabet il-waħda mitlufa?
3 Fl-artiklu taʼ qabel saret referenza għat-tixbiha taʼ Ġesù dwar raġel li kellu 100 nagħġa. Meta naqset waħda mill-maqjel, hu telaq id-99 u mar ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Kemm feraħ dan ir-raġel meta sabha! (Lq. 15:4-7) Aħna jkollna l-istess ferħ malli terġaʼ lura waħda min-nagħaġ t’Alla li kienet nieqsa mill-merħla. Imqanqlin mill-imħabba, l-anzjani u membri oħrajn tal-kongregazzjoni x’aktarx li żaru lill-wieħed inattiv. Huma wkoll iridu jaraw lill-individwu jerġaʼ lura lejn il-maqjel u jgawdi l-appoġġ, il-protezzjoni, u l-barka t’Alla. (Dt. 33:27; Salm 91:14; Prov. 10:22) Jekk ikollhom opportunità biex ikunu t’għajnuna f’dan ir-rigward, x’jistgħu jagħmlu?
4. X’nistgħu nitgħallmu minn Galatin 6:2, 5?
4 Forsi jistgħu jinkuraġġixxu lill-individwu biex jerġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni billi b’qalb tajba juruh li Ġeħova jħobb lin-nagħaġ Tiegħu u jeħtieġ minna biss affarijiet li nistgħu nagħmlu. Dawn jinkludu li nistudjaw l-Iskrittura, nattendu l-laqgħat Kristjani, u nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Għandu mnejn ikun xieraq li jaqraw Galatin 6:2, 5 u jsemmu li l-Kristjani jistgħu jgħinu biex iġorru t-toqol taʼ xulxin, imma “kull wieħed iġorr it-tagħbija tiegħu” taʼ responsabbiltà spiritwali. Ħadd iktar ma jistaʼ jkun leali lejn Alla għalina.
Kienu l-“Ansjetajiet tal-Ħajja” li Ġegħluhom Jitbiegħdu?
5, 6. (a) Għala hu importanti li nisimgħu b’attenzjoni hekk kif sħabna fit-twemmin li jkunu inattivi jesprimu ruħhom? (b) Kif tistaʼ tgħin lil uħud inattivi jaraw li l-fatt li ma baqgħux jassoċjaw mal-poplu t’Alla kien taʼ detriment għalihom?
5 Biex ikunu jafu kif jgħinu lil sħabhom fit-twemmin li huma inattivi, l-anzjani u pubblikaturi maturi oħrajn jeħtieġ li jisimgħu b’attenzjoni hekk kif individwi bħal dawn jesprimu s-sentimenti tagħhom mill-qalb. Ejja ngħidu li int anzjan li qed iżżur lil koppja miżżewġa li m’humiex jiġu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni għaliex l-“ansjetajiet tal-ħajja” ġegħluhom jitbiegħdu. (Lq. 21:34) Problemi finanzjarji jew responsabbiltajiet miżjudin tal-familja forsi bil-mod il-mod ġegħluhom isiru inattivi spiritwalment. Għandhom mnejn iħossu li jeħtieġu serħan mir-responsabbiltajiet tagħhom, imma tistaʼ turihom li s-soluzzjoni m’hijiex li jiżolaw ruħhom. (Aqra Proverbji 18:1.) Tistaʼ tistaqsihom bit-tattika: “Tħossukom iktar henjin mindu ma bqajtux tattendu l-laqgħat? Tjiebet il-ħajja tal-familja tagħkom? Għadu l-ferħ taʼ Ġeħova l-fortizza tagħkom?”—Neħ. 8:10.
6 Billi jirriflettu fuq dawn il-mistoqsijiet, uħud inattivi jistgħu jiġu megħjunin jaraw li minħabba li m’għadhomx jassoċjaw mal-kongregazzjoni l-ispiritwalità u l-hena tagħhom naqsu. (Mt. 5:3; Ebr. 10:24, 25) Forsi tistaʼ tgħinhom jirrealizzaw li peress li m’għadhomx jippridkaw l-aħbar tajba, ir-riżultat kien li tilfu l-ferħ. (Mt. 28:19, 20) Għalhekk, mela, liema hi t-triq għaqlija li għandhom jieħdu?
7. X’nistgħu ninkuraġġuhom jagħmlu lil dawk li tbiegħdu mill-merħla?
7 Ġesù qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja . . . Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ.” (Lq. 21:34-36) Dawk li tbiegħdu mill-merħla imma li jridu jgawdu l-hena li kellhom qabel jistgħu jiġu inkuraġġiti biex jitolbu għall-ispirtu qaddis u għall-għajnuna divina u biex jaġixxu f’armonija mat-talb tagħhom.—Lq. 11:13.
Ġew Imfixklin?
8, 9. Anzjan kif jistaʼ jirraġuna maʼ wieħed li ġie mfixkel?
8 Peress li l-bnedmin huma imperfetti, ikun hemm nuqqas taʼ qbil minħabba l-personalitajiet, u dan jistaʼ jfixkel lil individwu. Xi wħud tfixklu meta individwu rispettat fil-kongregazzjoni aġixxa kontra l-prinċipji Bibliċi. Jekk xi ħadd li hu inattiv ġie effettwat b’dan il-mod, l-anzjan li jżuru jistaʼ jurih li Ġeħova ma jġiegħel lil ħadd jitfixkel. Għalhekk, għala għandu xi ħadd itemm ir-relazzjoni tiegħu m’Alla u mal-poplu Tiegħu? Minflok, m’għandux wieħed jibqaʼ jaqdi lil Alla, fiduċjuż li “l-Imħallef taʼ l-art kollha” jaf x’ġara u se jittratta l-kwistjonijiet kif suppost? (Ġen. 18:25; Kol. 3:23-25) Jekk individwu letteralment tfixkel u waqaʼ, mhux se jibqaʼ apposta f’din il-pożizzjoni mingħajr ma lanqas biss jipprova jqum.
9 Fi sforz biex jgħinu spiritwalment, anzjan jistaʼ jsemmi li meta jgħaddi ż-żmien, xi wħud sabu li dak li fixkilhom m’għadux jidher li hu daqshekk importanti. Fil-fatt, dan it-tfixkil forsi m’għadux jeżisti. Jekk individwu jitfixkel minħabba li ġie dixxiplinat, il-meditazzjoni bit-talb tistaʼ ġġiegħlu jikkonkludi li hu stess minn taʼ l-inqas kellu naqra tort u ma kellux iħalli d-dixxiplina tfixklu.—Salm 119:165; Ebr. 12:5-13.
Kellhom Problema Minħabba Xi Tagħlim?
10, 11. Liema rraġunar jistaʼ jkun effettiv meta tipprova tgħin lil xi ħadd li kellu fehma differenti dwar xi tagħlim Bibliku?
10 Xi wħud forsi telqu mill-merħla t’Alla għaliex ma qablux maʼ xi tagħlim Skritturali. L-Israelin li nħelsu mill-jasar Eġizzjan “insew x’kien għamel” Alla għan-nom tagħhom u “ma stennewx il-parir tiegħu.” (Salm 106:13) Jistaʼ jkun t’għajnuna li tfakkar lil wieħed inattiv li “l-ilsir leali u għaqli” qed jagħti ikel spiritwali eċċellenti. (Mt. 24:45) Kien b’dan il-mod li l-individwu tgħallem il-verità oriġinalment. Għalhekk, għala m’għandux ikun determinat li jerġaʼ jimxi fil-verità?—2 Ġw. 4.
11 Meta jkun qed jipprova jgħin lil dawk li tbiegħdu mill-merħla t’Alla, l-anzjan jistaʼ jirreferi għad-dixxipli li abbandunaw lil Ġesù għaliex ċaħdu waħda mill-affarijiet li kien jgħallem. (Ġw. 6:53, 66) Billi ma baqgħux jissieħbu maʼ Kristu u s-segwaċi leali tiegħu, huma tilfu l-ispiritwalità u l-ferħ tagħhom. Sabu dawk li ma baqgħux jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana post ieħor fejn hemm ikel spiritwali għani? Le, għax m’hemmx!
Kienet Involuta Kondotta Mhix Xierqa?
12, 13. Jekk xi ħadd li tbiegħed mill-merħla jammetti li għamel dnub serju, kif ikun possibbli li tgħinu?
12 Xi individwi ma jibqgħux jippridkaw u jattendu l-laqgħat għaliex jagħmlu dnub serju. Għandhom mnejn iħossu li jekk jistqarru l-għemil ħażin tagħhom lill-anzjani, jiġu maqtugħin mis-sħubija. Imma mhux se jiġu mkeċċijin mill-kongregazzjoni jekk m’għadhomx iwettqu l-prattika mhix Skritturali u nidmu ġenwinament. (2 Kor. 7:10, 11) Minflok, huma se jiġu milqugħin lura, u l-anzjani jagħtuhom l-għajnuna spiritwali li jkollhom bżonn.
13 Jekk int pubblikatur matur li ġejt inkarigat biex tgħin lil individwu inattiv, x’għandek tagħmel jekk jgħidlek li għamel dnub serju? Kif ġie notat qabel, minflok ma tinvolvi ruħek iktar fis-sitwazzjoni, issuġġerilu li javviċina lill-anzjani. Jekk ma jkunx jixtieq jagħmel hekk, int tkun qed turi t-tħassib tiegħek għal isem Ġeħova u l-benesseri spiritwali tal-kongregazzjoni jekk taġixxi f’armonija mad-direzzjoni divina dwar kwistjonijiet bħal dawn. (Aqra Levitiku 5:1.) L-anzjani jkunu jafu kif jgħinu lil xi ħadd li jixtieq jirritorna u jgħix fi qbil mar-rieda t’Alla. Tistaʼ tkun meħtieġa dixxiplina bl-imħabba. (Ebr. 12:7-11) Jekk l-individwu jirrikonoxxi li dineb kontra Alla, m’għadux jieħu sehem f’għemil ħażin, u jindem verament, l-anzjani jgħinuh, u hu jkun jistaʼ jirċievi l-maħfra taʼ Ġeħova.—Is. 1:18; 55:7; Ġak. 5:13-16.
Iben li Jerġaʼ Lura Jġib il-Ferħ
14. Fi kliemek, irrakkonta t-tixbiha taʼ Ġesù rigward l-iben il-ħali.
14 Meta jipprova jgħin lil nagħġa li tkun tbiegħdet, il-wieħed inkarigat biex jgħinha jistaʼ jirreferi għat-tixbiha taʼ Ġesù dokumentata f’Luqa 15:11-24. F’din il-parabbola, żagħżugħ iberbaq il-wirt tiegħu f’ħajja laxka. Hu eventwalment jibda jistmerr il-ħajja sfrattata li kien qed jgħix. Għandu l-istonku vojt, qabditu nostalġija għax qiegħed ’il bogħod mid-dar, u ddeċieda x’se jagħmel—sejjer id-dar! Meta jkun għadu ’l bogħod, missieru jarah, jitlaq jiġri u jgħannaq lil ibnu, ibusu b’tenerezza, u hu mimli ferħ. Jekk dak li jkun tbiegħed jirrifletti fuq din it-tixbiha jistaʼ jiġi mqanqal biex jerġaʼ lura lejn il-maqjel. Ladarba din is-sistema dalwaqt se tinqered, għandu ‘jiġi d-dar’ bla dewmien.
15. Xi wħud għala jitbiegħdu mill-kongregazzjoni?
15 Il-biċċa l-kbira minn dawk li jitbiegħdu mill-kongregazzjoni m’humiex eżattament bħall-iben il-ħali. Xi wħud jitbiegħdu bil-mod il-mod, sewwasew bħalma dgħajsa mitluqa mal-kurrent titbiegħed bil-mod il-mod lil hinn mill-art. Oħrajn tant isiru mtaqqlin bl-ansjetajiet li ma jibqgħux iffokati fuq l-affarijiet spiritwali. Jerġaʼ oħrajn iħallu lilhom infushom jiġu mfixklin minn xi ħadd li jassoċja mal-kongregazzjoni, jew jitilqu għaliex ma jaqblux maʼ ċertu tagħlim Skritturali. Xi wħud jinvolvu ruħhom f’kondotta mhix Skritturali. Madankollu, il-punti preżentati b’konnessjoni maʼ kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet jistgħu jgħinuk biex tgħin lil dawk li telqu mill-maqjel, minħabba dawn ir-raġunijiet jew raġunijiet oħrajn, sabiex ifittxu jerġgħu lura qabel ma jkun tard wisq.
“Merħba Lura d-Dar, Ibni!”
16-18. (a) Anzjan kif għen lil ħu li kien ilu inattiv għal snin sħaħ? (b) Dan il-ħu għala kien sar inattiv, kif ġie megħjun, u kif kien milqugħ mill-kongregazzjoni?
16 Anzjan Kristjan jgħid: “Il-ġemgħa taʼ l-anzjani lokali tagħna hi interessata ferm biex iżżur lil dawk li huma inattivi. Jien ħsibt dwar ħu li studjajt miegħu u għentu biex ikollu l-għarfien dwar il-verità. Kien ilu inattiv għal madwar 25 sena u kien għaddej minn sitwazzjoni diffiċli ferm, u għalhekk jien spjegajtlu kif il-fatt li japplika l-prinċipji spiritwali mill-Bibbja setaʼ jgħinu. Wara ftit taż-żmien, hu beda jmur is-Sala tas-Saltna u aċċetta li jkollu studju persunali tal-Bibbja biex jgħinu jsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħu ħalli jerġaʼ lura lejn il-merħla.”
17 Dan il-ħu għala sar inattiv? Hu jammetti: “Bdejt nagħti iktar attenzjoni lill-affarijiet tad-dinja milli lill-affarijiet spiritwali. Imbagħad la bqajt nistudja, la nieħu sehem fil-ministeru, u lanqas nattendi l-laqgħat. F’kemm ili ngħidlek, ma kontx għadni nagħmel parti mill-kongregazzjoni Kristjana. Imma ġejt megħjun biex nerġaʼ lura minħabba l-interess persunali u sinċier li wera l-anzjan.” Il-problemi taʼ dan il-ħu bdew jonqsu wara li aċċetta studju persunali tal-Bibbja. Hu jgħid: “Jien irrealizzajt li dak li kelli nieqes f’ħajti kien l-imħabba u l-gwida taʼ Ġeħova u taʼ l-organizzazzjoni tiegħu.”
18 Dan il-ħu kif intlaqaʼ fil-kongregazzjoni? Hu jgħid: “Inħossni bħall-iben il-ħali li tkellem dwaru Ġesù Kristu. Fil-fatt, waħda minn ħutna mdaħħlin fiż-żmien li kienet hemmhekk 30 sena ilu u li għadha taqdi lil Ġeħova qaltli, ‘Merħba lura d-dar, ibni!’ Dan tassew messli qalbi. Kont verament id-dar. U nixtieq nesprimi l-apprezzament sinċier tiegħi għall-imħabba, il-kordjalità, il-paċenzja, u l-interess li wrew miegħi dak l-anzjan u l-kongregazzjoni kollha kemm hi. Imħabbithom għal Ġeħova u għall-proxxmu għenitni verament biex nerġaʼ lura lejn il-merħla.”
Ħeġġiġhom Biex Jaġixxu Llum!
19, 20. Kif tistaʼ tinkuraġġixxi lil uħud inattivi biex jerġgħu lura lejn il-merħla bla dewmien, u kif tistaʼ turihom li Alla ma jistenniex wisq minna?
19 Qed ngħixu fl-aħħar jiem, u t-tmiem taʼ din is-sistema hu imminenti. Għalhekk, inkuraġġixxi lill-uħud inattivi biex jattendu l-laqgħat Kristjani. Ħeġġiġhom biex jibdew jattendu immedjatament. Urihom li Satana qed jipprova jeqred ir-relazzjoni tagħhom m’Alla u jġegħelhom jaħsbu li s-serħan mit-tagħbijiet tal-ħajja jistaʼ jiġi billi jabbandunaw il-qima vera. Tistaʼ tassigurahom li huwa biss billi jkunu segwaċi leali taʼ Ġesù li jistgħu jgawdu serħan veru.—Aqra Mattew 11:28-30.
20 Fakkar lil uħud inattivi li Alla jistenna li nagħmlu dak li nistgħu. Meta Marija, oħt Lazzru, ġiet kritikata għax dilket lil Ġesù b’żejt ifuħ li kien jiswa ħafna ftit qabel il-mewt tiegħu, hu qal: “Ħalluha. . . . Hi għamlet dak li setgħet.” (Mk. 14:6-8) Ġesù faħħar lill-armla fil-bżonn li tefgħet kontribuzzjoni żgħira ferm fit-tempju. Din ukoll għamlet dak li setgħet. (Lq. 21:1-4) Il-biċċa l-kbira minna nistgħu nattendu l-laqgħat Kristjani u nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, ħafna minn dawk li issa huma inattivi se jkunu jistgħu jagħmlu l-istess affarijiet.
21, 22. Dwar xiex tistaʼ taċċerta lil dawk li jerġgħu lura lejn Ġeħova?
21 Jekk xi ħadd bħal nagħġa li tbiegħed mill-merħla jibżaʼ jerġaʼ jiffaċċja lil ħutu, int tistaʼ tfakkru fil-ferħ li kien hemm meta l-iben il-ħali mar id-dar. Dawk li jerġgħu lura lejn il-kongregazzjoni jġibu magħhom ferħ simili. Inkuraġġihom biex jaġixxu issa ħalli jopponu lix-Xitan u jersqu qrib lejn Alla.—Ġak. 4:7, 8.
22 Hemm merħba ferriħija tistenna lil dawk li jerġgħu lura lejn Ġeħova. (Lam. 3:40) L-esperjenzi li kellhom fil-passat fis-servizz t’Alla bla dubju ġabulhom ferħ kbir. Kemm hemm barkiet jistennew lil dawk li jerġgħu lura lejn il-merħla bla dewmien!
Int Kif Twieġeb?
• Kif tistaʼ tgħin lil Kristjan li tfixkel u sar inattiv?
• Liema rraġunar jistaʼ jgħin lil xi ħadd li telaq mill-merħla t’Alla minħabba opinjoni persunali rigward xi tagħlim partikulari?
• Kif jistaʼ jkun possibbli li tgħin lil xi ħadd li qiegħed bejn ħalltejn jekk jerġax lura lejn il-kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 13]
Ismaʼ b’attenzjoni hekk kif xi ħadd taʼ l-istess twemmin li hu inattiv jesprimi ruħu
[Stampa f’paġna 15]
Il-fatt li jirriflettu fuq it-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-iben il-ħali jistaʼ jqanqal lil xi wħud biex jerġgħu lura lejn il-merħla