LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 3/15 pp. 7-11
  • Sib il-Ferħ fiż-Żwieġ Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sib il-Ferħ fiż-Żwieġ Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Oqgħod Kompletament għad-​Direzzjoni taʼ Ġeħova
  • Xi Jwassal għal Żwieġ taʼ Suċċess?
  • Kun Lest li Ċċedi fiż-​Żwieġ
  • Tagħtix Wisaʼ lix-​Xitan
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Żommu “Ħabel bi Tlieta” fiż-Żwieġ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 3/15 pp. 7-11

Sib il-​Ferħ fiż-​Żwieġ Tiegħek

“Id-​dar bl-​għerf tinbena u bid-​dehen tissaħħaħ.”—PROV. 24:3.

1. Alla kif wera l-​għerf rigward l-​ewwel bniedem?

IL-​MISSIER għaref li għandna fis-​sema jaf x’inhu tajjeb għalina. Per eżempju, Alla għaraf li biex jitwettaq l-​iskop Tiegħu ma kienx “sewwa li l-​bniedem jibqaʼ waħdu” fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Parti prinċipali minn dak l-​iskop kienet li l-​miżżewġin ikollhom it-​tfal u ‘jimlew l-​art.’—Ġen. 1:28; 2:18.

2. Liema arranġament għamel Ġeħova għall-​benefiċċju tal-​bnedmin?

2 “Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih, [“sieħba li taqbel għal miegħu,” NW],” qal Ġeħova. Imbagħad Alla tefaʼ nagħsa tqila fuq l-​ewwel bniedem, u ħadlu kustilja mill-​ġisem perfett tiegħu u sawwarha f’mara. Meta Ġeħova ħa lil din il-​mara perfetta, Eva, għand Adam, ir-​raġel qal: “Din id-​darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-​raġel ittieħdet hi.” Eva kienet verament sieħba li taqbel għal maʼ Adam. It-​tnejn li huma kellhom karatteristiki u kwalitajiet uniċi, u madankollu t-​tnejn kienu perfetti u magħmulin fix-​xbieha t’Alla. B’dan il-​mod, Ġeħova għamel l-​ewwel żwieġ. Adam u Eva aċċettaw minn qalbhom dan l-​arranġament divin li permezz tiegħu kellhom jgħinu u jappoġġaw lil xulxin.—Ġen. 1:27; 2:21-23.

3. Ħafna nies kif iqisu r-​rigal taż-​żwieġ, u dan x’mistoqsijiet iqajjem?

3 B’sogħba, id-​dinja taʼ llum hija dominata minn spirtu ribelluż. Il-​problemi li joħloq dan l-​ispirtu m’humiex ġejjin mingħand Alla. Ħafna nies iżebilħu r-​rigal taż-​żwieġ li tana Alla, billi jħarsu lejn iż-​żwieġ bħala xi ħaġa antikwata, sors taʼ frustrazzjoni jew ġlied. Fost dawk li jiddeċiedu li jiżżewġu, id-​divorzju hu komuni. Għandu mnejn it-​tfal ma jintwerewx affezzjoni naturali u jispiċċaw qishom karti tal-​logħob f’idejn il-​ġenituri tagħhom biex dawn jiksbu dak li jridu. Ħafna ġenituri ma jaġixxux b’mod raġunevoli u jċedu lil xulxin, minkejja li dan jistaʼ jġib il-​paċi u l-​unità. (2 Tim. 3:3) Allura, kif jistaʼ jinżamm il-​ferħ fiż-​żwieġ f’dawn iż-​żminijiet kritiċi? Il-​fatt li nċedu, billi nikkooperaw u noqogħdu kompletament għad-​direzzjoni taʼ Ġeħova, kif jistaʼ jgħinna nżommu ż-​żwieġ tagħna b’saħħtu? X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ wħud li żammew il-​ferħ fiż-​żwieġ tagħhom fi żmienna?

Oqgħod Kompletament għad-​Direzzjoni taʼ Ġeħova

4. (a) Pawlu liema direzzjoni ta dwar iż-​żwieġ? (b) Il-​Kristjani ubbidjenti kif jimxu fuq id-​direzzjoni taʼ Pawlu?

4 L-​appostlu Kristjan Pawlu ta direzzjoni ispirata lir-​romol li jekk dawn jagħżlu li jerġgħu jiżżewġu għandhom jiżżewġu “biss fil-​Mulej.” (1 Kor. 7:39) Dan ma kienx xi ħsieb ġdid għall-​Kristjani li qabel kienu jħaddnu r-​reliġjon Lhudija. Il-​Liġi li Alla ta lil Iżrael kienet tgħid b’mod ċar li huma ma kellhomx jiżżewġu lil xi ħadd mill-​ġnus pagani taʼ madwarhom. Ġeħova kompla jagħti spjegazzjoni li tenfasizza l-​periklu li jistaʼ jkun hemm jekk jiġi injorat dan il-​livell divin. “Għax [dak li mhux Iżraeli] ibiegħed lil ibnek minni biex iservi allat oħra, u jixgħel imbagħad il-​Mulej bl-​għadab kontra tagħkom u jeqridkom minnufih.” (Dt. 7:3, 4) Ġeħova liema pożizzjoni jistenna li jieħdu l-​qaddejja tiegħu taʼ llum meta jiġu biex jagħżlu s-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom? Ovvjament, il-​qaddejja t’Alla għandhom jagħżlu bħala sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ lil xi ħadd li jkun “fil-​Mulej” u dedikat u mgħammed. Tkun l-​iktar ħaġa għaqlija li noqogħdu kompletament għad-​direzzjoni taʼ Ġeħova meta niġu biex nagħżlu s-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna.

5. Ġeħova u l-​Kristjani miżżewġin kif iħarsu lejn il-​wegħdi taż-​żwieġ?

5 Il-​wegħdi taż-​żwieġ huma sagri f’għajnejn Alla. Meta rrefera għall-​ewwel żwieġ, l-​Iben t’Alla nnifsu, Ġesù, qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:6) Is-​salmista jfakkarna dwar is-​serjetà tal-​wegħdi: “Agħti ’l Alla sagrifiċċju taʼ radd il-​ħajr, u rodd lill-​Għoli l-​wegħdiet tiegħek.” (Salm 50:14) Għalkemm koppja li tiżżewweġ tistaʼ tgawdi ferħ kbir, il-​wegħdi li dawn it-​tnejn jagħtu lil xulxin dakinhar tat-​tieġ huma serji u jġibu magħhom ir-​responsabbiltà.—Dt. 23:22 (23:21, NW).

6. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġeftaħ?

6 Ikkunsidra l-​każ taʼ Ġeftaħ, li qeda bħala mħallef f’Iżrael fis-​seklu 12 Q.E.K. Hu għamel din il-​wegħda lil Ġeħova: “Jekk inti terħi f’idejja lil ulied Għammon, min joħroġ jilqagħni l-​ewwel minn bieb dari, meta nerġaʼ lura bis-​sliem minn quddiem l-​Għammonin, ikun tal-​Mulej u noffrihulu b’sagrifiċċju tal-​ħruq.” X’għamel Ġeftaħ meta wasal lura f’daru f’Misfa u ra li kienet bintu, l-​unika waħda li kellu, li ħarġet tilqgħu? Ipprova hu jikser il-​wegħda tiegħu? Le. Hu qal: “Tajt kelma lill-​Mulej, u ma nistax nerġaʼ lura minnha.” (Mħ. 11:30, 31, 35) Ġeftaħ żamm kelmtu maʼ Ġeħova, avolja dan kien ifisser li ma kienx se jkollu dixxendent li jġorrlu ismu. Il-​wegħda taʼ Ġeftaħ kienet differenti mill-​wegħdi taż-​żwieġ, imma l-​mod kif żammha huwa t’eżempju eċċellenti għall-​irġiel u n-​nisa Kristjani miżżewġin b’konnessjoni mal-​wegħdi li għamlu.

Xi Jwassal għal Żwieġ taʼ Suċċess?

7. Liema aġġustamenti jridu jagħmlu l-​miżżewġin friski?

7 Ħafna koppji miżżewġin jieħdu pjaċir jiftakru fiż-​żmien meta kienu namrati. Kemm kien pjaċevoli li jsiru jafu s-​sieħeb jew is-​sieħba futura tagħhom! Iktar ma kienu jqattgħu ħin flimkien, iktar kienu jsiru jafu lil xulxin aħjar. Imma sew jekk iż-​żwieġ tagħhom seħħ wara ċertu perijodu taʼ namur u sew jekk iż-​żwieġ kien irranġat mill-​ġenituri, meta fl-​aħħar raġel u mara jiżżewġu, huwa vitali li jagħmlu xi aġġustamenti. Wieħed raġel jammetti: “L-​akbar problema li kellna meta żżewwiġna kienet li nirrikonoxxu li ma konniex iktar waħedna. Għall-​ewwel konna nsibuha diffiċli li nżommu l-​ħbieb u r-​rabtiet tal-​familja f’posthom.” Raġel ieħor, li issa ilu miżżewweġ 30 sena, għaraf kmieni fiż-​żwieġ tiegħu li biex ikun bilanċjat ried jibda jaħseb f’żewġ persuni u mhux jaħseb fih innifsu biss. Qabel ma jaċċetta xi stedina jew jagħmel xi appuntament, hu l-​ewwel jiddiskuti maʼ martu u mbagħad jiddeċiedi, billi jikkunsidra l-​interessi tagħhom it-​tnejn. F’sitwazzjoni bħal din, ikun t’għajnuna li tkun lest li ċċedi.—Prov. 13:10.

8, 9. (a) Għala huwa importanti li jkollok komunikazzjoni tajba? (b) F’liema aspetti jgħin li tkun flessibbli, u għala?

8 Xi kultant żewġ persuni minn kulturi u ambjenti differenti jingħaqdu fiż-​żwieġ. B’mod speċjali f’każijiet bħal dawn iktar ikun hemm bżonn taʼ komunikazzjoni sinċiera bejniethom. L-​istili taʼ komunikazzjoni jvarjaw. Meta tosserva kif is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ titkellem mal-​qraba, dan se jgħinek tifhimha aħjar. Xi drabi, m’huwiex dak li jintqal imma l-​mod kif jingħad li juri xi jkun qed jaħseb il-​bniedem minn ġewwa. U tistaʼ ssir taf ħafna minn dak li ma jingħadx. (Prov. 16:24; Kol. 4:6) Id-​dehen hu vitali għall-​ferħ.—Aqra Proverbji 24:3.

9 Meta ġew biex jagħżlu xi passatemp jew rikreazzjoni, ħafna raw li huwa importanti li jkunu flessibbli. Għandu mnejn li qabel iż-​żwieġ, is-​sieħeb tiegħek kien iqattaʼ xi ħin jagħmel xi sports jew jieħu sehem f’xi attivitajiet oħrajn taʼ rikreazzjoni. Forsi issa huwa xieraq li jsir xi aġġustament? (1 Tim. 4:8) L-​istess ħaġa tistaʼ tingħad għall-​ħin li jitqattaʼ mal-​qraba. Naturalment, koppja miżżewġa għandha bżonn li tqattaʼ ħin flimkien f’affarijiet spiritwali kif ukoll f’affarijiet oħrajn.—Mt. 6:33.

10. Il-​fatt li wieħed ikun lest li jċedi kif jgħin biex ikun hemm relazzjonijiet tajbin bejn il-​ġenituri u wliedhom miżżewġin?

10 Meta raġel jiżżewweġ, hu jitlaq lil missieru u lil ommu, u l-​istess ħaġa tapplika għall-​mara. (Aqra Ġenesi 2:24.) Madankollu, il-​gwida divina biex wieħed jonora lil missieru u lil ommu tibqaʼ tapplika saħansitra meta jikber. Għalhekk, anki wara li koppja tiżżewweġ, x’aktarx li huma se jqattgħu xi ħin mal-​ġenituri u l-​kunjati tagħhom. Wieħed raġel li ilu miżżewweġ 25 sena jinnota: “Xi kultant ikun diffiċli li ssib bilanċ bejn ix-​xewqat u l-​bżonnijiet tas-​sieħba tiegħek u dawk tal-​ġenituri tiegħek, taʼ ħutek, u tal-​familja tal-​mara. Meta niġi biex niddeċiedi x’inhu l-​aħjar li nagħmel, tgħinni ħafna l-​iskrittura taʼ Ġenesi 2:24. Wieħed huwa obbligat li jkun leali lejn membri oħrajn tal-​familja u huwa marbut magħhom b’ċerti responsabbiltajiet, imma dan il-​vers urieni li l-​lealtà lejn is-​sieħba tiegħi tiġi qabel.” Fi qbil maʼ dan, ġenituri Kristjani li huma raġunevoli u lesti li jċedu se jirrispettaw il-​fatt li issa wliedhom huma miżżewġin u parti minn familja fejn ir-​raġel huwa responsabbli għat-​tmexxija taʼ dik il-​familja.

11, 12. L-​istudju tal-​familja u t-​talb għala huma importanti għall-​koppji miżżewġin?

11 Huwa essenzjali li jkun hemm rutina tajba taʼ studju tal-​familja. L-​esperjenza taʼ ħafna familji Kristjani hija xiehda taʼ dan. Għandu mnejn ma jkunx faċli li tistabbilixxi studju bħal dan jew li tibqaʼ żżommu regolarment. Wieħed kap taʼ familja jgħid: “Li kieku kellna mmorru lura u nbiddlu xi ħaġa, din kienet tkun li naċċertaw ruħna li nżommu rutina tajba taʼ studju tal-​familja sa mill-​bidu taż-​żwieġ tagħna.” Hu jkompli: “Hija tassew għaxqa li nosserva l-​ferħ li tesprimi marti meta tkun imqanqla b’xi verità spiritwali li nsibu waqt l-​istudju tagħna flimkien.”

12 Għajnuna oħra hi t-​talb flimkien. (Rum. 12:12) Meta r-​raġel u l-​mara jkunu magħqudin fil-​qima taʼ Ġeħova, ir-​relazzjoni mill-​qrib tagħhom m’Alla se tgħinhom isaħħu r-​rabta tagħhom fiż-​żwieġ. (Ġak. 4:8) Wieħed raġel Kristjan jispjega: “Li nitolbu skuża malajr għall-​iżbalji tagħna u nsemmu dawn l-​iżbalji meta nitolbu flimkien huwa mod kif nuru li jiddispjaċina sinċerament anki dwar affarijiet żgħar li jistgħu jweġġgħu lil dak li jkun.”—Efes. 6:18.

Kun Lest li Ċċedi fiż-​Żwieġ

13. Pawlu liema parir ta dwar ir-​relazzjonijiet intimi fiż-​żwieġ?

13 Il-​Kristjani miżżewġin għandhom bżonn jevitaw prattiki li jbaxxu r-​relazzjoni taʼ bejn il-​miżżewġin u li huma tant komuni fid-​dinja mitlufa wara s-​sess li ngħixu fiha llum. Dwar dan is-​suġġett, Pawlu ta dan il-​parir: “Il-​mara m’għandhiex awtorità fuq ġisimha, iżda żewġha għandu; hekk ukoll ir-​raġel m’għandux awtorità fuq ġismu, iżda martu għandha.” Imbagħad Pawlu ta din id-​direzzjoni ċara: “Iċċaħħdux lil xulxin minn dan, ħlief għal żmien stabbilit għax tkunu ftehemtu bejnietkom.” Għaliex? “Biex tiddedikaw ħin għat-​talb, u mbagħad terġgħu tingħaqdu sabiex Satana ma joqgħodx jittantakom għax ma tkunux tifilħu żżommu.” (1 Kor. 7:3-5) Meta semma t-​talb, Pawlu kien qed juri x’inhuma l-​prijoritajiet taʼ Kristjan. Imma hu għamilha ċara wkoll li l-​Kristjani miżżewġin għandhom ikunu attenti għall-​bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali tas-​sieħeb jew sieħba tagħhom.

14. Il-​prinċipji Skritturali kif japplikaw fejn għandhom x’jaqsmu r-​relazzjonijiet intimi fiż-​żwieġ?

14 Ir-​raġel u l-​mara għandhom bżonn ikunu onesti maʼ xulxin u jirrikonoxxu li n-​nuqqas taʼ tenerezza fir-​relazzjonijiet intimi jistaʼ jwassal għal problemi. (Aqra Filippin 2:3, 4; qabbel Mattew 7:12.) Dan jiġri f’ħafna familji li huma maqsumin reliġjożament. Anki jekk ikun hemm xi differenzi, il-​Kristjan ħafna drabi jistaʼ jtejjeb l-​affarijiet permezz taʼ mġiba mill-​aħjar, qalb tajba, u kooperazzjoni. (Aqra l-​1 Pietru 3:1, 2.) Imħabba għal Ġeħova u għas-​sieħeb jew is-​sieħba, kif ukoll il-​fatt li wieħed ikun lest li jċedi, huma t’għajnuna kbira f’dan l-​aspett taż-​żwieġ.

15. Liema rwol għandu r-​rispett fi żwieġ hieni?

15 Ir-​raġel miżżewweġ li jkun qalbu tajba se jittratta lil martu bir-​rispett f’aspetti oħrajn ukoll. Per eżempju, hu se jagħti kas is-​sentimenti tagħha anki f’affarijiet żgħar. Wieħed raġel li ilu miżżewweġ 47 sena jammetti: “F’dan l-​aspett għadni qed nitgħallem.” In-​nisa Kristjani huma mwissijin biex ikollhom rispett profond lejn żwieġhom. (Efes. 5:33) Jekk jitkellmu b’mod negattiv dwar żwieġhom, u joqogħdu jenfasizzaw id-​difetti tagħhom quddiem ħaddieħor, ma tantx ikunu qed juru rispett. Proverbji 14:1 ifakkarna: “Għerf il-​mara jibnilha darha u bluhitha b’idejha ġġarrafha.”

Tagħtix Wisaʼ lix-​Xitan

16. Il-​koppji kif jistgħu japplikaw Efesin 4:26, 27 fiż-​żwieġ tagħhom?

16 “Inkorlaw, iżda tidinbux; tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-​Xitan.” (Efes. 4:26, 27) Meta jiġi applikat, dan il-​kliem jistaʼ jgħinna nsolvu jew nevitaw in-​nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ. “Qatt ma niftakar li kelli xi nuqqas taʼ ftehim mar-​raġel u ma ddiskutejtux miegħu, anki jekk dan kien ifisser li nqattgħu sigħat sħaħ insolvu l-​kwistjoni,” tiftakar waħda oħt. Mill-​bidu taż-​żwieġ tagħhom, hi u żewġha kienu determinati li ma jħallux il-​ġurnata tispiċċa qabel ma jkunu solvew id-​differenzi taʼ bejniethom. “Iddeċidejna li tkun xi tkun il-​problema, naħfru u ninsew u kuljum nibdew mill-​ġdid.” B’dan il-​mod huma ‘ma tawx wisaʼ lix-​Xitan.’

17. Minkejja li l-​imseħbin fiż-​żwieġ forsi ma jkunux jaqblu, x’jistaʼ jgħinhom?

17 Imma xi ngħidu jekk tħoss li m’għamiltx għażla għaqlija fiż-​żwieġ? Issa forsi sibt ruħek f’relazzjoni li ma tidhirx daqshekk romantika bħal taʼ ħaddieħor. Madankollu, ikun t’għajnuna jekk tibqaʼ żżomm f’moħħok il-​ħarsa tal-​Ħallieq lejn ir-​rabta taż-​żwieġ. B’ispirazzjoni Pawlu ta dan il-​parir lill-​Kristjani: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebr. 13:4) U ma rridux ninsew ukoll il-​kliem: “Ħabel bi tlieta m’hux la kemm jinqataʼ.” (Koħ. 4:12) Meta kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jkunu konċernati profondament dwar it-​taqdis taʼ isem Ġeħova, huma jkunu magħqudin flimkien u magħqudin m’Alla. Huma għandhom jistinkaw biex iż-​żwieġ tagħhom jirnexxi, għax jafu li dan se jirrifletti tajjeb fuq Ġeħova, l-​Oriġinatur taż-​żwieġ.—1 Pt. 3:11.

18. Dwar xiex tistaʼ tkun ċert rigward iż-​żwieġ?

18 Ċertament, il-​Kristjani jistgħu jsibu l-​ferħ fiż-​żwieġ tagħhom. Għal dan jeħtieġ li jistinkaw u juru l-​kwalitajiet Kristjani, li waħda minnhom hi r-​raġunevolezza, jew li jkunu lesti li jċedu. Illum, fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja, hemm għadd kbir taʼ koppji miżżewġin li juru li dan hu possibbli.

Int Kif Twieġeb?

• Għala huwa possibbli ssib il-​ferħ fiż-​żwieġ tiegħek?

• X’jistaʼ jgħin biex iż-​żwieġ jirnexxi?

• Liema kwalitajiet għandhom bżonn jiżviluppaw l-​imseħbin fiż-​żwieġ?

[Stampa f’paġna 9]

Il-​koppji miżżewġin b’mod għaqli jitkellmu bejniethom qabel ma jaċċettaw xi stedina jew jagħmlu xi appuntament

[Stampa f’paġna 10]

Ħabirku biex issolvu xi nuqqas taʼ qbil dakinhar stess, minflok ‘ma tagħtu wisaʼ lix-​Xitan’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja