Ġeħova Ma Jitlaqhomx lil-Leali Tiegħu
“[Ġeħova] lil-leali tiegħu ma jitlaqhomx. Għal dejjem se jkunu mħarsin.”—SALM 37:28.
1, 2. (a) Liema żviluppi li seħħew fl-għaxar seklu Q.E.K. ġarrbu l-lealtà tal-qaddejja t’Alla? (b) Ġeħova f’liema tliet sitwazzjonijiet ħarishom lil-leali tiegħu?
NINSABU fl-għaxar seklu Q.E.K. u huwa żmien taʼ deċiżjoni. Għadha kif ġiet evitata gwerra ċivili għax it-tribujiet taʼ Israel tat-tramuntana, li huma bla sabar, ngħataw ċertu ammont taʼ indipendenza. Ġerobogħam, is-sultan tagħhom li għadu kif inħatar, malajr jieħu azzjoni biex isaħħaħ il-qawwa tiegħu billi jistabbilixxi reliġjon ġdida taʼ l-Istat. Hu jesiġi lealtà sħiħa mis-sudditi tiegħu. X’se jagħmlu l-qaddejja leali taʼ Ġeħova? Se jibqgħu huma leali lejn l-Alla li jaqdu? Eluf jibqgħu leali, u Ġeħova jħarishom hekk kif huma jżommu l-integrità tagħhom lejh.—1 Slat. 12:1-33; 2 Kron. 11:13, 14.
2 Il-lealtà tal-qaddejja t’Alla qed tiġi mġarrba fi żmienna wkoll. “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa,” twissi l-Bibbja. “L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” Nistgħu aħna b’suċċess ‘niqfulu, sodi fil-fidi’? (1 Pt. 5:8, 9) Ejja neżaminaw xi ġrajjiet li seħħew fi żmien il-ħatra tas-Sultan Ġerobogħam fis-sena 997 Q.E.K. u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom. Matul dawk iż-żminijiet kritiċi, il-qaddejja leali taʼ Ġeħova kienu maħqurin. Kienu wkoll esposti għal influwenzi apostati waqt li kienu qed iwettqu inkarigi diffiċli. F’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, Ġeħova ma telaqx lil-leali tiegħu dakinhar, u mhux se jitlaqhom illum.—Salm 37:28.
Meta Nkunu Maħqurin
3. Taħt il-ħakma tas-Sultan David għala ma kienx hemm moħqrija?
3 L-ewwel ejja neżaminaw x’kienu ċ-ċirkustanzi meta Ġerobogħam sar sultan. Proverbji 29:2 jgħid: “Meta jaħkem xi ħadd mill-agħar, in-nies jitniehdu.” Taħt il-ħakma tas-Sultan David taʼ Israel tal-qedem, il-poplu ma tnihedx. David ma kienx perfett, imma kien leali lejn Alla u kien jafda fih. Taħt il-ħakma taʼ David ma kienx hemm moħqrija. Ġeħova għamel patt maʼ David billi qallu: “Darek u saltnatek ikunu sodi għal żmien indefinit; it-tron tiegħek ikun stabbilit fis-sod għal żmien indefinit.”—2 Sam. 7:16.
4. Il-barkiet li tgawdew matul il-ħakma taʼ Salamun minn xiex kienu jiddependu?
4 Il-ħakma taʼ Salamun, bin David, għall-ewwel tant kienet mimlija paċi u prosperità li setgħet bix-xieraq tiffigura bil-quddiem ir-Renju Millennjali futur taʼ Kristu Ġesù. (Salm 72:1, 17) L-ebda wieħed mit-12-il tribù taʼ Israel f’dak iż-żmien ma kellu raġuni biex jirribella. Madankollu, Salamun u s-sudditi tiegħu kienu se jibqgħu jgawdu dawn il-barkiet biss b’ċerti kundizzjonijiet. Ġeħova qal lil Salamun: “Jekk timxi maʼ l-istatuti tiegħi u twettaq id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi u tħares il-kmandamenti kollha tiegħi billi timxi magħhom, jien ukoll inwettaq miegħek il-kelma tiegħi li għedt lil David missierek; u ngħammar f’nofs ulied Israel, u ma nitlaqx lill-poplu tiegħi Israel.”—1 Slat. 6:11-13.
5, 6. X’ġara minħabba n-nuqqas taʼ lealtà taʼ Salamun lejn Alla?
5 Fi xjuħitu, Salamun ma baqax leali lejn Ġeħova u beda jieħu sehem fil-qima falza. (1 Slat. 11:4-6) Bil-mod il-mod, Salamun ma baqax jobdi l-liġijiet taʼ Ġeħova u beda jaħqar lill-poplu iktar u iktar. Il-moħqrija tant kienet kbira li wara mewtu n-nies gergru dwaru maʼ Reħobogħam, ibnu u s-suċċessur tiegħu, u talbuh itaffilhom il-piż. (1 Slat. 12:4) Ġeħova kif irreaġixxa meta Salamun ma baqax leali?
6 Il-Bibbja tgħidilna: “Ġeħova għadab għal Salamun, għax qalbu kienet daret minn . . . Alla taʼ Israel, dak li deherlu darbtejn.” Ġeħova qal lil Salamun: “Talli . . . ma żammejtx il-patt tiegħi u l-istatuti tiegħi li tajtek bi kmand, jien żgur inċarrat is-saltna minn fuqek, u nagħtiha lill-qaddej tiegħek.”—1 Slat. 11:9-11.
7. Għalkemm warrab lil Salamun, Ġeħova kif ħa ħsieb il-leali Tiegħu?
7 Imbagħad Ġeħova bagħat lill-profeta Aħija sabiex jaħtar ħellies. Dak il-ħellies kien Ġerobogħam, raġel kapaċi li kien jaħdem għal Salamun meta dan kien sultan. Għalkemm Ġeħova baqaʼ leali lejn il-patt tas-Saltna li kien għamel maʼ David, Hu approva li t-12-il tribù jinqasmu f’żewġ saltniet. Għaxar tribujiet kellhom jingħataw lil Ġerobogħam; tnejn kellhom jitħallew lil-linja tal-familja taʼ David, li issa kienet rappreżentata mis-Sultan Reħobogħam. (1 Slat. 11:29-37; 12:16, 17, 21) Ġeħova qal lil Ġerobogħam: “Jiġri li, jekk tobdi kulma nikkmandak, u timxi fi triqati u tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejja billi tħares l-istatuti u l-kmandamenti tiegħi, bħalma għamel David il-qaddej tiegħi, jien inkun miegħek u nibnilek dar dejjiema, bħalma bnejt għal David, u nagħtik lil Israel.” (1 Slat. 11:38) Ġeħova aġixxa għan-nom tal-poplu tiegħu u pprovda mod biex iġibilhom serħan mill-moħqrija.
8. Liema provi jgħakksu lill-poplu t’Alla llum?
8 Illum hawn ħafna moħqrija u inġustizzji. “Il-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih,” jgħid Ekkleżjasti 8:9. Kummerċ rgħib u ħakma korrotta jistgħu jirriżultaw f’kundizzjonijiet ekonomiċi ħorox. Dawk li jmexxu fil-gvern, fin-negozju, u fir-reliġjon spiss ma jagħtux eżempju morali tajjeb. Għalhekk, bħal Lot li kien raġel sewwa, illum il-leali t’Alla huma ‘mnikktin ferm bil-kondotta laxka u bla rażan taʼ nies li jisfidaw il-liġi.’ (2 Pt. 2:7) Iktar minn hekk, hekk kif aħna nistinkaw biex ngħixu skond il-livelli t’Alla mingħajr ma ndejqu lil ħadd, ħafna drabi nsiru l-mira tal-persekuzzjoni minn ħakkiema arroganti.—2 Tim. 3:1-5, 12.
9. (a) Ġeħova x’diġà għamel biex jeħles lill-poplu tiegħu? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù se jibqaʼ dejjem leali lejn Alla?
9 Madankollu, nistgħu nkunu ċerti minn din il-verità fundamentali: Ġeħova ma jitlaqhomx lil-leali tiegħu! Aħseb ftit dwar il-passi li diġà ħa sabiex jissostitwixxi l-ħakkiema korrotti tad-dinja. Is-Saltna Messjanika t’Alla li qiegħda f’idejn Kristu Ġesù diġà ġiet stabbilita. Ġesù Kristu ilu jsaltan fis-sema għal kważi mitt sena. Dalwaqt hu se jġib serħan sħiħ għal dawk kollha li jibżgħu minn isem Alla. (Aqra Rivelazzjoni 11:15-18.) Ġesù diġà ta prova li kien leali lejn Alla saħansitra sal-mewt. Hu qatt ma se jiddiżappunta lis-sudditi tiegħu, bħalma għamel Salamun.—Ebr. 7:26; 1 Pt. 2:6.
10. (a) Kif nistgħu nuru li napprezzaw is-Saltna t’Alla? (b) Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu fiduċjużi meta nkunu għaddejjin minn provi?
10 Is-Saltna t’Alla hija gvern reali li se jtemm il-moħqrija kollha. Il-lealtà tagħna tappartjeni lil Alla Ġeħova u l-arranġament tiegħu. B’fiduċja sħiħa fis-Saltna, aħna nwarrbu dak kollu li jmur kontra r-rieda t’Alla u b’żelu nwettqu għemejjel tajbin. (Titu 2:12-14) Nistinkaw biex nibqgħu bla tebgħa minn din id-dinja. (2 Pt. 3:14) Minkejja l-provi li nistgħu niffaċċjaw bħalissa, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jipproteġina minn ħsara spiritwali. (Aqra Salm 97:10.) Iktar minn hekk, Salm 116:15 jassigurana: “Prezzjuża f’għajnejn Ġeħova hi l-mewt taʼ dawk leali lejh.” Il-qaddejja taʼ Ġeħova tant huma prezzjużi għalih li mhux se jħallihom jgħibu bħala grupp.
Meta Nkunu Esposti għal Influwenzi Apostati
11. Ġerobogħam kif ma baqax leali?
11 Il-ħakma tas-Sultan Ġerobogħam setgħet ġabet xi ftit tas-serħan lill-poplu t’Alla. Minflok, l-azzjonijiet tiegħu komplew iġarrbu l-lealtà tal-poplu lejn Alla. Peress li ma kienx kuntent bl-unur u l-privileġġ li kienu diġà ngħatawlu, Ġerobogħam beda jfittex modi kif isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu. Hu rraġuna: “Jekk dan il-poplu jibqaʼ jmur joffri sagrifiċċji fid-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, qalb dan il-poplu żgur terġaʼ lura lejn sidhom Reħobogħam is-sultan taʼ Ġuda; u lili joqtluni u jerġgħu lura għand Reħobogħam is-sultan taʼ Ġuda.” Għalhekk, Ġerobogħam stabbilixxa reliġjon ġdida li kienet iffokata fuq żewġ għoġiela tad-deheb. “Poġġa wieħed f’Betel, u l-ieħor f’Dan. U din il-ħaġa kkaġunat id-dnub, u n-nies kienu jmorru ’l bogħod sa Dan biex iqimu l-għoġol. U beda jagħmel santwarju fil-postijiet għall-qima u ħatar qassisin minn fost il-poplu kollu, li ma kinux minn ulied Levi.” Ġerobogħam saħansitra stabbilixxa ġurnata hu stess bħala “festa għal ulied Israel,” u ssokta “joffri fuq l-artal id-duħħan tas-sagrifiċċji.”—1 Slat. 12:26-33.
12. Il-leali t’Alla fis-saltna tat-tramuntana x’għamlu meta Ġerobogħam stabbilixxa l-qima taʼ l-għoġol f’Israel?
12 X’kienu se jagħmlu issa l-leali t’Alla fis-saltna tat-tramuntana? Bħal missirijiethom leali tal-qedem, il-Leviti li kienu jgħixu fil-bliet li ngħatawlhom fit-territorju tas-saltna tat-tramuntana aġixxew mill-ewwel. (Eżo. 32:26-28; Num. 35:6-8; Dt. 33:8, 9) Huma ħallew il-wirt tagħhom warajhom u ħadu lill-familji tagħhom lejn in-nofsinhar taʼ Ġuda fejn setgħu jkomplu jqimu lil Ġeħova mingħajr tfixkil. (2 Kron. 11:13, 14) Israelin oħrajn li kienu qed jgħixu għal xi żmien f’Ġuda għażlu li jibqgħu hemmhekk għalkollox minflok ma jmorru lura d-dar. (2 Kron. 10:17) Ġeħova ħa ħsieb li t-triq lura lejn il-qima vera titħalla miftuħa sabiex oħrajn mill-ġenerazzjonijiet taʼ wara mis-saltna tat-tramuntana setgħu jabbandunaw il-qima taʼ l-għoġol u jerġgħu lura lejn Ġuda.—2 Kron. 15:9-15.
13. Fi żmienna, l-influwenzi apostati kif ġarrbu l-fidi tal-poplu t’Alla?
13 Illum l-apostati u l-influwenzi tagħhom jheddu lill-poplu t’Alla llum. Xi ħakkiema wkoll ipprovaw jistabbilixxu huma stess xi tip taʼ reliġjon taʼ l-Istat, u għamlu pressjoni fuq is-sudditi tagħhom biex jaċċettawha. Il-kleru tal-Kristjaneżmu u xi prużuntużi oħrajn ipprovaw isostnu li huma stess jifformaw is-saċerdozju spiritwali. Madankollu, fost il-Kristjani veri biss insibu wħud li huma midlukin ġenwinament u li jifformaw is-“saċerdozju rjali.”—1 Pt. 2:9; Riv. 14:1-5.
14. Kif għandna nirreaġixxu għall-irraġunar taʼ l-apostati?
14 Bħal-Leviti leali lura fil-għaxar seklu Q.E.K., illum il-leali t’Alla ma jiġux imqarrqin mill-ideat taʼ l-apostati. Il-midlukin u l-Kristjani sħabhom ikunu pronti biex iwarrbu u jiċħdu l-ideat apostati. (Aqra Rumani 16:17.) Filwaqt li minn qalbna aħna nissottomettu ruħna lejn l-awtoritajiet governattivi fi kwistjonijiet sekulari u nibqgħu newtrali fil-konflitti tad-dinja, il-lealtà tagħna hi lejn is-Saltna t’Alla. (Ġw. 18:36; Rum. 13:1-8) Aħna niċħdu l-istqarrijiet foloz taʼ dawk li jgħidu li jaqdu lil Alla u li fl-istess ħin jiddiżonorawh bil-kondotta tagħhom.—Titu 1:16.
15. “L-ilsir leali u għaqli” għala jistħoqqlu l-lealtà tagħna?
15 Aħseb ukoll dwar il-fatt li Ġeħova għamilha possibbli għal dawk taʼ qalb onesta biex b’mod figurattiv joħorġu mid-dinja mill-agħar u jidħlu ġol-ġenna spiritwali li ħalaq hu. (2 Kor. 12:1-4) Bi qlub mimlijin gratitudni, aħna nibqgħu qrib “l-ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq.” Kristu ħatar lil dan l-ilsir “fuq kulma għandu.” (Mt. 24:45-47) Għalhekk, anki jekk aħna bħala individwi ma nifhmux għalkollox xi deċiżjoni li tieħu l-klassi taʼ l-ilsir, m’hemm l-ebda raġuni biex niċħduha jew immorru lura fid-dinja taʼ Satana. Minflok, il-lealtà se tqanqalna naġixxu b’umiltà u nistennew lil Ġeħova biex jiċċara l-affarijiet.
Waqt li Nwettqu Inkarigi Mogħtijin Minn Alla
16. Liema inkarigu rċieva profeta minn Ġuda?
16 Ġeħova kkundanna lil Ġerobogħam minħabba l-apostasija tiegħu. Hu inkariga lil profeta minn Ġuda biex jivvjaġġa lejn it-tramuntana sa Betel u jidher quddiem Ġerobogħam waqt li dan kien qed jaħraq l-inċens fuq l-artal. Il-profeta kellu jagħti messaġġ devastanti taʼ ġudizzju lil Ġerobogħam. Bla dubju, dan kien inkarigu diffiċli.—1 Slat. 13:1-3.
17. Ġeħova kif ipproteġa lill-messaġġier tiegħu?
17 Ġerobogħam irrabja ħafna malli semaʼ l-kundanna taʼ Ġeħova. Hu medd idu kontra r-rappreżentant t’Alla, u għajjat lill-irġiel li kienu viċin u qalilhom: “Aqbduh!” Imma minnufih, qabel ma xi ħadd setaʼ jaġixxi, “l-id li ħareġ kontrih nixfitlu, u ma setax jiġbidha lura lejh. U l-artal inqasam min-nofs u l-irmied bix-xaħam ixxerred minn fuq l-artal.” Ġerobogħam kellu bilfors jitlob lill-profeta biex itaffi l-korla taʼ Ġeħova u jitlob biex l-id li kienet nixfet tintradd lura. Il-profeta hekk għamel, u l-id ġiet imfejqa. Għalhekk, Ġeħova pproteġa lill-messaġġier tiegħu mill-ħsara.—1 Slat. 13:4-6.
18. Ġeħova kif iħarisna hekk kif nagħtuh servizz sagru bla biżaʼ?
18 Hekk kif b’lealtà nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, xi drabi niltaqgħu maʼ wħud li m’humiex dħulin, jew li huma saħansitra ostili. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Imma aħna qatt m’għandna nħallu l-biżaʼ li ma niġux aċċettati jnaqqas iż-żelu tagħna għall-ministeru. Bħall-profeta li ma nafux x’jismu fi żmien Ġerobogħam, għandna “l-privileġġ li bla biżaʼ [nagħtu lil Ġeħova] servizz sagru bil-lealtà.”a (Lq. 1:74, 75) Għalkemm illum ma nistennewx li jseħħ xi miraklu, Ġeħova għadu qed iħarisna u jappoġġana bħala x-Xhieda tiegħu permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu u l-anġli. (Aqra Ġwanni 14:15-17; Rivelazzjoni 14:6.) Alla qatt ma se jabbanduna lil dawk li jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħu bla biżaʼ.—Flp. 1:14, 28.
Ġeħova Se Jħares lil-Leali Tiegħu
19, 20. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qatt ma se jitlaqna? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
19 Ġeħova huwa l-Alla leali tagħna. (Riv. 15:4; 16:5) Hu “leali fl-għemejjel kollha tiegħu.” (Salm 145:17) U l-Bibbja tassigurana li hu “jgħasses it-triq tal-leali tiegħu.” (Prov. 2:8) Meta jiffaċċjaw provi jew ideat apostati jew meta jkollhom xi inkarigu diffiċli, dawk leali lejn Alla jistgħu jkunu fiduċjużi li Ġeħova se jiggwidahom u jappoġġahom.
20 Dak li b’mod individwali għandna bżonn nirriflettu fuqu hu dan: X’se jgħinni nżomm il-lealtà tiegħi lejn Ġeħova minkejja l-provi jew it-tentazzjonijiet li niltaqaʼ magħhom? Fi kliem ieħor, kif nistaʼ nsaħħaħ il-lealtà tiegħi lejn Alla?
[Nota taʼ taħt]
a Jekk il-profeta baqax jobdi lil Ġeħova jew le u dak li ġralu se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.
Int Kif Twieġeb?
• Ġeħova kif wera li hu ma jitlaqhomx lil-leali tiegħu meta jesperjenzaw il-moħqrija?
• Kif għandna nirreaġixxu lejn l-apostati u l-ideat tagħhom?
• Ġeħova kif iħares lil-leali tiegħu hekk kif jieħdu sehem fil-ministeru Kristjan?
[Mappa/Stampa f’paġna 5]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
IS-SALTNA TAT-TRAMUNTANA (Ġerobogħam)
Dan
SIKEM
Betel
IS-SALTNA TAN-NOFSINHAR (Reħobogħam)
ĠERUSALEMM
[Stampa]
Ġeħova m’abbandunax lil-leali tiegħu meta Ġerobogħam introduċa l-qima taʼ l-għoġol
[Stampa f’paġna 3]
Salamun u s-sudditi tiegħu kienu se jibqgħu jgawdu dawn il-barkiet biss b’ċerti kundizzjonijiet