Qiegħed Int Titkellem il-“Lingwa Pura” b’Mod Fluwenti?
“Se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova.”—SOF. 3:9.
1. Ġeħova liema għotja taʼ l-għaġeb tana?
L-GĦOTJA tal-lingwa m’oriġinatx mill-bniedem imma minn Alla Ġeħova, il-Ħallieq tal-bniedem. (Eżo. 4:11, 12) Lill-ewwel bniedem, Adam, Hu ma tahx biss l-abbiltà li jitkellem imma wkoll li jsawwar kliem ġdid, u b’hekk ikabbar il-vokabolarju tiegħu. (Ġen. 2:19, 20, 23) X’għotja taʼ l-għaġeb kienet din! Permezz tagħha l-bnedmin setgħu saħansitra jikkomunikaw maʼ Missierhom tas-sema u jfaħħru l-isem glorjuż tiegħu.
2. Il-bnedmin għala m’għadhomx ilkoll jitkellmu lingwa waħda?
2 Matul l-ewwel 17-il seklu taʼ l-eżistenza tal-bniedem, kulħadd kien jitkellem lingwa waħda biss, u kien hemm “ġabra waħda taʼ kliem.” (Ġen. 11:1) Imbagħad seħħ l-irvell fi żmien Nimrod. Kuntrarju għall-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova, il-bnedmin diżubbidjenti nġabru fil-post li iktar tard beda jissejjaħ Babel u kienu determinati li jibqgħu f’post wieħed. Huma bdew jibnu torri enormi, mhux biex jagħtu glorja lil Ġeħova, imma biex ‘jagħmlu isem ċelebri’ għalihom infushom. Ġeħova ħawwad il-lingwa oriġinali taʼ dawk ir-ribelli u ġegħelhom jitkellmu b’diversi ilsna. B’hekk, xterdu mal-wiċċ kollu taʼ l-art.—Aqra Ġenesi 11:4-8.
3. X’ġara meta Ġeħova ħawwad id-diskors tar-ribelli f’Babel?
3 Illum, fid-dinja jiġu mitkellmin letteralment eluf taʼ lingwi—xi wħud jgħidu li hemm iktar minn 6,800. Kull waħda minn dawn il-lingwi tirrikjedi modi differenti taʼ ħsieb. Mela, jidher li meta Alla Ġeħova ħawwad id-diskors taʼ dawk ir-ribelli, hu ħassar għalkollox dik il-lingwa li kellhom qabel mill-memorja tagħhom. Hu ma introduċiex biss vokabolarji ġodda f’moħħhom imma wkoll biddel il-mod kif jaħsbu u pproduċa grammatiki ġodda. Mhux taʼ b’xejn li l-post fejn kien hemm dak it-torri beda jissejjaħ “Babel” li jfisser konfużjoni! (Ġen. 11:9) Huwa interessanti li l-Bibbja biss tagħti spjegazzjoni sodisfaċenti dwar l-oriġini tal-lingwi differenti li naraw illum.
Lingwa Pura Ġdida
4. Ġeħova x’bassar li kellu jiġri fi żmienna?
4 Hu kemm hu affaxxinanti r-rakkont tal-Bibbja dwar l-intervent t’Alla f’Babel, xi ħaġa saħansitra iktar interessanti u importanti seħħet fi żmienna. Permezz tal-profeta tiegħu Sofonija, Ġeħova bassar: “F’dak iż-żmien se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sof. 3:9) X’inhi din il-“lingwa pura,” u kif nistgħu nitgħallmu nitkellmuha b’mod fluwenti?
5. X’inhi l-lingwa pura, u x’kien ir-riżultat taʼ din il-bidla fil-lingwa?
5 Il-lingwa pura hija l-verità dwar Alla Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu kif misjubin fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Din il-“lingwa” tinkludi fehma korretta tal-verità dwar is-Saltna t’Alla u dwar kif din se tqaddes l-isem taʼ Ġeħova, tivvindika s-sovranità tiegħu, u ġġib barkiet eterni lill-bnedmin leali. X’jirriżulta minn din il-bidla fil-lingwa? Jintqalilna li n-nies se “jsejħu isem Ġeħova,” u se “jaqduh spalla maʼ spalla.” Kuntrarju għall-ġrajjiet li seħħew f’Babel, din il-bidla għal-lingwa pura rriżultat f’tifħir għal isem Ġeħova u f’unità fost il-poplu tiegħu.
Nitgħallmu l-Lingwa Pura
6, 7. (a) X’inhu involut biex titgħallem lingwa ġdida, u dan kif japplika għal meta titgħallem il-lingwa pura? (b) Issa x’se nikkunsidraw?
6 Meta xi ħadd ikun irid jitgħallem lingwa oħra, hu ma jridx jitgħallem biss kliem ġdid bl-amment. Biex titgħallem lingwa ġdida jeħtieġ titgħallem taħseb b’mod differenti, modi ġodda taʼ ħsieb. Il-loġika u s-sens t’umoriżmu jistgħu jkunu differenti f’lingwa oħra. Il-pronunzja taʼ ħsejjes ġodda tirrikjedi li tuża l-organi tad-diskors, bħall-ilsien, b’mod differenti. Huwa l-istess meta tibda titgħallem il-lingwa pura tal-verità tal-Bibbja. Jirrikjedi iktar milli sempliċement titgħallem ftit mit-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Biex nitgħallmu sew din il-lingwa ġdida jinvolvi li naġġustaw u nbiddlu l-ħsieb tagħna.—Aqra Rumani 12:2; Efesin 4:23.
7 X’se jgħinna biex mhux biss nifhmu l-lingwa pura imma wkoll biex nitkellmuha b’mod fluwenti? Bħalma jiġri meta titgħallem kwalunkwe lingwa, hemm tekniki bażiċi li jistgħu jgħinuna niksbu l-abbiltà li nitkellmu sew il-lingwa tal-verità tal-Bibbja. Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-passi bażiċi li jużaw in-nies biex jitgħallmu lingwa oħra u naraw kif dawn il-passi jistgħu jgħinuna nitgħallmu din il-lingwa figurattiva ġdida.
Nitkellmu l-Lingwa Pura b’Mod Fluwenti
8, 9. X’għandna nagħmlu jekk irridu nitgħallmu l-lingwa pura, u dan għala huwa daqshekk importanti?
8 Ismaʼ b’attenzjoni. Għall-ewwel, lingwa ġdida tinstemaʼ kompletament stramba għal xi ħadd li qatt ma jkun semagħha qabel. (Is. 33:19) Imma hekk kif wieħed jitgħallem jikkonċentra fuq dak li jkun qed jismaʼ, hu jibda jagħraf kliem individwali u jinnota l-mod kif jitpoġġa l-kliem. Bl-istess mod, aħna niġu mwissijin: “Għandna bżonn noqogħdu attenti iktar mis-soltu għal dak li smajna, biex qatt ma ninġarru mal-kurrent.” (Ebr. 2:1) Għal darba wara l-oħra, Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Min għandu widnejn, ħa jismaʼ.” (Mt. 11:15; 13:43; Mk. 4:23; Lq. 14:35) Iva, jeħtieġ li ‘nisimgħu u nifhmu’ dak li jingħad sabiex nifhmu iktar il-lingwa pura.—Mt. 15:10; Mk. 7:14.
9 Biex tismaʼ sew jirrikjedi li tikkonċentra, imma l-isforz huwa tassew vallapena. (Lq. 8:18) Meta nkunu fil-laqgħat Kristjani, insibu aħna li qed nikkonċentraw fuq dak li jkun qed jiġi spjegat, jew moħħna jkun band’oħra? Huwa vitali li nagħmlu l-aħjar tagħna biex nikkonċentraw fuq dak li jkun qed jiġi preżentat. Inkella nistgħu fil-fatt insiru tqal biex nisimgħu.—Ebr. 5:11.
10, 11. (a) X’għandna nagħmlu iżjed minbarra li nisimgħu b’attenzjoni? (b) X’hemm iktar involut biex wieħed jitkellem il-lingwa pura?
10 Imita kelliema fluwenti. Studenti li jkunu qed jitgħallmu lingwa ġdida huma inkuraġġiti biex mhux biss jisimgħu b’attenzjoni imma wkoll jipprovaw jimitaw, jew jikkopjaw, il-pronunzja taʼ kelliema fluwenti u l-mod kif ipoġġu l-kliem. Dan jgħin lill-istudenti biex jevitaw li jiżviluppaw aċċent qawwi li iktar tard jistaʼ jfixkel l-isforzi tagħhom biex jikkomunikaw. B’mod simili, aħna għandna nitgħallmu minn dawk li diġà tgħallmu sew l-“arti tat-tagħlim” tal-lingwa l-ġdida. (2 Tim. 4:2) Itlob l-għajnuna. Kun lest li taċċetta l-korrezzjoni meta tagħmel l-iżbalji.—Aqra Ebrej 12:5, 6, 11.
11 Biex nitkellmu l-lingwa pura jinvolvi mhux biss li nemmnu l-verità u ngħallmuha lil oħrajn imma wkoll li nġibu l-kondotta tagħna fi qbil mal-liġijiet u l-prinċipji t’Alla. Sabiex niġu megħjunin nagħmlu dan, jeħtieġ li nimitaw lil oħrajn. Dan jinkludi li nimitaw il-fidi u ż-żelu tagħhom. Jinkludi wkoll li nimitaw il-ħajja kollha taʼ Ġesù. (1 Kor. 11:1; Ebr. 12:2; 13:7) Jekk nippersistu biex nagħmlu dan, ir-riżultat ikun unità fost in-nies t’Alla, u b’hekk se jkunu jistgħu jitkellmu bħallikieku bl-istess aċċent.—1 Kor. 4:16, 17.
12. X’konnessjoni hemm bejn li titgħallem affarijiet bl-amment u li titgħallem lingwa ġdida?
12 Tgħallem bl-amment. Studenti li jkunu qed jitgħallmu lingwa jeħtieġ li jitgħallmu ħafna affarijiet ġodda bl-amment. Dan jinkludi vokabolarji u espressjonijiet ġodda. Se jkun iktar faċli għall-Kristjani biex jitgħallmu sew il-lingwa pura jekk jitgħallmu affarijiet bl-amment. Ċertament li jkun tajjeb jekk nitgħallmu bl-amment l-ismijiet tal-kotba tal-Bibbja wara xulxin. Xi wħud għamluha mira li jitgħallmu bl-amment il-kliem taʼ ċerti skritturi jew fejn jinsabu ċerti skritturi dwar suġġetti importanti. Oħrajn sabuha taʼ benefiċċju li jitgħallmu bl-amment l-għanjiet tas-Saltna, l-ismijiet tat-tribujiet taʼ Israel u tat-12-il appostlu, u l-kwalitajiet li jifformaw il-frott taʼ l-ispirtu. Fi żmien il-qedem, ħafna Israelin tgħallmu s-salmi bl-amment. Fi żmienna, tifel żgħir tgħallem iktar minn 80 vers mill-Bibbja kelma b’kelma sakemm kellu sitt snin. Nistgħu aħna nużaw aħjar din l-abbiltà imprezzabbli?
13. Ir-ripetizzjoni għala hija importanti?
13 Ir-ripetizzjoni tgħin il-memorja, u t-tfakkiriet ripetuti huma parti integrali mill-edukazzjoni Kristjana tagħna. L-appostlu Pietru qal: “Inkun dejjem lest li nfakkarkom f’dawn l-affarijiet, għalkemm tafuhom u intom stabbiliti sew fil-verità li hi preżenti fikom.” (2 Pt. 1:12) Għala neħtieġu t-tfakkiriet? Għaliex jgħinu biex il-fehma tagħna tkun iktar profonda, ikollna moħħna iktar miftuħ, u nsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex nobdu lil Ġeħova. (Salm 119:129) Jekk nirrivedu kontinwament il-livelli u l-prinċipji t’Alla se niġu megħjunin biex niflu lilna nfusna u niġġieldu t-tendenza li nkunu wħud li ‘jisimgħu u jinsew.’ (Ġak. 1:22-25) Jekk ma nkomplux infakkru lilna nfusna dwar il-verità, affarijiet oħrajn se jinfluwenzawlna qalbna u għandu mnejn ma nkomplux nitkellmu l-lingwa pura b’mod fluwenti.
14. X’se jgħinna meta nkunu qed nistudjaw il-lingwa pura?
14 Aqra b’leħen għoli. (Riv. 1:3) Xi studenti jipprovaw jistudjaw lingwa ġdida waħedhom u jaqraw f’qalbhom. Dan ma jġibx l-aħjar riżultati. Meta nistudjaw il-lingwa pura, nistgħu xi drabi jkollna bżonn naqraw minn taħt l-ilsien biex jgħinna nikkonċentraw aħjar. Jekk nagħmlu dan, il-materjal li naqraw se jidħol iktar fil-fond f’moħħna. Bl-Ebrajk, l-espressjoni li tiġi tradotta “li timmedita” tistaʼ wkoll tfisser “li taqra minn taħt l-ilsien,” u b’hekk dan juri li dawn l-ideat huma relatati mill-qrib. (Aqra Salm 1:1, 2.) Sewwasew bħalma neħtieġu li niddiġerixxu l-ikel li nieklu biex nibbenefikaw bis-sħiħ minnu, hekk ukoll neħtieġu l-meditazzjoni biex nifhmu ċar dak li naqraw. Inħallu aħna biżżejjed ħin biex nimmeditaw fuq dak li nistudjaw? Wara li naqraw il-Bibbja, jeħtieġ li naħsbu fil-fond dwar dak li nkunu qrajna.
15. Kif nistgħu nistudjaw il-“grammatika” tal-lingwa pura?
15 Analizza l-grammatika. F’ċertu punt huwa taʼ benefiċċju li nistudjaw il-grammatika, jew il-mod kif inpoġġu l-kliem f’sentenzi u r-regoli, tal-lingwa l-ġdida li nkunu qed nitgħallmu. Dan jgħinna nifhmu l-mod kif tkun mibnija l-lingwa, u nkunu kapaċi nitkellmuha sew. Sewwasew bħalma lingwa għandha mod kif jitpoġġa l-kliem, jew mudell taʼ kliem, il-lingwa pura taʼ verità Skritturali għandha “mudell taʼ kliem mimli saħħa.” (2 Tim. 1:13) Jeħtieġ li nikkopjaw dak il-“mudell.”
16. Liema tendenza jeħtieġ li negħlbu, u dan kif nistgħu nagħmluh?
16 Kompli agħmel progress. Individwu jistaʼ jitgħallem lingwa biżżejjed biex jagħmel konversazzjoni normali imma mbagħad ma jibqax jagħmel progress. Dawk li jitkellmu l-lingwa pura jistaʼ jkollhom l-istess problema. (Aqra Ebrej 5:11-14.) X’jistaʼ jgħinna negħlbu din it-tendenza? Kun lest li tagħmel sforz biex tkabbar il-vokabolarju tiegħek, biex ngħidu hekk. “Issa li tlaqna d-duttrina elementari dwar il-Kristu, ħa nirsistu lejn il-maturità, u ma nerġgħux inqiegħdu l-pedament, jiġifieri, l-indiema minn għemejjel mejtin, u l-fidi f’Alla, it-tagħlim fuq il-magħmudijiet u t-tqegħid taʼ l-idejn, l-irxoxt tal-mejtin u l-ġudizzju taʼ dejjem.”—Ebr. 6:1, 2.
17. Drawwiet regulari taʼ studju għala huma importanti? Agħti eżempju.
17 Iffissa ħinijiet speċifiċi għall-istudju. Perijodi qosra għall-istudju fuq bażi regulari huma aħjar minn perijodi twal darba kultant. Studja f’ħinijiet meta tkun iktar attent u mhux meta jkun faċli li taljena ruħek. Meta titgħallem lingwa ġdida tkun qisek qed tiftaħ mogħdija fil-ġungla. Iktar ma tintuża din il-mogħdija, iktar isir faċli l-vjaġġ. Jekk il-mogħdija tibqaʼ ma tintużax għal xi żmien, malajr terġaʼ ssir ġungla kif kienet qabel. Għalhekk, il-persistenza u l-konsistenza huma vitali! (Dan. 6:16, 20) Permezz tat-talb “ibqgħu mqajmin il-ħin kollu” biex titkellmu l-lingwa pura tal-verità tal-Bibbja.—Efes. 6:18.
18. Għala għandna nitkellmu l-lingwa pura f’kull opportunità?
18 Tkellem! Tkellem! Tkellem! Xi wħud minn dawk li qed jitgħallmu lingwa ġdida għandhom mnejn iżommu lura milli jitkellmuha għaliex jistħu jew jibżgħu li jieħdu xi żball. Dan se jżommhom milli jagħmlu progress. Sewwa jgħidu li meta wieħed jiġi biex jitgħallem lingwa, iktar ma jipprattikaha iktar se jipperfezzjonaha. Iktar ma l-istudent jitkellem il-lingwa ġdida, iktar se jsir komdu biex jużaha. Bl-istess mod, aħna jeħtieġ li nitkellmu l-lingwa pura f’kull opportunità. “Bil-qalb wieħed jeżerċita l-fidi għall-ġustizzja, imma bil-fomm jistqarr pubblikament għas-salvazzjoni.” (Rum. 10:10) Aħna ma ‘nistqarrux pubblikament’ biss waqt li nkunu qed nitgħammdu imma wkoll meta nitkellmu dwar Ġeħova fi kwalunkwe opportunità, inkluż meta nieħdu sehem fil-ministeru. (Mt. 28:19, 20; Ebr. 13:15) Il-laqgħat Kristjani tagħna jagħtuna l-opportunità biex nesprimu ruħna b’mod ċar u konċiż bil-lingwa pura.—Aqra Ebrej 10:23-25.
Magħqudin Nużaw il-Lingwa Pura Biex Infaħħru lil Ġeħova
19, 20. (a) Liema ħaġa meraviljuża qed titwettaq mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi żmienna? (b) X’inhi r-riżoluzzjoni tiegħek?
19 Min jaf kemm kien eċċitanti li tkun Ġerusalemm il-Ħadd fil-għodu, nhar is-6 taʼ Sivan tas-sena 33 E.K.! Kmieni dik l-għodwa, ftit qabel id-disgħa taʼ fil-għodu, dawk miġburin f’waħda mill-kmamar taʼ fuq “bdew jitkellmu b’ilsna differenti” b’mod mirakoluż. (Atti 2:4) Illum, il-qaddejja t’Alla m’għadx għandhom l-għotja taʼ l-ilsna. (1 Kor. 13:8) Minkejja dan, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna f’iktar minn 430 lingwa differenti.
20 Kemm aħna grati li minkejja l-lingwa li nitkellmu normalment, aħna lkoll magħqudin biex nitkellmu l-lingwa pura tal-verità tal-Bibbja! Sa ċertu punt, dan hu l-kontra taʼ dak li ġara f’Babel. Bħallikieku bi lsien wieħed, il-poplu taʼ Ġeħova jfaħħar lil ismu. (1 Kor. 1:10) Jalla r-riżoluzzjoni tagħna tkun li nkomplu naqdu “spalla maʼ spalla” maʼ ħutna madwar id-dinja hekk kif nitgħallmu nitkellmu din il-lingwa waħda b’mod iktar fluwenti, għall-glorja taʼ Missierna tas-sema, Ġeħova.—Aqra Salm 150:1-6.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi l-lingwa pura?
• X’hemm involut biex nitkellmu l-lingwa pura?
• X’se jgħinna nitkellmu l-lingwa pura b’mod fluwenti?
[Kaxxa f’paġna 23]
Kun Iktar Fluwenti Meta Titkellem il-Lingwa Pura Billi
◆ tismaʼ b’attenzjoni.
◆ timita kelliema fluwenti.
◆ titgħallem bl-amment u tirripeti.
◆ taqra b’leħen għoli.
◆ tanalizza l-“grammatika.”
◆ tkompli tagħmel progress.
◆ tiffissa ħinijiet speċifiċi għall-istudju.
◆ titkellimha.
[Stampi f’paġna 24]
In-nies taʼ Ġeħova jitkellmu l-lingwa pura magħqudin