Ersaq Qrib Lejn Alla
“L-Alla taʼ Kull Faraġ”
ĦAFNA affarijiet fil-ħajja—is-sofferenza, id-diżappunt, is-solitudni—jistgħu jġibu d-dwejjaq, saħansitra d-disperazzjoni. F’mumenti bħal dawn tistaʼ taħseb, ‘Fejn nistaʼ nsib l-għajnuna?’ Il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu li nsibu fit-2 Korintin 1:3, 4 isemmi sors taʼ faraġ li ma jonqos qatt—Alla Ġeħova.
Fil-vers 3, Alla hu msejjaħ “il-Missier taʼ kull ħniena tenera.” Xi jfisser dan? Il-kelma Griega tradotta “ħniena tenera” tistaʼ twassal il-ħsieb li tħoss mogħdrija għas-sofferenzi taʼ l-oħrajn.a Xogħol taʼ referenza tal-Bibbja jgħid li dan it-terminu jistaʼ jiġi tradott “jitħassarhom” jew “jimpurtah ferm.” Il-“ħniena tenera” t’Alla tqanqlu biex jaġixxi. Meta nkunu nafu dwar dan l-aspett tal-personalità t’Alla nkunu rridu nersqu qrib tiegħu, hux veru?
Pawlu wkoll jirreferi għal Ġeħova bħala “l-Alla taʼ kull faraġ.” Hawnhekk Pawlu uża kelma li jingħad li tinkludi “l-ħsieb li tfarraġ lil xi ħadd li jkun fl-inkwiet jew li jkollu d-dwejjaq u l-ħsieb li tagħti għajnuna attiva jew inkuraġġiment.” The Interpreter’s Bible tispjega: “Aħna nfarrġu lil xi ħadd li jkun qed isofri meta nagħtuh kuraġġ biex jissaporti l-uġigħ tiegħu.”
Int forsi tistaqsi, ‘Alla kif ifarraġna u jagħtina l-kuraġġ biex nissaportu l-uġigħ tagħna?’ Hu jagħmel dan l-iktar permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u permezz tar-rigal tat-talb. Pawlu jgħidilna li Alla bi mħabba jagħtina l-Kelma Tiegħu sabiex “permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” Barra minn hekk, permezz taʼ talb mill-qalb, aħna nistgħu nħossu “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—Rumani 15:4; Filippin 4:7.
Ġeħova sa liema punt ifarraġ il-poplu tiegħu? Pawlu jgħid li Alla “jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna.” (2 Korintin 1:4) Minkejja l-pressjoni, id-diqa kbira, u s-sofferenza li nistgħu nesperjenzaw, Alla jistaʼ jagħtina l-kuraġġ u s-saħħa li għandna bżonn biex nissaportu. Ma jqawwilekx qalbek dan?
Min jirċievi l-faraġ t’Alla m’huwiex l-uniku wieħed li jibbenefika. Pawlu jkompli jgħid li Alla jfarraġna biex aħna “nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk li jkunu f’kull xorta taʼ tribulazzjoni bil-faraġ li aħna stess qed niġu mfarrġin bih minn Alla.” Minħabba li nkunu ġejna mfarrġin fit-tribulazzjoni tagħna, aħna niġu megħjunin biex ikollna empatija għal oħrajn u nitqanqlu biex ngħinu lil dawk fil-bżonn.
Bħala “l-Alla taʼ kull faraġ,” Ġeħova mhux bilfors se jneħħi għalkollox il-problemi u l-uġigħ tagħna. Iżda nistgħu nkunu żguri minn dan: Jekk induru lejh għall-faraġ, hu jistaʼ jsaħħaħna biex inkampaw maʼ kwalunkwe inkwiet jew għali li nistgħu nġarrbu fil-ħajja. Żgur li Alla bħal dan li tant jagħder jistħoqqlu l-qima u t-tifħir tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Alla hu msejjaħ “il-Missier [jew, is-sors] taʼ kull ħniena tenera” għaliex il-mogħdrija toriġina minnu u hi parti min-natura tiegħu.