LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 9/15 pp. 7-11
  • Ġeħova Hu ‘Dak li Jħarrabna’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Hu ‘Dak li Jħarrabna’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meħlusin mill-​Opponenti
  • Xi Ngħidu għall-​Protezzjoni Fiżika?
  • Protetti Spiritwalment
  • Imweżnin Matul il-​Mard
  • Provduti b’Dak li Għandna Bżonn
  • Ġeħova—‘Dak li Ħarrab’ fi Żminijiet Bibliċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Ġeħova—Dak li jipprovdilna u jipproteġina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Il-qawwa protettiva—“Kenn . . . hu Alla għalina”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Int prezzjuż għal Ġeħova Alla tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 9/15 pp. 7-11

Ġeħova Hu ‘Dak li Jħarrabna’

“Ġeħova se jgħinhom u jħarrabhom.”—SALM 37:40.

1, 2. Liema verità fundamentali dwar Ġeħova hi sors taʼ faraġ u saħħa għalina?

ID-​DELLIJIET maħluqin mix-​xemx ma jibqgħux weqfin. Hekk kif titħarrek l-​art, id-​dellijiet jiċċaqalqu u jitbiddlu l-​ħin kollu. Madankollu, il-​Ħallieq taʼ l-​art u x-​xemx ma jinbidilx. (Mal. 3:6) Il-​Bibbja tgħid: “Hu ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” (Ġak. 1:17) Din il-​verità fundamentali dwar Ġeħova hi verament sors taʼ faraġ u saħħa għalina, speċjalment meta niffaċċjaw provi u sfidi diffiċli. Għala?

2 Kif innotajna fl-​artiklu taʼ qabel, Ġeħova wera li kien ‘Dak li ħarrab’ fi żminijiet Bibliċi. (Salm 70:5) Hu ma jinbidilx u dejjem jagħmel dak li jgħid li se jagħmel; għaldaqstant, illum l-​aduraturi tiegħu għandhom kull raġun jafdaw fih biex “jgħinhom u jħarrabhom.” (Salm 37:40) Ġeħova kif iħarrab lill-​qaddejja tiegħu fi żmienna? Kif jistaʼ jagħmel dan għalina personalment?

Meħlusin mill-​Opponenti

3. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​opponenti m’humiex se jwaqqfu lin-​nies taʼ Ġeħova milli jippridkaw l-​aħbar tajba?

3 Ebda ammont t’oppożizzjoni Satanika ma qatt se jwaqqaf lix-​Xhieda taʼ Ġeħova milli jagħtu lil Ġeħova l-​qima esklużiva li jistħoqqlu. Il-​Kelma t’Alla tassigurana: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix, u kwalunkwe lsien li jqum kontrik fil-​ġudizzju, int tikkundannah.” (Is. 54:17) L-​opponenti pprovaw imma ma rnexxilhomx iwaqqfu lin-​nies t’Alla milli jwettqu l-​inkarigu tagħhom biex jippridkaw. Ikkunsidra żewġ eżempji.

4, 5. In-​nies taʼ Ġeħova ffaċċjaw liema oppożizzjoni fl-​1918, u b’liema riżultat?

4 Fl-​1918, in-​nies taʼ Ġeħova ffaċċjaw mewġa taʼ persekuzzjoni mqanqla mill-​membri tal-​kleru u mmirata biex twaqqaf ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħhom. Fis-​7 taʼ Mejju nħarġu mandati federali għall-​arrest taʼ J. F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien qed jindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar madwar id-​dinja, u taʼ diversi wħud oħrajn fil-​kwartieri ġenerali. Fi żmien xahrejn, Ħuna Rutherford u sħabu ġew akkużati b’mod inġust bi tradiment u ngħataw sentenzi twal il-​ħabs. Irnexxielhom l-​opponenti jużaw il-​qrati biex iwaqqfu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar b’mod permanenti? Dażgur li le!

5 Ftakar fil-​wegħda taʼ Ġeħova: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.” Billi l-​affarijiet tbiddlu b’mod drammatiku, nhar is-​26 taʼ Marzu, 1919—disaʼ xhur wara li Ħuna Rutherford u sħabu ġew sentenzjati—l-​aħwa fil-​ħabs ġew meħlusin bi pleġġ. Is-​sena taʼ wara, nhar il-​5 taʼ Mejju, 1920, l-​akkużi kontrihom ġew irtirati. L-​aħwa użaw il-​libertà tagħhom biex jirsistu fix-​xogħol tas-​Saltna. B’liema riżultat? Xi żjieda fenomenali seħħet minn dakinhar ’l hawn! Il-​kredtu kollu għal dak li rriżulta jmur għal ‘Dak li jħarrab.’—1 Kor. 3:7.

6, 7. (a) Liema kampanja saret kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Ġermanja Nazista, u b’liema riżultat? (b) L-​istorja moderna tan-​nies taʼ Ġeħova hija xiehda taʼ liema fatt?

6 Issa kkunsidra t-​tieni eżempju. Fl-​1934, Hitler ħalef li jġib fix-​xejn lix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Ġermanja. Din ma kinitx theddida fil-​vojt. Ħafna ġew arrestati u mitfugħin il-​ħabs. Eluf taʼ Xhieda ġew persegwitati; mijiet inqatlu fil-​kampijiet tal-​konċentrament. Irnexxa Hitler fil-​kampanja tiegħu biex jeqred għalkollox lix-​Xhieda? Waqqaf hu l-​ippridkar kollu taʼ l-​aħbar tajba fil-​Ġermanja? B’ebda mod! Matul il-​persekuzzjoni, ħutna wettqu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar bil-​moħbi. Wara l-​kollass tar-​reġim Nazist, huma użaw il-​libertà tagħhom biex ikomplu jippridkaw. Illum, hemm ’il fuq minn 165,000 pubblikatur tas-​Saltna fil-​Ġermanja. Għal darb’oħra, ‘Dak li jħarrab’ għamel eżatt dak li wiegħed li se jagħmel: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.”

7 L-​istorja moderna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hija prova li Ġeħova qatt ma se jippermetti li l-​poplu tiegħu bħala grupp jiġi meqrud għalkollox. (Salm 116:15) Iżda, xi ngħidu għalina bħala individwi? Ġeħova kif iħarrabna personalment?

Xi Ngħidu għall-​Protezzjoni Fiżika?

8, 9. (a) Kif nafu li l-​protezzjoni fiżika u immedjata tagħna mhix garantita? (b) Xi rridu nirrikonoxxu realistikament?

8 Bħala individwi, aħna nafu li l-​protezzjoni fiżika u immedjata tagħna mhix garantita. Nieħdu l-​istess pożizzjoni li ħadu t-​tliet Ebrej leali li rrifjutaw li jmilu quddiem ix-​xbieha tad-​deheb tas-​Sultan Nebukadnessar. Dawk iż-​żgħażagħ li kienu jibżgħu minn Alla ma ppretendewx li Ġeħova se jipproteġihom mirakolożament mill-​ħsara fiżika. (Aqra Danjel 3:17, 18.) Kif ġraw l-​affarijiet, Ġeħova fil-​fatt ħelishom mill-​fjammi tal-​forn tan-​nar. (Dan. 3:21-27) Madankollu, anki fi żminijiet Bibliċi, il-​ħelsien mirakoluż kien rari. Ħafna qaddejja leali taʼ Ġeħova nqatlu minn dawk li opponewhom.—Ebr. 11:35-37.

9 Xi ngħidu għal-​lum? Bħala ‘Dak li jħarrab,’ Ġeħova ċertament li jistaʼ jeħles lil individwi minn sitwazzjonijiet perikolużi. Nistgħu ngħidu definittivament jekk Ġeħova jkunx interviena jew le f’każi speċifiċi? Le. Minkejja dan, individwu li jiskansa sitwazzjoni perikoluża għandu mnejn iħoss li Ġeħova interviena. Oħrajn ikunu prużuntużi jekk ma jaqblux mas-​sentimenti taʼ dan l-​individwu. Fl-​istess waqt, irridu nirrikonoxxu realistikament li ħafna Kristjani leali mietu minħabba l-​persekuzzjoni, bħalma kien il-​każ matul l-​era Nazista. Oħrajn mietu f’ċirkustanzi traġiċi. (Ekk. 9:11) Forsi nistaqsu, ‘Naqas Ġeħova milli jkun “Dak li jħarrab” għal uħud leali li mietu qabel il-​waqt?’ Dan ma jistax ikun.

10, 11. Il-​bniedem għala ma jistax iżomm lura l-​mewt, imma Ġeħova x’jistaʼ jagħmel dwar dan?

10 Ikkunsidra dan: Il-​bniedem ma jistax iżomm lura l-​mewt, għax ebda bniedem ma jistaʼ “jeħles ruħu minn id il-​Qabar,” Xeol jew Ħades, il-​qabar komuni tal-​bnedmin. (Salm 89:48) Iżda, xi ngħidu għal Ġeħova? Waħda oħt li baqgħet ħajja wara l-​perijodu tat-​terrur Nazist tiftakar dak li darba qaltilha ommha, li kienet Xhud, biex tfarraġha minħabba l-​mewt taʼ wħud maħbubin fil-​kampijiet tal-​konċentrament: “Kieku l-​mewt kellha żżomm lill-​umanità taħt difrejha għal dejjem, kienet tkun iktar b’saħħitha minn Alla, mhux hekk?” Ċertament, il-​mewt m’hijiex iktar b’saħħitha mis-​Sors tal-​ħajja kollu qawwa! (Salm 36:9) Dawk kollha li qegħdin f’Xeol, jew Ħades, qegħdin fil-​memorja taʼ Ġeħova, u hu se jħarrab lil kull wieħed u waħda minnhom.—Lq. 20:37, 38; Riv. 20:11-14.

11 Sadanittant, illum Ġeħova hu involut direttament fil-​ħajjiet taʼ l-​aduraturi leali tiegħu. Ejja issa nikkunsidraw tliet modi li bihom hu ċertament ‘Dak li jħarrabna.’

Protetti Spiritwalment

12, 13. Il-​protezzjoni spiritwali għala hi l-​iktar protezzjoni importanti, u Ġeħova kif jipprovdihielna?

12 Ġeħova joffrilna l-​protezzjoni spiritwali, li hi l-​iktar protezzjoni importanti. Billi aħna Kristjani veri, nifhmu li hemm xi ħaġa li hi iktar taʼ valur mill-​ħajja preżenti tagħna. L-​iktar ħaġa prezzjuża li għandna hi r-​relazzjoni persunali tagħna maʼ Ġeħova. (Salm 25:14; 63:3) Mingħajr din ir-​relazzjoni, il-​ħajja preżenti tagħna ftit ikollha tifsir u ma jkollna ebda tama għall-​futur.

13 Għall-​grazzja t’Alla, Ġeħova jagħtina l-​għajnuna kollha li għandna bżonn biex inżommu relazzjoni mill-​qrib miegħu. Għandna l-​Kelma tiegħu, l-​ispirtu qaddis tiegħu, u l-​kongregazzjoni tiegħu madwar id-​dinja biex jgħinuna. Kif nistgħu nieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn il-​provvedimenti? Meta nistudjaw il-​Kelma tiegħu regolarment u b’mod diliġenti nsaħħu l-​fidi u t-​tama tagħna. (Rum. 15:4) Jekk nitolbu sinċerament għall-​ispirtu tiegħu se nirċievu l-​għajnuna sabiex nirreżistu t-​tentazzjoni biex nieħdu sehem f’kondotta dubjuża. (Lq. 11:13) Jekk inżommu l-​pass mad-​direzzjoni li tipprovdi l-​klassi taʼ l-​ilsir permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja kif ukoll fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet, se niġu mitmugħin “ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq.” (Mt. 24:45) Dawn il-​provvedimenti jipproteġuna spiritwalment u jgħinuna nibqgħu qrib Alla.—Ġak. 4:8.

14. Irrakkonta esperjenza li turi kif niġu protetti spiritwalment.

14 Bħala eżempju taʼ kif niġu protetti spiritwalment, ftakar fil-​ġenituri li ssemmew fil-​bidu taʼ l-​artiklu taʼ qabel. Ftit jiem wara li binthom, Theresa, ġiet rapportata nieqsa, huma rċivew l-​aħbar devastanti: Kienet ġiet maqtula.a Il-​missier jiftakar: “Kont tlabt lil Ġeħova biex jipproteġiha. Meta nstabet maqtula, nammetti li għall-​ewwel ġewni d-​dubji għala t-​talb tiegħi ma ġiex imwieġeb. M’għandniex xi ngħidu, naf li Ġeħova ma jagħtiniex garanzija li se jipprovdi protezzjoni mirakoluża għan-​nies tiegħu individwalment. Komplejt nitlob biex nifhem. Sibt il-​faraġ billi kont naf li Ġeħova jipproteġi lin-​nies tiegħu spiritwalment—jiġifieri, hu jipprovdilna li għandna bżonn sabiex inħarsu r-​relazzjoni tagħna miegħu. Din hija l-​iktar protezzjoni importanti, għax tistaʼ teffettwalna l-​futur etern tagħna. F’dak is-​sens, Ġeħova pproteġa lil Theresa; hi kienet qed taqdih fedelment meta mietet. Sibt is-​serħan mill-​fatt li naf li l-​prospetti li terġaʼ tgħix fil-​futur jinsabu f’idejn Alla l-​ħanin.”

Imweżnin Matul il-​Mard

15. Ġeħova b’liema modi jgħinna meta niġu effettwati serjament mill-​mard?

15 Ġeħova jistaʼ jwiżinna “fuq is-​sodda tal-​mard,” bħalma wieżen lil David. (Salm 41:3) Għalkemm fi żmienna Ġeħova mhux qed iħarrab fis-​sens taʼ fejqan mirakoluż, hu fil-​fatt jgħinna. Kif? Il-​prinċipji li nsibu fil-​Kelma tiegħu jistgħu jgħinuna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin dwar il-​kura u kwistjonijiet oħrajn. (Prov. 2:6) Nistgħu niksbu informazzjoni li tgħinna u suġġerimenti prattiċi minn artikli pubblikati fit-​Torri taʼ l-​Għassa u fi Stenbaħ! li jiddiskutu l-​problema partikulari tagħna taʼ saħħa. Permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, Ġeħova jistaʼ jagħtina “l-​qawwa iktar min-​normal” biex inkampaw mas-​sitwazzjoni tagħna u nżommu l-​integrità tagħna, jiġri x’jiġri. (2 Kor. 4:7) B’għajnuna bħal din, aħna nistgħu nevitaw li nsiru tant preokkupati bil-​mard tagħna li ma nibqgħux iffokati spiritwalment.

16. Wieħed ħu kif irnexxielu jkampa mal-​mard?

16 Ikkunsidra l-​ħu żagħżugħ li rreferejna għalih fil-​bidu taʼ l-​artiklu taʼ qabel. Fl-​1998, skoprew li għandu l-​amyotrophic lateral sclerosis, jew l-​ALS, li fl-​aħħar ħallietu paralizzat totalment.b Kif irnexxielu jkampa mal-​marda tiegħu? Hu jispjega: “Kelli mumenti taʼ wġigħ u frustrazzjoni meta ħassejt li l-​mewt kienet l-​uniku mezz kif stajt neħles. Kulmeta nħoss li ma niflaħx iktar, nitlob lil Ġeħova jagħtini tliet affarijiet: qalb kalma, paċenzja, u sabar. Inħoss li Ġeħova wieġeb dan it-​talb. Qalb kalma tħallini nirrifletti fuq ħsibijiet taʼ faraġ bħal kif se jkunu l-​affarijiet fid-​dinja l-​ġdida meta nkun nistaʼ nimxi, ingawdi ikla bnina, u nerġaʼ nitkellem mal-​familja tiegħi. Il-​paċenzja tgħinni nissaporti l-​inkonvenjenzi u l-​isfidi tal-​paralisi. Bis-​sabar nistaʼ nibqaʼ leali u ma nitlifx il-​bilanċ spiritwali tiegħi. Nistaʼ verament inqabbel lili nnifsi mas-​salmista David, għax inħoss li Ġeħova wiżinni fuq is-​sodda tal-​mard tiegħi.”—Is. 35:5, 6.

Provduti b’Dak li Għandna Bżonn

17. Ġeħova x’wiegħed li jagħmel għalina, u din il-​wegħda xi tfisser?

17 Ġeħova jwiegħed li jieħu ħsiebna materjalment. (Aqra Mattew 6:33, 34 u Ebrej 13:5, 6.) Dan ma jfissirx li nistgħu nistennew li jkollna l-​bżonnijiet materjali provduti mirakolożament jew li għandna nirrifjutaw li naħdmu. (2 Tess. 3:10) Fil-​fatt, din il-​wegħda tfisser dan: Jekk infittxu s-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajjitna u nkunu lesti li naħdmu biex ngħixu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna biex niksbu n-​neċessitajiet tal-​ħajja. (1 Tess. 4:11, 12; 1 Tim. 5:8) Hu jistaʼ jipprovdilna dak li għandna bżonn b’modi li forsi lanqas biss nistennew, forsi permezz taʼ xi ħadd mill-​aduraturi sħabna li jgħinna jew li joffrilna xi xogħol.

18. Irrakkonta esperjenza li turi li fi żminijiet taʼ bżonn nistgħu ningħataw dak li neħtieġu.

18 Ftakar f’dik l-​omm mhix miżżewġa li ssemmiet fl-​introduzzjoni taʼ l-​artiklu taʼ qabel. Meta hi u bintha li kienet għadha żgħira marru joqogħdu xi mkien ieħor, kien diffiċli għaliha biex issib impjieg. Hi tispjega: “Kull fil-​għodu kont noħroġ fis-​servizz taʼ l-​għalqa, u wara nofsinhar kont inqattgħu nfittex ix-​xogħol. Niftakar jum wieħed meta mort għand tal-​ħanut biex nixtri l-​ħalib. Waqaft inħares lejn il-​ħaxix, imma ma kellix biżżejjed flus biex nixtri. Qatt ma ħassejtni daqshekk dipressa f’ħajti. Meta mort lura d-​dar mill-​ħanut dakinhar, fuq in-​naħa taʼ wara tad-​dar tiegħi sibt ħafna basktijiet b’kull tip taʼ ħaxix. Kien hemm biżżejjed ikel hemmhekk biex nieklu minnu xhur sħaħ. Infqajt nibki, u rringrazzjajt lil Ġeħova.” Din l-​oħt malajr saret taf li l-​basktijiet kienu tħallew minn ħu fil-​kongregazzjoni li kien kabbar il-​ħaxix fil-​ġnien tiegħu. Iktar tard kitbitlu: “Avolja rringrazzjajtek ħafna dakinhar, irringrazzjajt ukoll lil Ġeħova talli uża l-​qalb tajba tiegħek biex ifakkarni fi mħabbtu.”—Prov. 19:17.

19. Fit-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​qaddejja taʼ Ġeħova liema fiduċja se jkollhom, u x’għandna nkunu determinati li nagħmlu issa?

19 Jidher ċar li dak li għamel Ġeħova fi żminijiet Bibliċi kif ukoll fi żmienna jagħtina raġuni biex nafdawh bħala Dak li jgħinna. Dalwaqt, meta tiġi t-​tribulazzjoni l-​kbira fuq id-​dinja taʼ Satana, se jkollna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova bħal qatt qabel. Madankollu, il-​qaddejja taʼ Ġeħova se jkunu jistgħu jduru lejh b’fiduċja sħiħa. Se jkunu jistgħu jgħollu rjushom u jithennew, għax ikunu jafu li l-​ħelsien tagħhom qorob. (Lq. 21:28) Sadanittant, huma x’inhuma l-​provi li jistgħu jiġu fuqna, ejja nkunu determinati li npoġġu l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova, billi għandna assiguranza sħiħa li Alla tagħna li ma jinbidilx hu tabilħaqq ‘Dak li jħarrabna.’

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Nissaportu Traġedja li Ma Tistax Tiddeskriviha,” fi Stenbaħ! tat-​8 t’Awissu, 2001, paġni 19-23.

b Ara l-​artiklu “Il-​Qawwa li Tagħtini l-​Fidi Tiegħi—Il-​Ħajja bl-​ALS,” fi Stenbaħ! taʼ Jannar 2006, paġni 25-29.

Tiftakar Int?

• Ġeħova kif jistaʼ jħarrab lil dawk li mietu qabel il-​waqt?

• Il-​protezzjoni spiritwali għala hija l-​iktar protezzjoni importanti?

• Xi tfisser il-​wegħda taʼ Ġeħova li jieħu ħsiebna materjalment?

[Stampa f’paġna 8]

Wara li ġew arrestati fl-​1918, Ħuna Rutherford u sħabu iktar tard ġew meħlusin, u l-​akkużi kontrihom ġew irtirati

[Stampa f’paġna 10]

Ġeħova jistaʼ jwiżinna fuq is-​“sodda tal-​mard”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja