LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 11/15 pp. 23-27
  • Żomm Ħarsa Skritturali Dwar il-Kura tas-Saħħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm Ħarsa Skritturali Dwar il-Kura tas-Saħħa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tħassib Raġunevoli Hu Naturali
  • Evita Tħassib Żejjed Dwar il-​Kura tas-​Saħħa
  • X’Inhu Iktar Importanti?
  • “Moħħ f’Loku” Hu Essenzjali
  • “Ħa Jkun Jaf Kulħadd Kemm Intom Raġunevoli”
  • Kura Raġunevoli b’Saħħa Perfetta Quddiem Għajnejna
  • Żomm il-Fidi u s-Saħħa Spiritwali Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Is-Saħħa
    Stenbaħ!—2013
  • Saħħa Tajba għal Kulħadd—Dalwaqt!
    Stenbaħ!—2001
  • Kif Tkampa ma’ Problema taʼ Saħħa li Ma Kontx Qed Tistennieha
    Iktar Suġġetti
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 11/15 pp. 23-27

Żomm Ħarsa Skritturali Dwar il-​Kura tas-​Saħħa

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek . . . b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.”—MK. 12:30.

1. X’kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin?

L-​ISKOP oriġinali t’Alla Ġeħova għall-​bnedmin ma kienx jinkludi l-​mard u l-​mewt. Adam u Eva tpoġġew fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, jew ġenna taʼ pjaċir, ‘biex jikkultivawh u jieħdu ħsiebu,’ mhux sempliċement għal 70 jew 80 sena, imma għall-​eternità. (Ġen. 2:8, 15; Salm 90:10) Kieku din il-​koppja umana baqgħu leali lejn Ġeħova u bi mħabba ssottomettew ruħhom lejn is-​sovranità tiegħu, kieku qatt ma kienu se jesperjenzaw nuqqas taʼ saħħa, dgħjufija, u mewt.

2, 3. (a) Il-​ktieb t’Ekkleżjasti xi stampa jagħti tax-​xjuħija? (b) Min hu responsabbli għall-​mewt Adamika, u l-​effetti tagħha kif se jitneħħew?

2 Ekkleżjasti kapitlu 12 jagħti stampa ħajja taʼ “jiem l-​għali” li ġġib magħha x-​xjuħija fuq bnedmin imperfetti. (Aqra Ekkleżjasti 12:1-7.) Ix-​xagħar abjad jitqabbel maż-​żahar tas-​“siġra tal-​lewż.” Ir-​riġlejn huma mqabblin maʼ “rġiel mimlijin enerġija” li issa jitgħawġu u jogħtru. In-​nisa li jittawlu mit-​twieqi biex ifittxu d-​dawl u jsibu biss dlam jagħtu stampa xierqa taʼ vista batuta. Peress li xi ftit mis-​snien ikunu neqsin, “in-​nisa li jitħnu ma jibqgħux jaħdmu għax jonqsu.”

3 Riġlejn jirtogħdu, vista batuta, u ħanek bla snien ċertament li m’humiex parti mill-​iskop oriġinali li Alla kellu għall-​bnedmin. Barra minn hekk, il-​mewt li writna mingħand Adam hi wieħed mill-​“għemejjel tax-​Xitan” li l-​Iben t’Alla se jkisser permezz tas-​Saltna Messjanika tiegħu. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Għalhekk intwera l-​Iben t’Alla, jiġifieri, biex ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.”—1 Ġw. 3:8.

Tħassib Raġunevoli Hu Naturali

4. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għala jitħassbu b’mod raġunevoli dwar saħħithom, imma taʼ xiex huma konxji?

4 Fil-​preżent, xi qaddejja taʼ Ġeħova jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ problemi taʼ mard u xjuħija li huma komuni fost il-​bnedmin midinbin. Huwa naturali, u saħansitra taʼ benefiċċju, li nitħassbu b’mod raġunevoli dwar is-​saħħa tagħna f’dawn iċ-​ċirkustanzi. Ma nixtiqux aħna li naqdu lil Ġeħova ‘b’saħħitna kollha’? (Mk. 12:30) Madankollu, waqt li nipprovaw nibqgħu f’saħħitna kemm jistaʼ jkun, irridu nkunu realistiċi u nirrikonoxxu li, fil-​fatt, ftit li xejn nistgħu nagħmlu biex inwaqqfu l-​proċess tax-​xjuħija jew nevitaw il-​mard kollu.

5. X’tagħlima nistgħu nisiltu mill-​mod kif il-​qaddejja leali t’Alla ttrattaw mal-​mard li kellhom?

5 Ħafna qaddejja leali taʼ Ġeħova kellhom jissieltu maʼ problemi taʼ saħħa. Epafroditu kien wieħed minnhom. (Flp. 2:25-27) Timotju, sieħeb leali taʼ l-​appostlu Pawlu, spiss kellu problemi bl-​istonku, u b’hekk Pawlu ssuġġerielu jieħu “naqra nbid.” (1 Tim. 5:23) Pawlu nnifsu kellu “xewka fil-​laħam,” forsi xi problema f’għajnejh jew xi marda fiżika oħra li għaliha ma kienx hemm kura medika dak iż-​żmien. (2 Kor. 12:7; Gal. 4:15; 6:11) Pawlu kemm-il darba talab b’ħeġġa kbira lil Ġeħova rigward ix-​“xewka fil-​laħam” li kellu. (Aqra t-​2 Korintin 12:8-10.) Alla m’għamilx xi miraklu biex jeħles lil Pawlu minn din ix-​“xewka fil-​laħam.” Minflok, Alla saħħu biex jissaportiha. B’hekk, il-​qawwa taʼ Ġeħova bdiet tidher fid-​dgħjufija taʼ Pawlu. Hemm xi tagħlima għalina f’dan?

Evita Tħassib Żejjed Dwar il-​Kura tas-​Saħħa

6, 7. Għala għandna nevitaw li nitħassbu żżejjed dwar saħħitna?

6 Bħalma taf, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jaċċettaw għajnuna medika u diversi forom taʼ kura. Ir-​rivista tagħna Stenbaħ! spiss ikun fiha artikli li jittrattaw dwar is-​saħħa. U għalkemm ma nirrikkmandaw ebda kura partikulari, napprezzaw l-​għajnuna u l-​kooperazzjoni taʼ nies professjonali fil-​qasam tal-​kura tas-​saħħa. M’għandniex xi ngħidu, aħna konxji li ma nistgħux niksbu saħħa perfetta għalissa. Għalhekk, aħna nafu li jkun għaqli li ma nħallux lilna nfusna nsiru ossessjonati jew imħassbin iżżejjed dwar saħħitna. L-​attitudni tagħna għandha tkun differenti minn dik tan-​nies li m’għandhomx “tama,” li jaħsbu li din il-​ħajja biss hemm u li lesti li jipprovaw kwalunkwe terapija sabiex jipprovaw ifejqu l-​mard tagħhom. (Efes. 2:2, 12) Aħna determinati li ma nitilfux l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova fi sforz biex insalvaw il-​ħajja li għandna bħalissa, għax konvinti li jekk nibqgħu leali lejn Alla se naqbdu “qabda soda mal-​ħajja vera,” ħajja taʼ dejjem fis-​sistema l-​ġdida li hu wegħedna.—1 Tim. 6:12, 19; 2 Pt. 3:13.

7 Aħna nevitaw li nitħassbu żżejjed dwar saħħitna għal raġuni oħra. Jekk nitħassbu żżejjed dwar saħħitna nistgħu naslu biex insiru moħħna wisq fina nfusna. L-​appostlu Pawlu wissa dwar dan il-​periklu meta ħeġġeġ lill-​Filippin biex ma ‘jfittxux l-​interessi persunali tagħhom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’ (Flp. 2:4) Huwa xieraq li nieħdu ħsieb tagħna nfusna b’mod raġunevoli, imma l-​interess ħerqan li nuru f’ħutna u fin-​nies li niħdulhom “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” se jżommna lura milli nkunu preokkupati bis-​saħħa fiżika tagħna.—Mt. 24:14.

8. It-​tħassib żejjed dwar saħħitna x’jistaʼ jwassalna biex nagħmlu?

8 Hemm il-​periklu li Kristjan ipoġġi t-​tħassib dwar is-​saħħa l-​ewwel f’ħajtu u jittraskura l-​interessi tas-​Saltna. Jekk inkunu ossessjonati dwar il-​kura tas-​saħħa, dan jistaʼ jwassalna wkoll biex nipprovaw nimponu fuq oħrajn l-​opinjonijiet persunali tagħna dwar il-​valur taʼ ċerta dieta, terapija, jew dwar xi vitamini. Dwar dan, ikkunsidra l-​prinċipju li jinsab fil-​kliem taʼ Pawlu: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti, u b’hekk tkunu bla difett u ma tfixklux lil oħrajn sal-​jum taʼ Kristu.’—Flp. 1:10.

X’Inhu Iktar Importanti?

9. X’inhi waħda mill-​iktar affarijiet importanti li m’għandniex nittraskuraw, u għala?

9 Jekk qed naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti, se nkunu qed nieħdu sehem attiv fix-​xogħol taʼ fejqan spiritwali. Dan jitwettaq permezz taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla. Din l-​attività ferriħija tibbenefika kemm lilna u kemm lil dawk li ngħallmu. (Prov. 17:22; 1 Tim. 4:15, 16) Ir-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! kultant jinkludu artikli dwar ħutna spiritwali li għandhom mard serju. Dawn ir-​rakkonti kultant jispjegaw kif dawn l-​individwi ikampaw mal-​problemi tagħhom jew saħansitra jinsewhom għal ftit żmien billi jfittxu li jgħinu lill-​oħrajn biex isiru jafu lil Ġeħova u l-​wegħdi meraviljużi tiegħu.a

10. Għala jimporta x’tip taʼ terapiji nagħżlu?

10 Meta jiffaċċja problema taʼ saħħa, kull Kristjan adult irid “iġorr it-​tagħbija tiegħu” taʼ responsabbiltà biex jagħżel il-​kura li jrid. (Gal. 6:5) Però, għandna niftakru li Ġeħova jimpurtah mit-​tip taʼ terapija li nagħżlu. Sewwasew bħalma r-​rispett lejn il-​prinċipji tal-​Bibbja jqanqalna biex “nitbiegħdu . . . mid-​demm,” daqshekk ieħor ir-​rispett profond tagħna lejn il-​Kelma t’Alla għandu jqanqalna biex nevitaw li nirrikorru għal terapiji li jistgħu jagħmlulna l-​ħsara spiritwalment jew jeffettwaw ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. (Atti 15:20) Ċerti proċeduri dijanjostiċi u terapewtiċi huma simili ħafna għall-​maġija. Ġeħova m’approvax lill-​Israelin apostati li rrikorrew għall-​“qawwa maġika,” jew prattiki spiritistiċi. Hu ddikjara: “Iddaħħlux iktar offerti tal-​qmuħ bla valur. L-​inċens hu xi ħaġa mistkerrha għalija. Il-​qamar ġdid u s-​Sabat, l-​organizzar taʼ konvenzjonijiet—ma nifilħux l-​użu tal-​qawwa maġika maʼ l-​assembleat solenni.” (Is. 1:13) Meta nkunu morda żgur li ma jkunx il-​waqt li nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tfixkel it-​talb tagħna u tipperikola r-​relazzjoni tagħna m’Alla.—Lam. 3:44.

“Moħħ f’Loku” Hu Essenzjali

11, 12. Il-​“moħħ f’loku” kif ikun involut meta nkunu qed nagħżlu liema kura tas-​saħħa se nieħdu?

11 Meta nimirdu, ma nistgħux nistennew li Ġeħova se jfejjaqna b’xi miraklu, imma nistgħu nitolbu għall-​għerf biex nagħżlu kura xierqa. Għandna nfittxu li l-​għażla tagħna tkun gwidata mill-​prinċipji Skritturali u mill-​għaqal. Meta l-​każ ikun serju, għandu mnejn ikun għaqli li nikkonsultaw iktar minn speċjalista wieħed, jekk dan ikun possibbli, fi qbil mal-​ħsieb li hemm fi Proverbji 15:22, li jgħid: “Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.” L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ‘jgħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema.’—Titu 2:12.

12 Ħafna individwi jsibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal dik taʼ mara marida li kienet tgħix fi żmien Ġesù. F’Marku 5:25, 26, naqraw: “Kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bi tnixxija taʼ demm, u kienet batiet ferm taħt ħafna tobba u nefqet kulma kellha iżda ma swielha xejn, anzi marret għall-​agħar.” Ġesù fejjaq lil din il-​mara u ttrattaha b’mogħdrija. (Mark 5:27-34) Xi Kristjani tant ikunu ddisprati li jitħajru jagħżlu metodi dijanjostiċi jew terapewtiċi li jmorru kontra l-​prinċipji tal-​qima pura.

13, 14. (a) Satana kif jistaʼ juża l-​għażla li nagħmlu dwar il-​kura tas-​saħħa biex ikisser l-​integrità tagħna? (b) Għala għandna nżommu ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li tkun konnessa maʼ l-​okkult?

13 Satana se juża kwalunkwe mezz biex jaljenana mill-​qima vera. Sewwasew bħalma juża l-​immoralità sesswali u l-​materjaliżmu biex iġiegħel lil xi wħud jitfixklu, hu jipprova jkisser l-​integrità t’oħrajn permezz taʼ kura dubjuża li fil-​fatt tistaʼ tkun l-​użu tal-​qawwiet taʼ l-​okkult u taʼ l-​ispiritiżmu. Aħna nitolbu lil Ġeħova biex jeħlisna mill-​“Ħażin” u minn “kull xorta taʼ ħażen.” Għalhekk, m’għandniex nintelqu f’idejn Satana billi nesponu lilna nfusna għal kwalunkwe ħaġa konnessa maʼ l-​ispiritiżmu u l-​okkult.—Mt. 6:13; Titu 2:14.

14 Ġeħova pprojbixxa lill-​Israelin milli jipprattikaw it-​teħbir u l-​maġija. (Dt. 18:10-12) Pawlu jsemmi “l-​ipprattikar taʼ l-​ispiritiżmu” fost “l-​għemejjel tal-​laħam.” (Gal. 5:19, 20) Barra minn hekk, “dawk li jipprattikaw l-​ispiritiżmu” ma se jkollhom ebda parti mis-​sistema l-​ġdida taʼ Ġeħova. (Riv. 21:8) Mela, jidher ċar li kwalunkwe ħaġa li għandha l-​inqas traċċa taʼ spiritiżmu hija xi ħaġa moqżieża għal Ġeħova.

“Ħa Jkun Jaf Kulħadd Kemm Intom Raġunevoli”

15, 16. Għala għandna bżonn l-​għerf biex nagħżlu l-​kura tas-​saħħa, u l-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu tat liema parir għaqli?

15 Meta nqisu dak li ntqal, jekk ikollna xi dubji dwar xi proċedura dijanjostika jew terapewtika, inkunu għaqlin jekk nirrifjutawha. M’għandniex xi ngħidu, is-​sempliċi fatt li aħna personalment ma nkunux nafu nispjegaw kif taħdem ċerta teknika dwar is-​saħħa ma jfissirx li tkun tinvolvi xi forma taʼ spiritiżmu. Biex inżommu ħarsa Skritturali dwar il-​kura tas-​saħħa neħtieġu l-​għerf ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla kif ukoll id-​dixxerniment. Fi Proverbji kapitlu 3 nsibu din it-​twissija: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek. . . . Ħares l-​għaqal u l-​abbiltà li taħseb, u jkunu ħajja għalik.”—Prov. 3:5, 6, 21, 22.

16 Mela, filwaqt li nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nibqgħu f’saħħitna kemm jistaʼ jkun, irridu noqogħdu attenti li ma nitilfux l-​approvazzjoni t’Alla hekk kif nipprovaw inkampaw mal-​mard jew mal-​proċess tax-​xjuħija. Fil-​kura tas-​saħħa, bħal fi kwistjonijiet oħrajn, għandna nħallu lil kulħadd ‘ikun jaf kemm aħna raġunevoli’ billi ngħixu fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. (Flp. 4:5) F’ittra taʼ importanza vitali, il-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu tat istruzzjonijiet lill-​Kristjani biex jitbiegħdu mill-​idolatrija, mid-​demm, u miż-​żína. Din l-​ittra kienet tinkludi din l-​assiguranza: “Jekk toqogħdu attenti li żżommu ’l bogħod minn dawn l-​affarijiet, jaħbtilkom tajjeb.” (Atti 15:28, 29) B’liema mod?

Kura Raġunevoli b’Saħħa Perfetta Quddiem Għajnejna

17. Kif ibbenefikajna fiżikament mill-​fatt li żammejna mal-​prinċipji tal-​Bibbja?

17 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Napprezza jien kemm ibbenefikajt personalment għaliex nosserva b’mod strett il-​prinċipji tal-​Bibbja dwar id-​demm u ż-​żína?’ Aħseb ukoll dwar il-​benefiċċji li ngawdu minħabba l-​isforzi li nagħmlu biex “nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu.” (2 Kor. 7:1) Meta nżommu mal-​livelli tal-​Bibbja rigward l-​iġjene persunali, nevitaw ħafna mard fiżiku. Aħna nibbenefikaw minħabba li naħarbu t-​tinġis spiritwali u fiżiku li jiġi mill-​użu tat-​tabakk u d-​drogi illegali. Ikkunsidra wkoll il-​benefiċċji tas-​saħħa b’riżultat tal-​moderazzjoni fl-​ikel u fix-​xorb. (Aqra Proverbji 23:20; Titu 2:2, 3.) Għalkemm fatturi bħalma huma l-​mistrieħ u l-​eżerċizzju jistgħu jikkontribwixxu għas-​saħħa fiżika tagħna, aħna bbenefikajna l-​iktar fiżikament u spiritwalment għaliex aċċettajna l-​gwida Skritturali.

18. X’għandu jkun it-​tħassib prinċipali tagħna, u nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn it-​twettiq taʼ liema profezija rigward is-​saħħa?

18 Fuq kollox, għandna nieħdu ħsieb is-​saħħa spiritwali tagħna u nsaħħu r-​relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Missierna tas-​sema, is-​Sors tagħna “tal-​ħajja t’issa u taʼ dik li ġejja” fid-​dinja l-​ġdida li wegħedna. (1 Tim. 4:8; Salm 36:9) Fid-​dinja l-​ġdida t’Alla se jkun hemm fejqan spiritwali u fiżiku komplet permezz tal-​maħfra tad-​dnubiet fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù. Il-​Ħaruf t’Alla, Ġesù Kristu, se jiggwidana lejn “għejun taʼ l-​ilmijiet tal-​ħajja,” u Alla se jixxottalna kull demgħa minn għajnejna. (Riv. 7:14-17; 22:1, 2) Imbagħad se nesperjenzaw ukoll it-​twettiq taʼ din il-​profezija eċċitanti: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Is. 33:24.

19. Waqt li nieħdu ħsieb saħħitna b’mod raġunevoli, dwar xiex aħna żgurati?

19 Aħna konvinti li l-​ħelsien tagħna huwa fil-​qrib, u nistennew bil-​ħerqa l-​jum meta Ġeħova se jreġġaʼ lura l-​proċess tal-​mard u l-​mewt tal-​bniedem. Sadanittant, aħna żgurati li Missierna li tant iħobbna se jgħinna nissaportu t-​tagħbija taʼ l-​uġigħ u l-​mard għaliex ‘hu jimpurtah minna.’ (1 Pt. 5:7) Għalhekk, ejja nieħdu ħsieb saħħitna imma dejjem fi qbil mal-​gwida ċara li nsibu fil-​Kelma mnebbħa t’Alla!

[Nota taʼ taħt]

a Lista taʼ xi artikli bħal dawn tidher fil-​kaxxa f’paġna 17 taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Settembru, 2003.

Bħala Reviżjoni

• Min hu responsabbli għall-​mard, u min se jeħlisna mill-​effetti tad-​dnub?

• Għalkemm huwa normali li nitħassbu dwar saħħitna, x’għandna nevitaw?

• Ġeħova għala jimpurtah x’tip taʼ terapija nagħżlu?

• Kif nistgħu nibbenefikaw milli nżommu mal-​prinċipji tal-​Bibbja rigward saħħitna?

[Stampa f’paġna 23]

Il-​bnedmin ma ġewx maħluqin biex jimirdu u jixjieħu

[Stampa f’paġna 25]

Minkejja problemi taʼ saħħa, in-​nies taʼ Ġeħova jsibu l-​ferħ fil-​ministeru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja