Nibqgħu Approvati Minn Alla Minkejja ċ-Ċirkustanzi
QIEGĦED int tiffaċċja bidliet f’ħajtek? Qed issibha diffiċli biex taċċetta dawn il-bidliet? Ħafna minna konna jew għad inkunu f’din is-sitwazzjoni. Xi eżempji reali mill-passat jistgħu jgħinuna nagħrfu kwalitajiet li jkunu utli.
Pereżempju, ikkunsidra lil David u l-ħafna bidliet li kellu jiffaċċja. Meta ġie midluk minn Samwel bħala Sultan futur, hu kien sempliċi ragħaj ċkejken. Meta kien għadu żgħir, hu offra lilu nnifsu biex jiġġieled lill-ġgant Filisti Gulija. (1 Sam. 17:26-32, 42) Iż-żagħżugħ David ġie mistieden biex jgħix fil-palazz irjali tas-Sultan Sawl u ġie maħtur bħala l-kap tal-armata. David lanqas biss setaʼ jimmaġina dawn il-bidliet kollha f’ħajtu; u lanqas setaʼ jobsor x’kien se jiġri.
Ir-relazzjoni bejn David u Sawl saret estremament diffiċli. (1 Sam. 18:8, 9; 19:9, 10) Biex isalva ħajtu stess, David kellu jgħix bħala maħrub għal bosta snin. Anki meta kien qed jaħkem bħala Sultan taʼ Israel, iċ-ċirkustanzi tiegħu nbidlu drastikament speċjalment wara li għamel adulterju, u biex jaħbi dnubu, ikkommetta qtil. Minħabba dnubietu stess kellu problemi kbar fil-familja tiegħu. Fost affarijiet oħra, David kellu jħabbat wiċċu mar-ribelljoni taʼ ibnu Absalom. (2 Sam. 12:10-12; 15:1-14) Xorta waħda, wara li David nidem mid-dnubiet tal-adulterju u l-qtil, Ġeħova ħafirlu u David reġaʼ kiseb l-approvazzjoni t’Alla.
Iċ-ċirkustanzi tiegħek jistgħu jinbidlu wkoll. Problemi taʼ saħħa, problemi finanzjarji, jew diffikultajiet fil-familja—saħansitra l-azzjonijiet tagħna stess—iġibu bidliet f’ħajjitna. Liema kwalitajiet jistgħu jgħinuna nkunu iktar imħejjijin biex inkampaw ma’ sfidi bħal dawn?
L-Umiltà Tgħinna
L-umiltà tinvolvi attitudni taʼ sottomissjoni min-naħa tagħna. L-umiltà vera tgħinna naraw lilna nfusna kif aħna verament. Tgħinna wkoll naraw lil oħrajn kif tassew huma. Meta nirrikonoxxu l-kwalitajiet u l-preġji taʼ oħrajn, aħna napprezzaw iktar min huma u x’jagħmlu. Bl-istess mod, l-umiltà tistaʼ tgħinna nifhmu r-raġuni għala xi ħaġa tkun ġratilna u kif nirreaġixxu f’sitwazzjoni bħal din.
Ġonatan, bin Sawl, hu eżempju tajjeb. Iċ-ċirkustanzi tiegħu nbidlu minħabba ġrajjiet li ma kellux kontroll fuqhom. Meta Samwel qal lil Sawl li Ġeħova kien se jiħodlu s-saltna, hu ma qallux li Ġonatan kien se jilħaq sultan floku. (1 Sam. 15:28; 16:1, 12, 13) L-għażla t’Alla, li David ikun is-sultan taʼ Israel, eskludiet lil Ġonatan. Sa ċertu punt, id-diżubbidjenza taʼ Sawl kellha effett negattiv fuq Ġonatan. Avolja ma kienx responsabbli għal dak li għamel Sawl, Ġonatan xorta ma kellux ikun is-suċċessur taʼ missieru. (1 Sam. 20:30, 31) Ġonatan kif irreaġixxa għal din is-sitwazzjoni? Żamm fil-komma minħabba l-opportunità li tilef? Għer għal David? Le. Minkejja li kien ħafna akbar fl-età u kellu iktar esperjenza, Ġonatan appoġġa lealment lil David. (1 Sam. 23:16-18) L-umiltà għenitu jifhem min kellu l-barka t’Alla u ‘ma ħasibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.’ (Rum. 12:3) Ġonatan fehem dak li Ġeħova stenna minnu u aċċetta d-deċiżjoni Tiegħu fil-kwistjoni.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna bidliet iġibu magħhom xi diffikultajiet. Kien hemm żmien meta Ġonatan kellu jittratta ma’ żewġt irġiel li kienu qrib tiegħu. Wieħed kien David, is-sultan futur, il-ħabib tiegħu li kien magħżul minn Ġeħova. L-ieħor kien missieru Sawl, li kien ġie miċħud minn Ġeħova imma li xorta waħda kien għadu jaħkem bħala sultan. Żgur li din is-sitwazzjoni kkaġunat stress emozzjonali lil Ġonatan filwaqt li pprova jżomm ruħu approvat minn Ġeħova. Il-bidliet li jkollna niffaċċjaw jistgħu jġegħluna nħossuna inkwetati u beżgħanin. Imma jekk nipprovaw nifhmu x’inhi l-ħarsa taʼ Ġeħova, inkunu nistgħu nibqgħu naqduh lealment hekk kif inkampaw mal-bidliet.
L-Importanza tal-Modestja
Il-modestja tinvolvi li tkun konxju tal-limitazzjonijiet tiegħek. M’għandniex inħalltu l-modestja mal-umiltà. Individwu umli jistaʼ ma jkunx konxju bis-sħiħ tal-limitazzjonijiet tiegħu.
David kien modest. Għalkemm Ġeħova għażlu biex ikun sultan, għal snin sħaħ David ma setax jieħu t-tron. Imkien ma naqraw li David irċieva xi spjegazzjoni mingħand Ġeħova taʼ dak li kien jidher bħala dewmien. Iżda għalkemm din is-sitwazzjoni kienet tidher frustranti, ma dejqitux. Hu kien konxju tal-limitazzjonijiet tiegħu u fehem li Ġeħova, li kien qed jippermetti din is-sitwazzjoni, kellu kollox taħt il-kontroll tiegħu. Għalhekk, David ma kienx se joqtol lil Sawl, lanqas biex isalva ħajtu stess, u waqqaf lil sieħbu Abisaj milli jagħmel hekk.—1 Sam. 26:6-9.
Kultant, fil-kongregazzjoni tagħna tistaʼ tiżviluppa xi sitwazzjoni li ma nkunux nistgħu nifhmuha jew tistaʼ tidher, fl-opinjoni tagħna, li mhix qed tiġi trattata bl-aħjar mod jew bl-iktar mod organizzat. Se nirrikonoxxu aħna bil-modestja li Ġesù hu l-Kap tal-kongregazzjoni u li juża lill-ġemgħa tal-anzjani maħturin biex imexxu? Se nuru l-modestja meta nafu li sabiex ikollna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova rridu nistrieħu fuqu biex imexxina permezz taʼ Ġesù Kristu? Se nistennew bil-modestja anki jekk ma jkunx faċli nagħmlu dan?—Prov. 11:2.
Ġwejdin u B’hekk Pożittivi
Il-ħlewwa hi temperament ġwejjed. Din tgħinna nissaportu l-ħsara bil-paċenzja u mingħajr ma nħossuna irritati, offiżi, jew li rridu nivvendikaw ruħna. Mhuwiex faċli tkun ġwejjed. Taʼ interess, vers fil-Bibbja jgħid, ‘il-ġwejdin taʼ l-art’ huma mistidnin biex ‘ifittxu li jkunu ġwejdin.’ (Sof. 2:3) Hemm rabta bejn li tkun ġwejjed u li tkun umli u modest. Li tkun ġwejjed jinkludi wkoll kwalitajiet oħrajn bħat-tjubija u l-ħlewwa. Bniedem ġwejjed jaċċetta t-taħriġ u t-tagħlim u b’hekk ikun jistaʼ jagħmel progress spiritwali.
Il-ħlewwa kif tistaʼ tgħinna nkampaw mal-bidliet f’ħajjitna? X’aktarx innotajt li ħafna għandhom tendenza li jħarsu lejn il-bidliet b’mod negattiv. Fir-realtà, dawn jistgħu jkunu opportunitajiet sabiex inkomplu niġu mħarrġin minn Ġeħova. Il-ħajja taʼ Mosè turi dan.
Fl-età taʼ 40 sena, Mosè diġà kellu kwalitajiet eċċellenti. Hu wera li kien sensittiv għall-bżonnijiet tal-poplu t’Alla u wera spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. (Ebr. 11:24-26) Madankollu, qabel ma ġie inkarigat minn Ġeħova biex joħroġ lil Israel mill-Eġittu, Mosè kellu jiffaċċja xi bidliet li għamluh iktar ġwejjed. Hu kellu jaħrab mill-Eġittu, jgħix fl-art taʼ Midjan għal 40 sena, u jaħdem bħala ragħaj ’il bogħod mill-prominenza. X’kien ir-riżultat? Din il-bidla għamlitu persuna aħjar. (Num. 12:3) Hu tgħallem iġib l-interessi spiritwali qabel l-interessi tiegħu stess.
Biex nuru kemm Mosè kien ġwejjed, ejja nikkunsidraw x’ġara meta Ġeħova qal li ried jiċħad lill-ġens diżubbidjenti u lid-dixxendenti taʼ Mosè milli jsiru ġens setgħan. (Num. 14:11-20) Mosè tkellem għan-nom tal-ġens. Kliemu wera li kien konċernat dwar ir-reputazzjoni t’Alla u l-benesseri taʼ ħutu, u mhux dwar l-interessi tiegħu stess. L-irwol taʼ Mosè bħala mexxej tal-ġens u medjatur kien jirrikjedi persuna ġwejda. Mirjam u Aron gergru kontrih, iżda r-rakkont tal-Bibbja jgħid li Mosè kien “bil-wisq l-iktar ġwejjed mill-bnedmin kollha.” (Num. 12:1-3, 9-15) Jidher li Mosè kien ġwejjed u ttollera l-insulti tagħhom. X’kien jiġri kieku Mosè ma kienx ġwejjed?
F’okkażjoni oħra, l-ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq xi rġiel u ġegħelhom jipprofetizzaw. Ġożwè, il-qaddej taʼ Mosè, ħass li dawn l-Israelin m’aġixxewx b’mod xieraq. Mill-banda l-oħra, Mosè kien ġwejjed u ħares lejn l-affarijiet kif iħares lejhom Ġeħova u ma qagħadx jinkwieta li jitlef l-awtorità tiegħu. (Num. 11:26-29) Kieku Mosè ma kienx ġwejjed, kien hu se jaċċetta din il-bidla fl-arranġament taʼ Ġeħova?
Sabiex setaʼ juża sew l-awtorità kbira li ngħatatlu u jwettaq l-irwol li tah Alla, Mosè kellu jkun ġwejjed. Ġeħova stiednu biex imur fuq il-Muntanja Ħoreb u joqgħod quddiem il-poplu. Alla tkellem ma’ Mosè permezz taʼ anġlu u ħatru bħala l-medjatur tal-patt. Peress li Mosè kien ġwejjed, setaʼ jaċċetta din il-bidla kbira ferm fl-awtorità u madankollu jibqaʼ jkollu l-approvazzjoni t’Alla.
Xi ngħidu għalina? Hu indispensabbli li nkunu ġwejdin biex nikbru individwalment. Dawk kollha li ġew fdati bi privileġġi u b’awtorità fost il-poplu t’Alla jeħtieġ li jkunu ġwejdin. Jekk inkunu ġwejdin inżommu lura milli nkunu kburin meta niffaċċjaw bidliet, u niġu megħjunin nittrattaw ma’ sitwazzjonijiet b’attitudni tajba. Ir-reazzjoni tagħna hi importanti. Se naċċettawha l-bidla? Se nqisuha bħala opportunità biex nitjiebu? Din tistaʼ tkun opportunità unika biex insiru ġwejdin!
Aħna kontinwament niffaċċjaw bidliet f’ħajjitna. Xi kultant ma jkunx faċli nifhmu għala jiġru ċerti affarijiet. Il-limitazzjonijiet persunali u l-istress emozzjonali jistgħu jagħmluha diffiċli għalina li nkomplu nħarsu lejn l-affarijiet bil-mod kif iħares lejhom Ġeħova. Xorta waħda, kwalitajiet bħal li nkunu umli, modesti, u ġwejdin se jgħinuna naċċettaw il-bidliet u jibqaʼ jkollna l-approvazzjoni t’Alla.
[Kumment f’paġna 4]
L-umiltà vera tgħinna naraw lilna nfusna kif aħna verament
[Kumment f’paġna 5]
Hu indispensabbli li nkunu ġwejdin biex nikbru individwalment
[Stampa f’paġna 5]
Mosè kellu jagħmel xi bidliet biex ikun iktar ġwejjed