Sebaʼ Passi Biex Tibbenefika mill-Qari tal-Bibbja
“Il-Bibbja mhux biss hi l-iktar ktieb li qatt inbiegħ fl-istorja, imma wkoll iktar kopji tagħha jibqgħu jinbiegħu kull sena minn kwalunkwe ktieb ieħor.”—IR-RIVISTA TIME.
“Kultant naqraha l-Bibbja, imma vera ma nsibhiex interessanti.”—KEITH, MUŻIĊIST POPOLARI MILL-INGILTERRA.
HUWA ironiku li ħafna nies għandhom Bibbja imma jidher li jibbenefikaw ftit li xejn meta jaqrawha. Iżda oħrajn jgħożżu dak li jaqraw fil-Bibbja. Pereżempju, mara jisimha Nancy tgħid: “Mindu bdejt naqra u nimmedita fuq il-Bibbja kmieni kull filgħodu, qed inħossni lesta biex niffaċċja kwalunkwe problema li taf tqum matul il-ġurnata. Din ir-rutina għenitni bil-wisq iktar minn dak kollu li pprovajt matul dawn l-aħħar 35 sena biex intaffi l-attakki tad-dipressjoni li jkolli.”
Anki jekk qatt ma qrajt il-Bibbja, jinteressak il-fatt li xi nies ġew megħjunin minħabba li qrawha? Jekk int diġà qarrej tal-Bibbja, tixtieq tibbenefika iktar mill-qari tiegħek? Jekk iva, ipprova s-sebaʼ passi li se jiġu diskussi f’dan l-artiklu.
L-1 Pass—Aqra bil-Motiv it-Tajjeb
◼ Int tistaʼ taqra l-Bibbja sempliċement għax hi biċċa letteratura mill-isbaħ, jew għax tħossok obbligat li taqraha, jew bil-ħsieb li fiha se ssib x’jiggwidak f’din id-dinja kollha inkwiet. Iżda se tikseb l-iktar benefiċċju jekk il-mira tiegħek hi li ssir taf il-verità dwar Alla. Minbarra dan, se taħsad barkiet abbundanti jekk il-motiv tiegħek hu li tara kif il-messaġġ tal-Bibbja jistaʼ jeffettwa ’l ħajtek.
L-Iskrittura tenfasizza l-importanza taʼ li taqra bil-motiv it-tajjeb billi tqabbel il-Bibbja maʼ mera: “Jekk xi ħadd jismaʼ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled: jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien. Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu.”—Ġakbu 1:23-25.
Ir-raġel f’dan l-eżempju ħares lejn wiċċu fil-mera imma naqas milli jirranġa d-dehra tiegħu. Forsi sempliċement ta daqqa t’għajn ħafifa lejh innifsu, jew forsi ma kellux ix-xewqa li jagħmel kwalunkwe tibdil. Bl-istess mod, ma tantx se nibbenefikaw jekk naqraw il-Bibbja kif ġie ġie jew jekk nonqsu milli napplikaw dak li nkunu qrajna. B’kuntrast, nistgħu niksbu l-hena veru jekk inħarsu fil-Bibbja bil-ħsieb li ‘nagħmluha,’ jiġifieri li nħallu l-ħsibijiet t’Alla jsawru l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna.
It-2 Pass—Agħżel Ttraduzzjoni taʼ Min Joqgħod Fuqha
◼ Jistaʼ jkun li għandek ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja bil-lingwa tiegħek minn fejn tagħżel. Waqt li hu minnu li kwalunkwe traduzzjoni tal-Kelma t’Alla tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għalik, xi wħud minnhom jużaw lingwaġġ antikwat jew tal-istudjużi li jistaʼ jkun diffiċli biex tifhmu. (Atti 4:13) Xi traduzzjonijiet saħansitra jbiddlu l-messaġġ pur tal-Bibbja billi jistrieħu fuq tradizzjonijiet. Pereżempju, xi ftit minnhom użaw titli bħal “Alla” jew “Mulej” minflok l-isem t’Alla, Ġeħova. Għalhekk, meta tiġi biex tagħżel traduzzjoni fittex waħda li tittraduċi bl-eżatt il-Bibbja b’lingwaġġ li faċli jinftiehem u li jħeġġek tibqaʼ taqraha.
Miljuni taʼ qarrejja madwar id-dinja sabu li t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tilħaq dawn il-ħtiġijiet.a Ikkunsidra x’qal raġel avanzat fl-età fil-Bulgarija. Hu attenda laqgħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova u ngħata kopja tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Wara qal, “Ili naqra l-Bibbja għal bosta snin, imma qatt ma qrajt traduzzjoni li hi daqshekk faċli biex tinftiehem u li tant tmiss il-qalb.”
It-3 Pass—Itlob
◼ Tistaʼ tifhem il-Bibbja iktar billi tistaqsi lill-Awtur għall-għajnuna tiegħu, kif għamel is-salmista li qal: “Ikxifli għajnejja, biex inkun nistaʼ nara l-affarijiet taʼ l-għaġeb fil-liġi tiegħek.” (Salm 119:18) Itlob lil Alla kull darba li taqra l-Iskrittura, u itolbu jgħinek tifhem il-Kelma tiegħu. Ukoll, tistaʼ tesprimi r-ringrazzjament tiegħek għall-Bibbja, għax mingħajrha ma konniex inkunu nafu lil Alla.—Salm 119:62.
Jismaʼ Alla talb għall-għajnuna bħal dan? Ikkunsidra dak li ġara lil żewġ aħwa taħt l-għoxrin sena fl-Urugwaj. Kienu mħawdin minħabba dak li tgħid il-Bibbja f’Danjel 2:44 u talbu lil Alla biex jibgħat lil xi ħadd ħalli jgħinhom jifhmuh. Waqt li l-Bibbja tat-tfajliet kienet għadha miftuħa, tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova ħabbtulhom il-bieb, qraw dak l-istess vers li kienu talbu dwaru, u spjegaw li dan jiddeskrivi kif il-gvern t’Alla kellu jieħu post il-gvernijiet tal-bnedmin.b L-aħwa żgħażagħ kienu konvinti li Alla kien wieġeb it-talba tagħhom għall-għajnuna.
Ir-4 Pass—Aqraha Kuljum
◼ Pubblikatur tal-kotba nnota li “n-nies f’daqqa waħda bdew jixtru iktar Bibbji” wara l-attakki terroristiċi fl-Istati Uniti fil-11 taʼ Settembru, 2001. Ħafna jduru lejn il-Kelma t’Alla biss fi żminijiet t’hemm kbir. Madankollu, il-Bibbja tħeġġiġna biex naqrawha kuljum għax tgħid: “Dan il-ktieb tal-liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u trid taqrah u timmedita fuqu lejl u nhar, sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb tagħmel skond kulma hemm miktub fih; għax imbagħad se tirnexxi fi triqtek u mbagħad se taġixxi bl-għerf.”—Ġożwè 1:8.
Il-valur taʼ qari regulari tal-Bibbja jistaʼ jiġi spjegat b’eżempju taʼ raġel li kellu attakk tal-qalb u li jiddeċiedi jiekol ikel li hu iktar sustanzjuż. Se tgħinu din id-dieta jekk iżommha biss meta jħoss weġgħa qawwija f’sidru? Le. B’mod konsistenti jrid iżomm maʼ din id-dieta sustanzjuża biex jikseb l-iktar ġid. Bl-istess mod, qari tal-Bibbja kuljum se jgħinek “tirnexxi fi triqtek.”
Il-5 Pass—Uża Metodi Differenti
◼ Jistaʼ jkun tajjeb li taqra l-Bibbja minn Ġenesi sa Rivelazzjoni, imma forsi tieħu pjaċir tipprova metodi oħrajn. Hawn se ssib xi suġġerimenti.
Aqra dwar karattru partikulari. Aqra l-kapitli jew il-kotba kollha li jiddiskutu aduratur partikulari t’Alla, bħal dawn li ġejjin:
• Ġużeppi: Ġenesi 37-50.
• Rut: Rut 1-3.
• Ġesù: Mattew 1-28; Marku 1-16; Luqa 1-24; Ġwanni 1-21.c
Iffoka fuq suġġett. Aqra l-iskritturi li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett. Pereżempju, agħmel riċerka fuq is-suġġett tat-talb u mbagħad aqra l-parir tal-Bibbja fuq it-talb, kif ukoll xi ftit mill-ħafna talb imniżżel fil-Bibbja.d
Aqra b’leħen għoli. Tistaʼ tibbenefika bil-kbir jekk taqra l-Bibbja b’leħen għoli. (Rivelazzjoni 1:3) Tistgħu saħansitra taqrawha b’leħen għoli bħala familja, billi taqraw paragrafu kull wieħed jew billi membri differenti tal-familja jagħmluha tal-karattri. Xi wħud jieħdu pjaċir jisimgħu rekording tal-Bibbja. Waħda mara qalet: “Sibtha diffiċli biex nibda naqra l-Bibbja, allura bdejt billi qgħadt nismaʼ l-qari tal-Bibbja rekordjat. Issa nsib li l-Bibbja hija iktar eċċitanti minn rumanz tajjeb.”
Is-6 Pass—Immedita
◼ Il-ħajja mgħaġġla tal-lum u d-distrazzjonijiet tagħha jagħmluha diffiċli li timmedita. Madankollu, sewwasew bħalma rridu niddiġerixxu l-ikel sabiex inkunu sostnuti, irridu nimmeditaw fuq dak li naqraw mill-Bibbja sabiex nibbenefikaw. Nagħmlu dan billi nirrivedu f’moħħna dak li naqraw u billi nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal: ‘X’tgħallimt dwar Alla Ġeħova? Kif tapplika għalija l-informazzjoni? Kif nistaʼ nużaha biex ngħin lil ħaddieħor?’
Ħsieb bħal dan iħalli l-messaġġ tal-Bibbja jmissilna qalbna u jkabbar il-ferħ li niksbu meta naqraw il-Kelma t’Alla. Salm 119:97 jgħid: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu moħħni fiha.” Permezz tal-meditazzjoni, is-salmista kien moħħu fl-Iskrittura l-jum kollu. Billi għamel hekk, ġie megħjun jiżviluppa mħabba profonda għal dak li tgħallem.
Is-7 Pass—Fittex l-Għajnuna Biex Tifhem
◼ Alla ma jistenniex li nifhmu bis-sħiħ il-Kelma tiegħu waħedna. Anki l-Bibbja tirrikonoxxi li fiha “xi affarijiet tqal biex tifhimhom.” (2 Pietru 3:16) Il-ktieb tal-Atti jiddeskrivi uffiċjal Etjopjan li ħassu konfuż minħabba silta tal-Bibbja li qara. Alla bagħat wieħed mill-qaddejja Tiegħu biex jgħinu, u dan wassal biex ir-raġel Etjopjan “baqaʼ sejjer ferħan fi triqtu.”—Atti 8:26-39.
Int ukoll tistaʼ tibbenefika iktar mill-qari tal-Bibbja billi tfittex l-għajnuna ħalli tifhem dak li taqra. Ikkuntattja x-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek, jew ikteb fl-indirizz f’paġna 4 taʼ din ir-rivista għal studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.
[Noti taʼ taħt]
a It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, pubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ġiet stampata sħiħa jew parti minnha bi 83 lingwa u hija wkoll disponibbli fuq l-Internet bi 11-il lingwa fuq il-Websajt www.watchtower.org.
b Għal iktar informazzjoni dwar is-Saltna t’Alla u dwar dak li se tagħmel, ara kapitlu 8 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
c Jekk għadek tibda taqra l-Bibbja, ipprova ibda bir-rakkont mexxej tal-ministeru taʼ Ġesù fil-ktieb taʼ Marku.
d Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? għen lil ħafna jistudjaw il-Bibbja skont is-suġġett. Pereżempju, kapitlu 17 jiddiskuti x’tgħid il-Bibbja dwar is-suġġett tat-talb.