LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w11 3/15 pp. 28-32
  • Ibqaʼ Mqajjem, Kif Għamel Ġeremija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ Mqajjem, Kif Għamel Ġeremija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Messaġġ Urġenti
  • Imħabba għan-​Nies
  • Kuraġġ Mogħti Minn Alla
  • Ferħ li Jiġi mill-​Qalb
  • ‘Ibqaʼ Mqajjem’ għall-​Inkarigu Tiegħek!
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Int Għidilhom Din il-​Kelma”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
w11 3/15 pp. 28-32

Ibqaʼ Mqajjem, Kif Għamel Ġeremija

“Jien [Ġeħova] qed nibqaʼ mqajjem minħabba kelmti sabiex inwettaqha.”—ĠER. 1:12.

1, 2. Il-​fatt li Ġeħova ‘baqaʼ mqajjem’ x’għandu x’jaqsam mas-​siġra tal-​lewż?

FUQ l-​għoljiet tal-​Libanu u Iżrael, waħda mill-​ewwel siġar li tibda twarrad hi s-​siġra tal-​lewż. Il-​fjuri sbieħ roża jew bojod tagħha jibdew jidhru saħansitra mill-​aħħar taʼ Jannar jew il-​bidu taʼ Frar. L-​isem Ebrajk letteralment ifisser “dak li jistenbaħ.”

2 Meta Ġeħova ħatar lil Ġeremija bħala l-​profeta tiegħu, din il-​karatteristika tas-​siġra tal-​lewż intużat b’mod xieraq biex tispjega realtà importanti. Fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu, il-​profeta ġie muri f’viżjoni rimja taʼ din is-​siġra. X’kienet tfisser? Ġeħova spjega: “Jien qed nibqaʼ mqajjem minħabba kelmti sabiex inwettaqha.” (Ġer. 1:11, 12) Sewwasew bħalma s-​siġra tal-​lewż ‘stenbħet’ kmieni, Ġeħova b’mod figurattiv kien qed ‘ibakkar’ biex jibgħat lill-​profeti tiegħu jwissu lil niesu dwar il-​konsegwenzi tad-​diżubbidjenza. (Ġer. 7:25) U ma kienx se jistrieħ—kien se ‘jibqaʼ mqajjem’—sakemm titwettaq il-​kelma profetika tiegħu. Fis-​sena 607 Q.E.K., eżatt fil-​ħin imwaqqat, il-​ġudizzju taʼ Ġeħova ġie fuq il-​ġens apostata taʼ Ġuda.

3. Dwar xiex nistgħu nkunu ċerti rigward Ġeħova?

3 Bl-​istess mod illum, Ġeħova hu mqajjem, lest biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. Huwa impossibbli għalih li jittraskura t-​twettiq taʼ kelmtu. Il-​fatt li Ġeħova hu attent kif jeffettwak? Temmen li f’din is-​sena 2011 Ġeħova hu “mqajjem” biex iwettaq il-​wegħdi tiegħu? Jekk għandna kwalunkwe dubju dwar il-​wegħdi ċerti taʼ Ġeħova, issa hu ż-​żmien biex inqumu minn kwalunkwe nagħsa spiritwali. (Rum. 13:11) Bħala l-​profeta taʼ Ġeħova, Ġeremija żamm ruħu mqajjem. Aħna se niġu megħjunin naraw kif nistgħu nipperseveraw fix-​xogħol li tana Ġeħova jekk neżaminaw kif u għala Ġeremija baqaʼ mqajjem għall-​inkarigu li kellu mingħand Alla.

Messaġġ Urġenti

4. Liema sfidi ffaċċja Ġeremija biex iwassal il-​messaġġ tiegħu, u x’għamlu urġenti?

4 Jistaʼ jkun li Ġeremija kellu xi 25 sena meta rċieva l-​inkarigu mingħand Ġeħova biex ikun għassies. (Ġer. 1:1, 2) Imma hu ħassu li ma kienx ħlief naqra taʼ tifel, mhux kwalifikat għall-​aħħar biex ikellem lill-​anzjani tal-​ġens, irġiel avanzati fl-​età u li kellhom pożizzjonijiet t’awtorità. (Ġer. 1:6) Hu kellu kundanni ħorox u ġudizzji tal-​biżaʼ x’jipproklama, speċjalment lill-​qassisin, lill-​profeti foloz, u lill-​ħakkiema, kif ukoll lil dawk li għażlu “t-​triq l-​iktar popolari” u li qatt ma wrew fedeltà. (Ġer. 6:13; 8:5, 6) It-​tempju glorjuż tas-​Sultan Salamun, li kien iċ-​ċentru għall-​qima vera għal kważi erbaʼ sekli, kien se jiġi mġarraf. Ġerusalemm u Ġuda kienu se jsiru ħerba, u l-​abitanti tagħhom kienu se jsiru priġunieri. Jidher ċar li l-​messaġġ li Ġeremija ġie inkarigat iwassal kien urġenti!

5, 6. (a) Ġeħova kif qed juża l-​klassi taʼ Ġeremija llum? (b) Fuqiex se jiffoka l-​istudju tagħna?

5 Fi żminijiet moderni, Ġeħova bi mħabba pprovda lill-​umanità bi grupp taʼ Kristjani midlukin li jaġixxu t’għassiesa figurattivi u li jwissu dwar il-​ġudizzju t’Alla kontra din id-​dinja. Għal għaxriet taʼ snin, din il-​klassi taʼ Ġeremija ħeġġet lin-​nies biex jagħtu kas iż-​żminijiet li qed ngħixu fihom. (Ġer. 6:17) Il-​Bibbja tenfasizza li Ġeħova, il-​Wieħed il-​Kbir li Jistabbilixxi ż-​Żmien, mhux qed idum. Il-​jum tiegħu se jasal eżatt fil-​ħin, f’siegħa li l-​bnedmin ma jistennewhiex.—Sof. 3:8; Mk. 13:33; 2 Pt. 3:9, 10.

6 Żomm f’moħħok li Ġeħova hu mqajjem u se jġib id-​dinja ġdida taʼ ġustizzja tiegħu eżatt fil-​ħin. Peress li l-​klassi taʼ Ġeremija u sħabhom dedikati jafu dan, huma għandhom jitqanqlu biex jibqgħu mqajmin għall-​urġenza li dejjem tiżdied tal-​messaġġ tagħhom. Dan kif jeffettwak? Ġesù indika li lkoll kemm aħna għandna bżonn nieħdu waqfa għas-​Saltna t’Alla. Ejja neżaminaw tliet kwalitajiet li għenu lil Ġeremija jibqaʼ mqajjem għall-​inkarigu tiegħu u li se jgħinuna nagħmlu l-​istess.

Imħabba għan-​Nies

7. Spjega kif l-​imħabba qanqlet lil Ġeremija jipprietka minkejja ċ-​ċirkustanzi diffiċli.

7 X’qanqal lil Ġeremija jipprietka minkejja ċ-​ċirkustanzi diffiċli? Kellu mħabba għan-​nies. Ġeremija kien jaf li rgħajja foloz kienu qed jikkaġunaw ħafna mill-​inkwiet li n-​nies iffaċċjaw. (Ġer. 23:1, 2) Dan l-​għarfien għenu jwettaq xogħlu bi mħabba u mogħdrija. Hu ried li n-​nies taʼ pajjiżu jisimgħu kliem Alla u jgħixu. Tant kien inkwetat li beka minħabba l-​gwaj li kienu se jgħaddu minnu. (Aqra Ġeremija 8:21; 9:1.) Il-​ktieb tal-​Lamentazzjonijiet juri b’mod ħaj l-​imħabba u t-​tħassib profond li Ġeremija kellu għall-​isem t’Alla u għan-​nies. (Lam. 4:6, 9) Meta tara n-​nies “maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj” illum, ma tħossx ix-​xewqa li ġġibilhom l-​aħbar tajba li tfarraġ tas-​Saltna t’Alla?—Mt. 9:36.

8. X’juri li s-​sofferenza taʼ Ġeremija ma mlitux bl-​imrar?

8 Ġeremija sofra taħt idejn l-​istess nies li hu ried jgħin, madankollu ma qagħadx ipatti u ma mteliex bl-​imrar. Hu wera s-​sabar fit-​tul u l-​qalb tajba, anki mas-​sultan korrott Sedekija! Wara li Sedekija tah f’idejn xi nies biex joqtluh, Ġeremija xorta talbu bil-​ħrara biex jobdi minn leħen Ġeħova. (Ġer. 38:4, 5, 19, 20) Hija mħabbitna għan-​nies b’saħħitha daqs kemm kienet taʼ Ġeremija?

Kuraġġ Mogħti Minn Alla

9. Kif nafu li l-​kuraġġ taʼ Ġeremija kien ġej mingħand Alla?

9 Meta Ġeħova għall-​ewwel kellmu, Ġeremija pprova jġib l-​iskużi. Minn dan naraw li l-​qlubija u s-​sodizza li mbagħad wera ma kinux parti min-​natura tiegħu. Le, il-​qawwa straordinarja li wera Ġeremija matul il-​karriera tiegħu bħala profeta fil-​fatt ġiet minħabba li straħ għalkollox fuq Alla. Ġeħova tassew kien mal-​profeta “bħal wieħed setgħan u tal-​biżaʼ,” fis-​sens li appoġġa lil Ġeremija u tah is-​saħħa biex jagħmel l-​inkarigu. (Ġer. 20:11) Ġeremija tant kien magħruf għall-​qlubija u l-​kuraġġ li matul il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, xi wħud ħasbu li Ġesù kien Ġeremija rxoxtat!—Mt. 16:13, 14.

10. Għala jistaʼ jingħad li l-​fdal midluk hu ‘fuq ġnus u saltniet’?

10 Bħala s-​“Sultan tal-​ġnus,” Ġeħova inkariga lil Ġeremija biex iwassal messaġġ taʼ ġudizzju lil ġnus u saltniet. (Ġer. 10:6, 7) Imma l-​fdal midluk f’liema sens hu “fuq il-​ġnus u fuq is-​saltniet”? (Ġer. 1:10) Bħall-​profeta tal-​qedem, il-​klassi taʼ Ġeremija ġiet inkarigata mis-​Sovran tal-​univers. Għalhekk, il-​qaddejja midlukin t’Alla b’mod xieraq ġew awtorizzati jagħmlu dikjarazzjonijiet madwar id-​dinja kontra ġnus u saltniet. Il-​klassi taʼ Ġeremija ngħatat l-​awtorità minn Alla l-​Iktar Għoli u għandha l-​lingwaġġ ċar tal-​Kelma ispirata tiegħu. Tuża dawn biex tiddikjara li l-​ġnus u s-​saltniet tal-​lum se jiġu maqlugħin u meqrudin fiż-​żmien imwaqqat t’Alla u bil-​mezz li jagħżel hu. (Ġer. 18:7-​10; Riv. 11:18) Il-​klassi taʼ Ġeremija hija determinata li ma ċċedix fl-​inkarigu mogħti minn Alla biex tipproklama l-​messaġġi taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova madwar l-​art kollha.

11. X’se jgħinna nippritkaw bla heda meta niffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli?

11 Mhijiex xi ħaġa taʼ barra minn hawn li xi kultant inħossuna skuraġġiti meta niffaċċjaw l-​oppożizzjoni, l-​indifferenza, jew iċ-​ċirkustanzi diffiċli. (2 Kor. 1:8) Imma bħal Ġeremija, ejja nkomplu nħabirku. Taqtax qalbek. Jalla kull wieħed u waħda minna jibqaʼ jitlob lil Alla bil-​ħeġġa, jistrieħ fuqu, u ‘jagħmel il-​qalb’ hekk kif idur lejh għall-​għajnuna. (1 Tess. 2:2) Peress li aħna aduraturi veri, għandna nibqgħu mqajmin għar-​responsabbiltajiet li għandna mingħand Alla. Irridu nkunu determinati li nibqgħu nippritkaw bla heda dwar il-​qerda tal-​Kristjaneżmu, li ġiet iffigurata bil-​quddiem mill-​qerda taʼ Ġerusalemm żleali. Il-​klassi taʼ Ġeremija mhux biss se tiddikjara “s-​sena t’approvazzjoni min-​naħa taʼ Ġeħova” imma wkoll “jum il-​vendetta min-​naħa t’Alla tagħna.”—Is. 61:1, 2; 2 Kor. 6:2.

Ferħ li Jiġi mill-​Qalb

12. Għala nistgħu nikkonkludu li Ġeremija żamm il-​ferħ tiegħu, u x’kien fattur ewlieni biex jagħmel dan?

12 Ġeremija sab il-​ferħ f’xogħlu. Hu qal lil Ġeħova: “Kliemek ġie għandi, u jien kiltu; u kelmtek saret għalija l-​ferħ u l-​hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova.” (Ġer. 15:16) Għal Ġeremija, kien privileġġ li jirrappreżenta lill-​Alla l-​veru u li jipprietka kelmtu. Huwa interessanti li meta Ġeremija ffoka fuq it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt min-​nies, hu tilef il-​ferħ li kellu. Meta ħaseb fuq kemm il-​messaġġ tiegħu kien sabiħ u importanti, il-​ferħ tiegħu reġaʼ tkebbes.—Ġer. 20:8, 9.

13. Għala hu importanti li nitimgħu lilna nfusna b’veritajiet spiritwali profondi biex inżommu l-​ferħ tagħna?

13 Sabiex inżommu l-​ferħ fix-​xogħol tal-​ippritkar fi żmienna, hemm bżonn li nitimgħu lilna nfusna b’“ikel solidu,” il-​veritajiet profondi tal-​Kelma t’Alla. (Ebr. 5:14) Studju iktar fil-​fond jibni l-​fidi. (Kol. 2:6, 7) Iġegħelna nifhmu kemm l-​azzjonijiet tagħna tassew imissu qalb Ġeħova. Jekk qed nissieltu biex insibu l-​ħin ħalli naqraw u nistudjaw il-​Bibbja, għandna nerġgħu neżaminaw l-​iskeda tagħna. Saħansitra ftit minuti taʼ studju u meditazzjoni kuljum se jressquna eqreb taʼ Ġeħova u jikkontribwixxu għall-​‘ferħ u l-​hena taʼ qalbna,’ kif ġara fil-​każ taʼ Ġeremija.

14, 15. (a) Liema frott ħareġ mill-​fatt li Ġeremija lealment żamm mal-​inkarigu tiegħu? (b) Il-​poplu t’Alla llum x’jifhem dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar?

14 Ġeremija veru ddikjara t-​twissijiet u l-​messaġġ taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova bla heda, però f’qalbu kellu l-​inkarigu ‘biex jibni u jħawwel.’ (Ġer. 1:10) Ix-​xogħol tiegħu biex jibni u jħawwel kellu l-​frott. Xi Lhud, kif ukoll uħud li ma kinux Iżraelin, salvaw mill-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Aħna nafu dwar ir-​Rekabin, Għebed-​melek, u Baruk. (Ġer. 35:19; 39:15-​18; 43:5-​7) Dawn il-​ħbieb taʼ Ġeremija li kienu leali u li kellhom il-​biżaʼ t’Alla jagħtu stampa tajba bil-​quddiem taʼ dawk li llum għandhom it-​tama għall-​art u li jissieħbu mal-​klassi taʼ Ġeremija. Il-​klassi taʼ Ġeremija hija ferħana ħafna li tistaʼ tibni spiritwalment lil din il-​“folla kbira.” (Riv. 7:9) Bl-​istess mod, dawn l-​imseħbin leali tal-​midlukin jiksbu sodisfazzjon kbir f’li jgħinu lill-​uħud taʼ qalb onesta jaslu għall-​għarfien tal-​verità.

15 Il-​poplu t’Alla jifhem li l-​ippritkar tal-​aħbar tajba mhuwiex biss servizz pubbliku għal dawk li jisimgħu imma huwa wkoll att taʼ qima lil Alla tagħna. Kemm jekk insibu min jismagħna u kemm jekk le, aħna niksbu ferħ kbir f’li nagħtu servizz sagru lil Ġeħova permezz tal-​ippritkar tagħna.—Salm 71:23; aqra Rumani 1:9.

‘Ibqaʼ Mqajjem’ għall-​Inkarigu Tiegħek!

16, 17. Rivelazzjoni 17:10 u Ħabakkuk 2:3 x’juru dwar l-​urġenza taż-​żminijiet tagħna?

16 L-​urġenza taż-​żminijiet li ngħixu fihom hi enfasizzata meta nikkunsidraw il-​profezija ispirata f’Rivelazzjoni 17:10. Is-​sebaʼ sultan, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana, tfaċċa. Dwaru naqraw: ‘Meta s-​sebaʼ qawwa dinjija tasal trid tibqaʼ għal żmien qasir.’ S’issa dak iż-​“żmien qasir” bilfors li wasal qrib tmiemu. Il-​profeta Ħabakkuk jagħtina din l-​assiguranza dwar it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar: “Il-​viżjoni qed tistenna ż-​żmien stabbilit tagħha . . . Ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard.”—Ħab. 2:3.

17 Staqsi lilek innifsek: ‘Il-​mod kif ngħix ħajti tassew juri li nifhem l-​urġenza taż-​żminijiet tagħna? Ħajti turi li qed nistenna li ġej it-​tmiem dalwaqt? Jew inkella d-​deċiżjonijiet u l-​prijoritajiet tiegħi jindikaw li ma nistenniex li ġej it-​tmiem dalwaqt jew li saħansitra m’iniex ċert jekk hux qatt se jiġi?’

18, 19. Għala issa mhuwiex iż-​żmien li nnaqqsu l-​pass?

18 Ix-​xogħol tal-​klassi tal-​għassies għadu mhux lest. (Aqra Ġeremija 1:17-​19.) Kemm hu sors taʼ ferħ li l-​fdal midluk hu wieqaf bla ma jitħarrek, bħal “pilastru tal-​ħadid” u “belt fortifikata”! Għandhom ‘ġenbejhom imħażżmin bil-​verità’ fis-​sens li jħallu l-​Kelma t’Alla ssaħħaħhom sakemm jitlesta x-​xogħol li ġew inkarigati bih. (Efes. 6:14) B’determinazzjoni simili, dawk tal-​folla l-​kbira jappoġġaw b’mod attiv lill-​klassi taʼ Ġeremija f’li twettaq l-​inkarigu divin tagħha.

19 Issa mhuwiex iż-​żmien biex innaqqsu l-​attività tas-​Saltna imma biex nikkunsidraw l-​importanza tal-​kliem f’Ġeremija 12:5. (Aqra.) Ilkoll kemm aħna niffaċċjaw sfidi li jkollna nissaportu. Dawn il-​provi tal-​fidi jistgħu jitqabblu maʼ ġerrejja li bilfors ikollna niġru magħhom. Minkejja dan, hekk kif toqrob it-​“tribulazzjoni kbira,” nistgħu nistennew li t-​tbatijiet se jiżdiedu. (Mt. 24:21) It-​taqbid li se jkollna mad-​diffikultajiet iktar diffiċli u futuri nistgħu nxebbhuh maʼ li “ttellaq maż-​żwiemel.” Hemm bżonn taʼ ħafna sabar min-​naħa tal-​bniedem biex ilaħħaq maʼ żwiemel jiġru. Għalhekk, hu tajjeb li nissaportu l-​provi li niffaċċjaw issa għax jistgħu jippreparawna biex nissaportu fil-​provi li ġejjin.

20. X’int determinat li tagħmel?

20 Ilkoll kemm aħna nistgħu nimitaw lil Ġeremija u nwettqu b’suċċess l-​inkarigu tagħna biex nippritkaw! Kwalitajiet bħall-​imħabba, il-​kuraġġ, u l-​ferħ qanqlu lil Ġeremija biex iwettaq b’lealtà l-​ministeru tiegħu li dam 67 sena. Il-​fjura mill-​isbaħ tal-​lewż tfakkarna li Ġeħova se ‘jibqaʼ mqajjem’ għal kelmtu sabiex iwettaqha. Mela, għandna raġuni tajba biex nagħmlu l-​istess. Ġeremija baqaʼ ‘mqajjem,’ u aħna nistgħu wkoll.

Tiftakar Int?

• L-​imħabba kif għenet lil Ġeremija ‘jibqaʼ mqajjem’ għall-​inkarigu tiegħu?

• Għaliex għandna bżonn il-​kuraġġ mogħti minn Alla?

• X’għen lil Ġeremija jżomm il-​ferħ tiegħu?

• Int għala trid ‘tibqaʼ mqajjem’?

[Stampi f’paġna 31]

Se tibqaʼ tipprietka minkejja l-​oppożizzjoni?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja