LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w11 10/1 pp. 26-28
  • Huwa l-Papa “s-Suċċessur taʼ San Pietru”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa l-Papa “s-Suċċessur taʼ San Pietru”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kien Pietru l-​Ewwel Papa?
  • L-​Istorja X’Tgħallem Dwar l-​Oriġini tal-​Papat?
  • Il-​Kondotta u t-​Tagħlim tal-​Papiet Jappoġġaw l-​Istqarrija Tagħhom?
  • Kien Pietru l-ewwel papa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Ejjew Inżommu Sod mal-Fidi Prezzjuża Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
w11 10/1 pp. 26-28

Huwa l-​Papa “s-​Suċċessur taʼ San Pietru”?

FL-​2002, il-​Papa Ġwanni Pawlu II kiteb ittra lill-​isqof taʼ Limburg, il-​Ġermanja, u biha annulla deċiżjoni li ħa l-​isqof rigward l-​abort. Il-​papa introduċa d-​direttiva tiegħu billi stqarr li hu kien responsabbli għall-​“benesseri u l-​unità tal-​knejjes individwali kollha skont ir-​rieda taʼ Ġesù Kristu.” Hu sostna li kellu l-​awtorità li jegħleb id-​deċiżjoni tal-​isqof għax bħala l-​papa jintqal li hu “s-​suċċessur taʼ San Pietru.”

Skont definizzjoni tal-​Kattoliċi Rumani, “Kristu qiegħed lil San Pietru bħala l-​kap tal-​appostli kollha.” Il-​Knisja Kattolika tkompli tgħid li “Kristu stabbilixxa li Pietru kellu jkollu suċċessuri għal dejjem f’din il-​kariga; u li l-​isqfijiet Rumani huma dawn is-​suċċessuri.”—New Catholic Encyclopedia (2003), Volum 11, paġni 495-​496.

Dawn huma stqarrijiet importanti. Eżaminajt int għalik innifsek jekk humiex veri? Ikkunsidra t-​tweġibiet għal tliet mistoqsijiet: (1) Tappoġġa l-​Bibbja l-​istqarrija li Pietru kien l-​ewwel papa? (2) L-​istorja x’tgħallem dwar l-​oriġini tas-​suċċessjoni tal-​papiet? (3) Il-​kondotta u t-​tagħlim tal-​papiet jappoġġaw l-​istqarrija li l-​papiet huma s-​suċċessuri taʼ Pietru?

Kien Pietru l-​Ewwel Papa?

Sabiex jagħtu prova li l-​knisja hija mibnija fuq Pietru, il-​Kattoliċi ilhom jiġbdu l-​attenzjoni lejn kliem Ġesù mniżżel f’​Mattew 16:18: “Int Pietru, u fuq din il-​blata nibni l-​kongregazzjoni tiegħi.” Infatti, dan il-​kliem hu mnaqqax bil-​Latin taħt il-​koppla tal-​Bażilika taʼ San Pietru f’Ruma.

Wistin, Missier tal-​Knisja rispettat, darba kien jemmen li l-​kongregazzjoni kienet inbniet fuq Pietru. Madanakollu, lejn tmiem ħajtu, biddel il-​ħarsa tiegħu lejn xi jfisser kliem Ġesù. Fi ktieb tiegħu (Retractations), Wistin irraġuna li l-​knisja, jiġifieri l-​kongregazzjoni Kristjana, inbniet fuq Ġesù u mhux fuq Pietru.a

Veru, l-​appostlu Pietru kellu rwol prominenti fl-​Evanġelji. Ġesù għażel speċifikament lil tlieta mill-​appostli tiegħu—Ġwanni, Ġakbu, u Pietru—biex ikunu preżenti miegħu f’xi ftit okkażjonijiet speċjali. (Marku 5:37, 38; 9:2; 14:33) Ġesù fada f’idejn Pietru “l-​imfietaħ tas-​saltna tas-​smewwiet,” li Pietru uża biex jiftaħ it-​triq għas-​Saltna—l-​ewwel lil-​Lhud u l-​proseliti, imbagħad lis-​Samaritani, u fl-​aħħar lill-​Ġentili. (Mattew 16:19; Atti 2:5, 41; 8:14-​17; 10:45) Peress li Pietru ma kienx xi wieħed li jżomm lura, ħafna drabi qeda bħala l-​kelliemi għall-​appostli bħala grupp. (Atti 1:15; 2:14) Imma dawn il-​fatti jagħmlu lil Pietru l-​kap tal-​kongregazzjoni bikrija?

L-​appostlu Pawlu veru kiteb li Pietru ġie fdat “biex ikun appostlu tan-​nies ċirkonċiżi.” (Galatin 2:8) Però, il-​kuntest taʼ kliem Pawlu juri li ma kienx qed jgħid li Pietru mexxa l-​kongregazzjoni. Il-​kummenti taʼ Pawlu kienu dwar l-​irwol taʼ Pietru f’li jipprietka lil-​Lhud.

Għalkemm Pietru ngħata responsabbiltà kbira, imkien fil-​Bibbja ma nsibuh isostni li kien il-​kap tal-​kongregazzjoni u bħala tali jieħu deċiżjonijiet għad-​dixxipli bħala grupp. Fl-​ittra tiegħu, hu sejjaħ lilu nnifsu “appostlu” u “anzjan”—xejn iktar.—1 Pietru 1:1; 5:1.

L-​Istorja X’Tgħallem Dwar l-​Oriġini tal-​Papat?

Allura kif u meta ġiet l-​idea tal-​papat? L-​idea li hija aċċettabbli li raġel wieħed ifittex il-​prominenza fuq l-​aduraturi sħabu bdiet tieħu l-​għeruq waqt li kienu għadhom ħajjin l-​appostli. L-​appostli kif ħarsu lejn ħsib bħal dan?

L-​appostlu Pietru nnifsu qal lill-​irġiel li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni biex ma ‘jiddominawx fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla’; huma kellhom jitħażżmu bl-​umiltà lejn xulxin. (1 Pietru 5:1-​5) L-​appostlu Pawlu wissa li minn ġol-​kongregazzjoni kienu se jqumu rġiel li “jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:30) Lejn l-​aħħar tal-​ewwel seklu E.K., l-​appostlu Ġwanni kiteb ittra li fiha ċanfar b’mod sod lil dixxiplu jismu Dijotrefe. Għala ġie mċanfar? Raġuni waħda kienet li dan ir-​raġel kien ‘iħobb ikollu l-​pożizzjoni ewlenija’ fil-​kongregazzjoni. (3 Ġwanni 9) Parir bħal dan mingħand l-​appostli qeda bħala xi ħaġa li trażżanhom u tfixkel għal xi żmien l-​ambizzjonijiet taʼ dawk li kienu qed ifittxu l-​prominenza.—2 Tessalonikin 2:3-​8.

Ftit wara li mietu l-​aħħar uħud mill-​appostli, xi individwi beda jkollhom iktar prominenza. Ktieb tal-​istorja (The Cambridge History of Christianity) jgħid: “Hu probabbli li ma kien hemm l-​ebda isqof li waħdu kien jaqdi bħala l-​monarka, jew l-​akbar awtorità, tal-​knisja Kattolika f’Ruma sa nofs it-​tieni seklu.” Sat-​tielet seklu, l-​isqof taʼ Ruma kien stabbilixxa lilu nnifsu bħala l-​ogħla awtorità, għall-​inqas għal partijiet mill-​knisja.b Biex jagħmlu iktar valida l-​istqarrija li l-​isqof taʼ Ruma għandu awtorità superjuri, xi wħud għamlu lista taʼ suċċessuri taʼ Pietru.

Imma, din il-​lista ma tantx tappoġġa l-​istqarrija dwar is-​suċċessjoni. Għala? L-​ewwel, xi ismijiet fuq il-​lista ma jistgħux jiġu verifikati. Iktar importanti minn hekk, il-​pedament tal-​lista hu żbaljat. B’liema mod? Anke jekk Pietru għallem f’Ruma, bħalma timplika xi letteratura sekulari mill-​ewwel u t-​tieni seklu, m’hemm l-​ebda prova li kien il-​kap tal-​kongregazzjoni hemmhekk.

Evidenza waħda li turi li Pietru ma kienx il-​kap tal-​kongregazzjoni f’Ruma hi li meta l-​appostlu Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lir-​Rumani, hu inkluda lista twila taʼ Kristjani li għexu hemm. Imma lil Pietru ma semmieh imkien. (Rumani 16:1-​23) Li kieku Pietru kien kap tal-​kongregazzjoni, timmaġina li Pawlu kien se jinsieh bi żball jew apposta?

Innota wkoll li madwar l-​istess żmien li Pietru kiteb l-​ewwel ittra mnebbħa tiegħu, Pawlu kiteb it-​tieni ittra lil Timotju. F’din l-​ittra, Pawlu b’mod ċar semma lil Ruma, però ma semmiex lil Pietru. Fil-​fatt, Pawlu kiteb sitt ittri minn Ruma u fl-​ebda waħda ma semma lil Pietru.

Xi 30 sena wara li Pawlu kiteb l-​ittri tiegħu, l-​appostlu Ġwanni kiteb tliet ittri u l-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. Imkien f’dawn il-​kitbiet Ġwanni ma semma li l-​kongregazzjoni f’Ruma kienet l-​iktar waħda prominenti, u lanqas ma rrefera għal xi kap tal-​knisja li kellu l-​kariga suprema tal-​hekk imsejjaħ suċċessur taʼ Pietru. La l-​Bibbja u lanqas l-​evidenza tal-​istorja ma tappoġġa l-​istqarrija li Pietru stabbilixxa ruħu bħala l-​ewwel isqof tal-​kongregazzjoni f’Ruma.

Il-​Kondotta u t-​Tagħlim tal-​Papiet Jappoġġaw l-​Istqarrija Tagħhom?

Ikollna raġun jekk nistennew li xi ħadd li jsostni li hu “s-​suċċessur taʼ San Pietru” u “l-​Vigarju taʼ Kristu” jsegwi l-​kondotta u t-​tagħlim kemm taʼ Pietru kif ukoll taʼ Kristu. Pereżempju, aċċetta Pietru trattament speċjali mingħand sħabu fit-​twemmin? Le. Hu rrifjuta li ssirlu kwalunkwe espressjoni taʼ riverenza speċjali. (Atti 10:25, 26) Xi ngħidu għal Ġesù? Hu qal li hu ġie biex jaqdi, mhux biex ikun moqdi. (Mattew 20:28) B’kuntrast, x’rekord għandhom il-​papiet? Jaħarbuha l-​prominenza, jirrifjutaw titli grandjużi, u jevitaw l-​iffanfrar tal-​għana u l-​poter?

Kemm Ġesù u kemm Pietru kienu rġiel retti moralment li ġabu l-​paċi. Qabbel dak li għamlu huma maʼ dak li tgħid enċiklopedija Kattolika Ġermaniża (Lexikon für Theologie und Kirche) dwar il-​Papa Ljun X: “Iljun X kien involut fil-​politika u f’turijiet taʼ nepotiżmu u mogħti għal tgawdija tal-​pjaċiri tad-​dinja, u għalhekk ittraskura x-​xogħlijiet urġenti taʼ natura spiritwali.” Karl Amon, qassis Kattoliku u professur tal-​istorja tal-​knisja, jgħid li rapporti taʼ min joqgħod fuqhom rigward il-​Papa Alessandru VI juru “ammont kbir taʼ mġiba bla skrupli, t’abbuż tal-​awtorità, taʼ bejgħ jew xiri taʼ inkarigi fil-​knisja, u taʼ immoralità.”

Xi ngħidu għat-​tagħlim tal-​papiet? Kif jitqabbel mat-​tagħlim taʼ Pietru u Kristu? Pietru m’emminx li n-​nies tajbin kollha jmorru s-​sema. Meta rrefera għas-​sultan tajjeb David, hu bla tlaqliq qal: “David ma telax fis-​smewwiet.” (Atti 2:34) U Pietru lanqas ma għallem li t-​trabi għandhom jiġu mgħammdin. Anzi, hu għallem li l-​magħmudija kienet pass li aduratur jieħu b’mod kuxjenzjuż.—1 Pietru 3:21.

Ġesù għallem li ħadd mid-​dixxipli tiegħu ma kellu jipprova jkun iktar prominenti mill-​oħrajn. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid ikun l-​ewwel, għandu jkun l-​aħħar wieħed u l-​qaddej taʼ kulħadd.” (Marku 9:35) Ftit qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù ta dan il-​kmand ċar lis-​segwaċi tiegħu: “Intom tissejħux Rabbi, għax wieħed hu l-​għalliem tagħkom, filwaqt li intom ilkoll aħwa. Barra minn hekk, issejħu lil ħadd missierkom fuq l-​art, għax wieħed hu Missierkom, Dak tas-​sema. U tissejħux ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-​Mexxej tagħkom, il-​Kristu.” (Mattew 23:1, 8-​10) Tħoss int li l-​papiet żammew mat-​tagħlim taʼ Pietru u Kristu?

Xi wħud jgħidu li s-​suċċessjoni tal-​papiet tinżamm anke jekk dak li għandu l-​kariga ma jgħixx ħajja taʼ Kristjan. Taħseb li dan il-​mod taʼ ħsib hu raġunevoli? Ġesù qal: “Kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma kull siġra mħassra tagħmel frott ħażin; siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, lanqas siġra mħassra ma tistaʼ tagħmel frott tajjeb.” Mill-​evidenza li rajna, taħseb li Pietru jew Kristu kienu jridu jiġu assoċjati mal-​frott li għamlu l-​papiet?—Mattew 7:17, 18, 21-​23.

[Noti taʼ taħt]

a Id-​diskussjoni li kellu Ġesù maʼ Pietru ffokat fuq l-​identifikar tal-​Kristu u l-​irwol tiegħu, mhux fuq l-​irwol li kien se jkollu Pietru. (Mattew 16:13-​17) Iktar tard, Pietru nnifsu stqarr li Ġesù kien il-​ġebla li fuqha nbniet il-​kongregazzjoni. (1 Pietru 2:4-​8) L-​appostlu Pawlu kkonferma li Ġesù, mhux Pietru, kien “il-​ġebla tax-​xewka tal-​pedament” tal-​kongregazzjoni Kristjana.—Efesin 2:20.

b Kemm Ġesù u kemm l-​appostli wissew li l-​kongregazzjoni Kristjana kienet se timtela bi rġiel li jgħallmu duttrina apostata. (Mattew 13:24-​30, 36-​43; 2 Timotju 4:3; 2 Pietru 2:1; 1 Ġwanni 2:18) Dawn l-​istqarrijiet seħħew meta l-​knisja, jew il-​kongregazzjoni, tat-​tieni seklu bdiet tadotta drawwiet pagani u tħallat duttrina Biblika mal-​filosofija Griega.

[Stampi f’paġna 27]

Tindika l-​evidenza li l-​papiet segwew l-​eżempju taʼ Pietru?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja