LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wp16 Nru. 1 pp. 12-14
  • Kien Pietru l-ewwel papa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kien Pietru l-ewwel papa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “FUQ DIN IL-​BLATA JIENA NIBNI L-​KNISJA TIEGĦI”
  • “INTI PIETRU . . . ”
  • IL-​PAPA—SUĊĊESSUR TAʼ PIETRU?
  • Huwa l-Papa “s-Suċċessur taʼ San Pietru”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Il-Qabar taʼ Pietru—Fil-Vatikan?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Kien Leali Minkejja l-Provi
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
wp16 Nru. 1 pp. 12-14
L-appostlu Pietru jitkellem maʼ Ġesù

Kien Pietru l-​ewwel papa?

“Il-​Kardinal Jorge Mario Bergoglio, S.J., ġie elett Papa, il-​265 suċċessur taʼ Pietru.”—IS-​SERVIZZ TAL-​INFORMAZZJONI TAL-​VATIKAN, IL-​BELT TAL-​VATIKAN, 13 TAʼ MARZU 2013.

“L-​isqof taʼ Ruma għandu d-​dritt għall-​primat fuq il-​Knisja universali, ladarba hu s-​suċċessur taʼ San Pietru, li rċieva dan il-​privileġġ mingħand Ġesù Kristu.”—THE PRIMACY OF THE BISHOP OF ROME DURING THE FIRST THREE CENTURIES, 1903, TAʼ VINCENT ERMONI.

“Mela, jekk xi ħadd jgħid . . . li l-​Papa Ruman mhux is-​suċċessur tal-​Imbierek Pietru f’dan il-​primat; ħalli jkun anatema [jiġifieri ddikjarat eretiku].”—L-​EWWEL KONĊILJU TAL-​VATIKAN, 18 TAʼ LULJU 1870.

GĦAL miljuni taʼ Kattoliċi madwar id-​dinja, id-​digriet tal-​1870 tal-​ewwel Konċilju tal-​Vatikan hu domma tal-​knisja, tagħlim li qatt ma jistaʼ jinbidel u li għandu jiġi obdut. Madankollu, ikun tajjeb tistaqsi, Hu tagħlim Skritturali? Iżjed minn hekk, il-​Papa Franġisku veru hu s-​suċċessur tal-​appostlu Pietru? U kien Pietru l-​ewwel papa?

“FUQ DIN IL-​BLATA JIENA NIBNI L-​KNISJA TIEGĦI”

Id-​digriet tal-​1870 tal-​ewwel Konċilju tal-​Vatikan kien ibbażat primarjament fuq l-​interpretazzjoni tiegħu taʼ Mattew 16:16-​19 u Ġwanni 21:15-​17. Il-​konversazzjonijiet bejn Ġesù u Pietru li naqraw f’dawn is-​siltiet kif ukoll f’rakkonti Bibliċi oħra juru li l-​appostlu Pietru kellu rwol importanti fl-​istorja tal-​Kristjanità tal-​bidu. Infatti, l-​ewwel darba li ltaqgħu, Ġesù bassar li Pietru kien se juri kwalitajiet sodi daqs il-​blat f’ħajtu. (Ġwanni 1:42) Imma ta Kristu l-​primat lil Pietru?

F’​Mattew 16:17, 18, insibu l-​kliem taʼ Ġesù lil Pietru: “Jiena ngħidlek: Inti Pietru [li ismu jfisser “Biċċa Blata”], u fuq din il-​blata jiena nibni l-​Knisja tiegħi.”a Kien Ġesù qed jgħid li l-​“Knisja,” jew kongregazzjoni tiegħu, kienet se tinbena fuq Pietru, fuq raġel? Kien Pietru se jkun kap fuq is-​segwaċi l-​oħra kollha taʼ Ġesù? L-​appostli l-​oħra li kienu preżenti għal dik il-​konversazzjoni kif fehmu l-​kliem taʼ Ġesù? L-​Evanġelji juru li iktar tard, f’okkażjonijiet diversi, huma argumentaw dwar min minnhom kien l-​ikbar. (Mattew 20:20-​27; Marku 9:33-​35; Luqa 22:24-​26) Li kieku Ġesù kien diġà ta l-​primat, jew is-​superjorità, lil Pietru, setaʼ jkun hemm xi dubju dwar min kien l-​ikbar fost l-​appostli?

Pietru stess kif fehem il-​kliem taʼ Ġesù? Pietru trabba bħala Iżraeli, u kien familjari maʼ diversi profeziji Ebrajċi li jitkellmu dwar “ġebla” jew “ġebla tax-​xewka.” (Isaija 8:13, 14; 28:16; Żakkarija 3:9) Meta kkwota waħda minnhom f’ittra lil sħabu kredenti, Pietru spjega li l-​“ġebla tax-​xewka” pprofetizzata kienet il-​Mulej Ġesù Kristu, il-​Messija. Pietru uża l-​kelma Griega petra (l-​istess kelma li uża Ġesù f’​Mattew 16:18) għal Kristu biss.—1 Pietru 2:4-​8.

L-​appostlu Pawlu kien segwaċi leali ieħor taʼ Ġesù. Kien jemmen Pawlu li Ġesù kien ta l-​primat lil Pietru? Pawlu għaraf il-​pożizzjoni taʼ Pietru fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu meta kiteb li Pietru kien fost dawk li “kienu meqjusin bħala l-​kolonni.” Għal Pawlu, kien hemm iżjed minn ‘kolonna’ waħda. (Galatin 2:9) Iżjed minn hekk, li kieku Pietru kien maħtur bħala l-​kap tal-​kongregazzjoni minn Ġesù, kif setaʼ jkun sempliċement meqjus, jiġifieri magħruf jew maħsub minn sħabu kredenti, li jkun kolonna?

Meta kiteb dwar ċerti inkonsistenzi fil-​mod kif Pietru ttratta lin-​nies, bir-​rispett imma bil-​miftuħ, Pawlu qal: “Waqaftlu f’wiċċu, għaliex kellu tort.” (Galatin 2:11-​14) Pawlu ma ħasibx li Kristu kien bena l-​knisja, jew il-​kongregazzjoni, tiegħu fuq Pietru jew kwalunkwe raġel imperfett ieħor. Għall-​kuntrarju, kien jemmen li l-​kongregazzjoni kienet mibnija fuq Ġesù Kristu bħala l-​pedament. Għal Pawlu, “il-​blata kienet Kristu.”—1 Korintin 3:9-​11; 10:4.

“INTI PIETRU . . . ”

Mela kif għandna nifhmu l-​kliem: “Inti Pietru, u fuq din il-​blata jiena nibni l-​Knisja tiegħi”? Biex nifhmu tajjeb ċerta silta, irridu naqraw il-​kuntest tagħha. Dwar xiex kienu qed jitkellmu Ġesù u Pietru? Ġesù kien għadu kemm staqsa lid-​dixxipli tiegħu: “Intom min tgħidu li jien?” Mingħajr ma qagħad jaħsibha, Pietru wieġeb: “Inti l-​Messija, Bin Alla l-​ħaj.” Imbagħad Ġesù faħħar lil Pietru u żied li kien se jibni “l-​Knisja,” jew il-​kongregazzjoni, tiegħu fuq “blata” jerġaʼ iżjed soda, dik li Pietru kien għadu kif esprima l-​fidi fiha—Ġesù nnifsu.—Mattew 16:15-​18.

Kif għandna nifhmu l-kliem taʼ Ġesù: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”?

Fi qbil maʼ dan, ħafna minn “Missirijiet il-​Knisja” kitbu li l-​blata taʼ Mattew 16:18 hi Kristu. Pereżempju, Wistin fis-​seklu ħamsa kiteb: “Il-​Mulej qal: ‘Fuq din il-​blata se nibni l-​Knisja tiegħi,’ għax Pietru kien qallu: ‘Inti l-​Kristu l-​Iben t’Alla l-​ħaj.’ Allura fuq din il-​blata, li int stqarrejt, li se nibni l-​Knisja tiegħi.” Wistin qal ripetutament li dik “il-​Blata (Petra) kienet Kristu.”

Li kieku jiġu ġġudikati skont id-​duttrina li għandha l-​knisja bħalissa, Wistin u oħrajn kienu jitqiesu eretiċi. Infatti, skont it-​teologu Żvizzeru Ulrich Luz, il-​fehma ġenerali dwar dan is-​suġġett fost l-​istudjużi tal-​Bibbja tal-​lum kienet tkun ikkundannata bħala ereżija mill-​Konċilju tal-​Vatikan tal-​1870.

IL-​PAPA—SUĊĊESSUR TAʼ PIETRU?

L-​appostlu Pietru ma kienx jaf bit-​titlu “papa.” Infatti, sad-​disaʼ seklu, ħafna isqfijiet li ma kinux papa applikaw it-​titlu għalihom infushom. Minkejja dan, sa tard fis-​seklu 11 il-​kelma rari ntużat bħala titlu uffiċjali. Iżjed minn hekk, l-​ebda Kristjan tal-​bidu ma ħaseb li xi primat li jingħad li ngħata lil Pietru m’għadda lil xi suċċessur. Għalhekk, l-​istudjuż Ġermaniż Martin Hengel wasal għall-​konklużjoni li “m’hemm xejn fl-​istorja jew fit-​teoloġija li jwassal għal dak li iżjed tard sar ‘primat’ papali.”

Biex nikkonkludu: Kien Pietru l-​ewwel papa? Kellu suċċessuri? Hi d-​domma Kattolika tal-​primat tal-​papa valida Skritturalment? L-​unika tweġiba korretta għal kull mistoqsija hi sempliċi le. Minkejja dan, jibqaʼ l-​fatt li bla dubju Ġesù verament bena l-​knisja tiegħu, il-​kongregazzjoni vera tiegħu, fuqu nnifsu. (Efesin 2:20) Għalhekk, għal kull wieħed minna, il-​mistoqsija importanti hi, Sibt jien dik il-​kongregazzjoni vera?

a Il-​kwotazzjonijiet Bibliċi kollha f’dan l-​artiklu huma meħudin mill-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, il-​verżjoni użata mill-​Knisja Kattolika f’Malta.

L-Ewwel Konċilju tal-Vatikan tal-1869-1870

L-​iżvilupp tal-​primat tal-​papa

  • 32 WK: Ġesù jbassar li se jibni l-​knisja, jew il-​kongregazzjoni, tiegħu fuqu nnifsu; l-​ebda primat ma ngħata lill-​appostlu Pietru

  • 55-​64: L-​appostli Pawlu u Pietru jiktbu diversi ittri li jispjegaw li Ġesù hu l-​uniku pedament tal-​kongregazzjoni Kristjana

  • 254-​257: Stiefnu, isqof taʼ Ruma, imexxi l-​idea li hu għandu l-​primat fuq l-​isqfijiet l-​oħra bħala s-​suċċessur taʼ Pietru; imma isqfijiet oħra, bħal Firmilian taʼ Ċesarija u Ċiprijan taʼ Kartaġni, ma jaċċettawx dak li jgħid Stiefnu

  • 296-​304: Tinstab l -​ewwel iskrizzjoni li tixhed dwar l-​użu tat-​titlu “papa” b’referenza għall-​isqof taʼ Ruma

  • Il-​5 seklu: Isqof ieħor taʼ Ruma, Ljun I, juża Mattew 16:18 biex jissoda l-​primat tiegħu fuq isqfijiet oħra

  • Is-​6 seklu: Jiżdied l-​użu taʼ papa bħala titlu għall-​isqof taʼ Ruma; però, isqfijiet li mhumiex taʼ Ruma jkomplu jużaw it-​terminu għalihom infushom sad-​disaʼ seklu

  • 1075: Gregorju VII jiddikjara li “papa” hu titlu għall-​isqof taʼ Ruma biss; skont storjografu, id-​Dictatus Papae (ordnijiet mill-​papa) tiegħu jagħmlu l-​papat “jidher li jieħu post Kristu”

  • 1870: L-​Ewwel Konċilju tal-​Vatikan jiddikjara li “l-​papa Ruman hu s-​suċċessur tal-​Imbierek Pietru, Prinċep tal-​Appostli, u hu Vigarju veru taʼ Kristu, u Kap tal-​Knisja kollha”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja