LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 11/1 pp. 16-18
  • Il-Qabar taʼ Pietru—Fil-Vatikan?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Qabar taʼ Pietru—Fil-Vatikan?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Misteru Arkeoloġiku
  • Interpretazzjoni Tas-​Sejbiet
  • ‘Tradizzjoni Mhux Taʼ Min Jorbot Fuqha’
  • Pietru F’Ruma Miet?
  • Kien Pietru l-ewwel papa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Huwa l-Papa “s-Suċċessur taʼ San Pietru”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ejjew Inżommu Sod mal-Fidi Prezzjuża Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 11/1 pp. 16-18

Il-Qabar taʼ Pietru—Fil-Vatikan?

“IL-​QABAR tal-​Prinċep taʼ l-​Appostli nstab.” L-​aħbar trijonfanti taʼ Papa Piju XII ġiet imxandra mir-​radju tal-​Vatikan. Kien it-​tmiem tas-​sena 1950, u serje taʼ skavi komplessi taħt il-​Bażilika taʼ San Pietru kienu għadhom kif tlestew. Skond xi wħud, ir-​riżultati taʼ din ir-​riċerka arkeoloġika taw prova li Pietru kien tassew midfun fil-​Vatikan. Madankollu, mhux kulħadd qabel magħhom.

Għall-Kattoliċi, il-​Knisja taʼ San Pietru fil-​Vatikan għandha sinjifikat speċjali. “L-​iskop essenzjali taʼ pellegrinaġġ għal Ruma huwa biex wieħed jiltaqaʼ mas-​suċċessur taʼ Pietru u biex jirċievi l-​barka tiegħu,” jistqarr ktieb Kattoliku, “għaliex Pietru ġie Ruma u kien midfun hemmhekk.” Imma kien Pietru tassew midfun f’Ruma? Huwa l-​qabar tiegħu fil-​Vatikan? L-​għadam tiegħu nstabu?

Misteru Arkeoloġiku

L-​iskavi, li bdew madwar is-​sena 1940 u damu bejn wieħed u ieħor xi għaxar snin, kienu s-​suġġett taʼ tant kontroversja. L-​arkeoloġi maħturin mill-​papa x’sabu? Waħda mis-​sejbiet, ċimiterju pagan li fih partita oqbra ġo fih. F’nofshom, taħt dak li llum huwa l-​artal papali, identifikaw aedicula, jiġifieri, monument forma taʼ niċċa ddisinjat biex fih ikollu xi statwa jew immaġni, imdaħħla f’ħajt miksi b’tikħil aħmar u mdawwar minn żewġ ħitan tal-​ġenb. Fl-​aħħarnett, u b’mod misterjuż mhux ħażin, xi fdalijiet umani ġew ukoll skoperti, li, intqal, ġew minn wieħed miż-​żewġ ħitan tal-​ġenb.

Dan huwa fejn jibdew l-​interpretazzjonijiet. Skond numru taʼ studjużi Kattoliċi, is-​sejbiet jikkonfermaw it-​tradizzjoni tar-​residenza u l-​martirju taʼ Pietru f’Ruma matul il-​ħakma taʼ Neruni, forsi matul il-​persekuzzjoni tas-​sena 64 E.K. Saħansitra ntqal li l-​fdalijiet huma relikwi taʼ l-​appostlu u jistgħu jiġu identifikati bħala li huma hekk minn iskrizzjoni li, skond interpretazzjoni waħda, tgħid, “Pietru qiegħed hawn.” Milli jidher Papa Pawlu VI kien qiegħed jagħti l-​kredtu lil din l-​ipotesi meta fl-​1968 ħabbar l-​iskoperta tal-​“fdalijiet mortali taʼ San Pietru, li jistħoqqilhom id-​devozzjoni u l-​venerazzjoni kollha tagħna.”

Flimkien maʼ l-​interpretazzjonijiet, madankollu, kien hemm ukoll argumenti taʼ kontra. L-​arkeologu Kattoliku Antonio Ferrua, Ġiżwita li ħa sehem fl-​iskavi tal-​Vatikan, afferma f’iktar minn okkażjoni waħda li hu ‘ma tħalliex jippubblika’ dak kollu li jaf dwar is-​suġġett, materjal li milli jidher kien jikkontradixxi l-​istqarrija li r-​relikwi taʼ Pietru ġew identifikati. Barra minn dan, ktieb li jservi bħala gwida għal Ruma, editjat mill-​Kardinal Kattoliku Poupard u ppubblikat fl-​1991, qal li “eżaminar xjentifiku taʼ l-​għadam uman misjub taħt il-​pedamenti tal-​Ħajt l-​Aħmar ma kien jidher li għandu ebda relazzjoni maʼ l-​appostlu Pietru.” Ħaġa taʼ l-​iskantament, fl-​edizzjoni taʼ wara (iktar tard fl-​1991), il-​frażi sparixxiet, u kapitlu ġdid, intitolat “Ċertezza: Pietru f’San Pietru,” ġie miżjud.

Interpretazzjoni Tas-​Sejbiet

Huwa evidenti li s-​sejbiet huma suġġetti għal interpretazzjoni u li dawn ifissru affarijiet differenti għal nies differenti. Tabilħaqq, l-​istudjużi Kattoliċi l-​iktar awtorevoli taʼ l-​istorja jirrikonoxxu li “l-​problemi storiċi tal-​martirju attwali taʼ Pietru f’Ruma, u tal-​post tad-​difna tiegħu, huma dibattibbli.” Is-​sejbiet x’jirrivelaw?

Il-monument aedicula, skond dawk li jfittxu li jżommu t-​tradizzjoni Kattolika, huwa t-​“trofew” irreferut għalih minn ċertu Gajus, qassis li għex fil-​bidu tat-​tielet seklu. Skond Ewsebjus taʼ Ċesarija, studjuż taʼ l-​istorja ekkleżjastika tar-​rabaʼ seklu, Gajus qal li hu setaʼ ‘jindika t-​trofew taʼ Pietru fuq l-​Għolja tal-​Vatikan.’ Dawk li jappoġġjaw it-​tradizzjoni jsostnu li l-​appostlu kien midfun hemmhekk, taħt il-​monument li sar magħruf bħala t-​“trofew taʼ Gajus.” Oħrajn, madankollu, jinterpretaw ir-​riżultati taʼ l-​iskavi b’mod differenti mhux ħażin, billi jindikaw li l-​ewwel Kristjani ftit li xejn taw kas id-​difna tal-​mejtin tagħhom u li saħansitra jekk Pietru kien ġie maqtul hemmhekk, it-​teħid lura taʼ ġismu kien ikun wisq improbabbli. (Ara l-​kaxxa, paġna 18.)

Hemm dawk li ma jaqblux li t-​“trofew taʼ Gajus” (jekk dak huwa li nstab) huwa qabar. Huma jsostnu li huwa monument imwaqqaf f’ġieħ Pietru qrib it-​tmiem tat-​tieni seklu u li iktar tard lil dan “bdew jikkunsidrawh bħala musulew.” Skond it-​teologu Oscar Cullmann, madankollu, “l-​iskavi tal-​Vatikan bl-​ebda mod ma jidentifikaw il-​qabar taʼ Pietru.”

Xi ngħidu dwar l-​għadam? Għandu jingħad li minn fejn attwalment ġie dan l-​għadam għadu misteru. Ladarba fl-​ewwel seklu nekropolis pagan kien jeżisti fuq dik li issa hija magħrufa bħala l-​Għolja tal-​Vatikan, partita fdalijiet umani ġew midfunin f’dawn l-​inħawi, u ħafna diġà ġew miġburin. L-​iskrizzjoni mhix kompluta (probabbilment li tmur lura għar-​rabaʼ seklu) li xi wħud jgħidu tidentifika l-​post li fih instabu r-​relikwi bħala l-​qabar taʼ l-​appostlu, jistaʼ l-​iktar l-​iktar, jirreferi “għas-​suppost preżenza taʼ l-​għadam taʼ Pietru.” Barra minn dan, ħafna epigrafisti huma taʼ l-​opinjoni li l-​iskrizzjoni setgħet saħansitra tfisser “Pietru mhux hawn.”

‘Tradizzjoni Mhux Taʼ Min Jorbot Fuqha’

“Is-​sorsi bikrin u iktar taʼ min jorbot fuqhom ma jsemmux il-​post tal-​martirju [taʼ Pietru], imma fost is-​sorsi iktar riċenti u inqas taʼ min jorbot fuqhom hemm qbil virtwali li kienu l-​inħawi tal-​Vatikan,” jgħid l-​istudjuż taʼ l-​istorja D. W. O’Connor. It-​tfittxija għall-​qabar taʼ Pietru fil-​Vatikan kienet għalhekk ibbażata fuq tradizzjonijiet li m’humiex taʼ min jorbot fuqhom. “Meta r-​relikwi saru taʼ importanza kbira,” jafferma O’Connor, “il-​Kristjani bdew jemmnu sinċerament li t-​[trofew] taʼ Pietru fir-​realtà indika l-​post preċiż tal-​qabar tiegħu.”

Dawn it-​tradizzjonijiet żviluppaw flimkien mal-​venerazzjoni mhix skritturali tar-​relikwi. Mit-​tielet u r-​rabaʼ seklu ’l quddiem, diversi ċentri ekkleżjastiċi wżaw ir-​relikwi, veri u foloz​—u mhux mingħajr vantaġġ ekonomiku—​fil-ġlieda biex jakkwistaw supremazija “spiritwali” u biex jippromwovu l-​awtorità tagħhom stess. B’hekk, konvinti li l-​fdalijiet taʼ Pietru kellhom poteri mirakolużi, il-​pellegrini rħewlha lejn is-​suppost qabar tiegħu. Fit-​tmiem tas-​sitt seklu, il-​kredenti kienu jitfgħu biċċiet tad-​drapp miżunin bir-​reqqa fuq il-​“qabar.” “Ħaġa taʼ l-​iskantament,” qal rakkont kontemporanju wieħed, “jekk il-​fidi tas-​supplikatur hija soda, meta d-​drapp jinġieb lura minn fuq il-​qabar, dan se jkun mimli b’virtù divina u se jiżen iktar milli kien jiżen qabel.” Dan jindika l-​livell taʼ twemmin f’dak iż-​żmien.

Matul is-​sekli, leġġendi bħal din u tradizzjonijiet neqsin minn kwalunkwe pedament ikkontribwew b’mod konsiderevoli għat-​tkabbir tal-​prestiġju tal-​Bażilika tal-​Vatikan. Madankollu, tqajmu xi opinjonijiet konfliġġenti. Fis-​seklu 12 u 13, il-​Waldenses ikkundannaw dawn l-​eċċessi u, bil-​Bibbja f’idhom, spjegaw li Pietru qatt ma mar Ruma. Sekli wara, esponenti tar-​Riforma Protestanta argumentaw f’linja simili. Fis-​seklu 18, filosfi famużi kkunsidraw it-​tradizzjoni bħala li hija bla bażi, kemm storikament u kemm Skritturalment. Studjużi kapaċi, Kattoliċi u oħrajn, huma taʼ l-​istess opinjoni sal-​ġurnata tal-​lum.

Pietru F’Ruma Miet?

Pietru, sajjied umli Galilew, ċertament li ma kellu ebda idea taʼ superjorità fuq l-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu. Minflok, hu ddefinixxa lilu nnifsu bħala “anzjan sieħeb.” (1 Pietru 5:1-6, Revised Standard Version) Il-​figura umli taʼ Pietru hija f’kuntrast mal-​pompa taʼ madwar l-​hekk imsejjaħ qabar tiegħu, kif jistaʼ jidher minn kwalunkwe viżitatur li jmur fil-​Bażilika tal-​Vatikan.

Sabiex taċċerta s-​supremazija fuq denominazzjonijiet Kristjani oħrajn, il-​Knisja Kattolika fittxet li tagħti l-​kredtu lit-​tradizzjoni ‘iktar riċenti u inqas taʼ min jorbot fuqha’ li tistqarr li Pietru kien joqgħod għal xi żmien f’Ruma. Ħaġa taʼ l-​iskantament, iżda, tradizzjonijiet antiki oħrajn ma jikkunsidrawx il-​post tad-​difna tiegħu bħala li qiegħed fil-​Vatikan, imma x’imkien ieħor f’Ruma. Madankollu, għala ma nżommux mal-​fatti mniżżlin fil-​Bibbja, l-​uniku sors taʼ informazzjoni diretta dwar Pietru? Mill-​Kelma t’Alla jidher ċar li, b’ubbidjenza lejn id-​direttivi li hu rċieva mill-​ġemgħa li tiggverna tal-​kongregazzjoni Kristjana f’Ġerusalemm, Pietru wettaq ix-​xogħol tiegħu fil-​parti tal-​Lvant tad-​dinja antika, inkluża l-​Babilonja.—Galatin 2:1-9; 1 Pietru 5:13; qabbel Atti 8:14.

Meta kiteb lill-​Kristjani f’Ruma, madwar is-​snin 60-61 E.K., l-​appostlu Pawlu sellem lil madwar 30 membru taʼ dik il-​kongregazzjoni mingħajr ma biss semma lil Pietru. (Rumani 1:1, 7; 16:3-23) Imbagħad, bejn is-​snin 60 u 65 taʼ l-​E.K., Pawlu kiteb sitt ittri minn Ruma, imma Pietru mhux imsemmi​—evidenza ċirkostanzjali qawwija li Pietru ma kienx hemm.a (Qabbel 2 Timotew 1:15-17; 4:11.) L-​attività taʼ Pawlu f’Ruma hija deskritta fl-​aħħar tal-​ktieb taʼ Atti, imma għal darb’oħra, l-​ebda referenza m’hija magħmula għal Pietru. (Atti 28:16, 30, 31) Konsegwenza taʼ dan, eżami oġġettiv taʼ l-​evidenza Biblika, meħlus mill-​ideat ikkonċepiti minn qabel, jistaʼ jwassal biss għall-​konklużjoni li Pietru ma ppridkax f’Ruma.b

Il-“primat” tal-​papa huwa bbażat fuq tradizzjonijiet mhux taʼ min jorbot fuqhom u applikar mgħawweġ taʼ l-​iskritturi. Ġesù, mhux Pietru, hu l-​pedament tal-​Kristjanità. ‘Kristu hu l-​kap tal-​kongregazzjoni,’ jgħid Pawlu. (Efesin 2:20-22; 5:23) Kien lil Ġesù Kristu li Jehovah bagħat biex ibierek u jsalva lil dawk kollha li għandhom fidi.—Ġwann 3:16; Atti 4:12; Rumani 15:29; ara wkoll 1 Pietru 2:4-8.

Dawk kollha, allura, li jmorru fi triqithom lejn dak li huma sinċerament jemmnu li huwa l-​qabar taʼ Pietru sabiex ‘jiltaqgħu mas-​suċċessur tiegħu’ jiġu ffaċċjati minn problema dwar jekk jaċċettawx ‘tradizzjonijiet li ma tistax torbot fuqhom’ jew jekk jemmnux il-​Kelma taʼ min jafdaha t’Alla. Ladarba l-​Kristjani jridu li l-​qima tagħhom tkun aċċettabbli għal Alla, huma ‘jħarsu fissi lejn il-​Perfezzjonatur tal-​fidi tagħhom, Ġesù,’ u lejn l-​eżempju perfett li hu ħalla għalina biex insegwuh.—Ebrej 12:2; 1 Pietru 2:21. (w94 10/15)

[Noti taʼ taħt]

a Madwar is-​snin 60-61 E.K., Pawlu kiteb l-​ittri tiegħu lill-​Efesin, lill-​Filippin, lill-​Kolossin, lil Filemon, u lill-​Ebrej; madwar is-​sena 65 E.K., kiteb it-​tieni ittra tiegħu lil Timotew.

b Il-mistoqsija “Pietru Qatt Kien Ruma?” ġiet ikkunsidrata f’The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1972, paġni 669-71.

[Kaxxa f’paġna 18]

“L-​iskavar ma rrivela ebda traċċi ċerti taʼ qabar taħt l-​Aedicula; lanqas tabilħaqq ma jistaʼ jkun hemm xi ċertezza li l-​ġisem taʼ San Pietru qatt ġie miġbur mingħand l-​esekuturi għad-​difna mill-​komunità Kristjana. Fil-​korsa normali tal-​ġrajjiet, il-​ġisem taʼ wieħed li kien barrani (peregrinus), u f’għajnejn il-​liġi, kriminal komuni, setaʼ faċilment ġie mitfugħ fit-​Tiber. . . . Ma kienx ikun hemm, fuq kollox, l-​istess interess fl-​ippriservar taʼ relikwi tal-​ġisem f’din id-​data bikrija bħalma kien hemm iktar tard, meta t-​twemmin fit-​tmiem imminenti tad-​dinja kien majna u l-​kult tal-​martri kien beda jidher. Il-​possibiltà, għalhekk, li l-​ġisem taʼ San Pietru ma kienx, fil-​fatt, inġabar għad-​difna hija waħda reali.”​—The Shrine of St. Peter and the Vatican Excavations, minn Jocelyn Toynbee u John Ward Perkins.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja