Imita l-Fidi Tagħhom
Iddefendiet lill-Poplu t’Alla
ESTER ipprovat tikkalma lilha nfisha hekk kif resqet lejn il-bitħa tal-palazz f’Susan. Ma kinitx xi ħaġa faċli. Il-kastell kien imżejjen bi skulturi mnaqqxin taʼ barrin bil-ġwienaħ, arċieri, u ljuni magħmulin minn briks u miksijin b’lostru kulurit, u kellu kolonni tal-ġebel skanalat u statwi impressjonanti. Kien jinsab fuq pjattaformi kbar ħdejn il-Muntanji Zagros miksijin bis-silġ u kien jagħti għal fuq l-ilmijiet puri tax-Xmara Choaspes. Dan kollu kien ifakkar lil kull viżitatur fil-qawwa immensa tar-raġel li kienet sejra tara, dak li sejjaħ lilu nnifsu “s-sultan il-kbir.” Kien ukoll żewġha.
Żewġha! Kemm kien differenti Aħasweru mit-tip taʼ raġel li kwalunkwe tfajla Lhudija leali għandha mnejn stenniet!a Dan ma imitax eżempji bħal t’Abraham, raġel li bl-umiltà aċċetta d-direzzjoni t’Alla biex jismaʼ minn martu, Sara. (Ġenesi 21:12) Is-sultan ftit li xejn kien jaf dwar l-Alla t’Ester, Ġeħova, jew dwar il-Liġi Tiegħu. Iżda Aħasweru kien jafha sew il-liġi Persjana, inkluż il-liġi li kienet tipprojbixxi l-istess ħaġa li Ester kienet sejra tagħmel. Din x’kienet? Il-liġi kienet tgħid li kull min kien jidher quddiem il-monarka Persjan mingħajr ma jsejjaħlu s-sultan kien ħaqqu l-mewt. Ester ma kinitx ġiet imsejħa, imma xorta waħda kienet sejra għand is-sultan. Hekk kif qorbot lejn il-bitħa taʼ ġewwa, fejn setgħet tidher mit-tron tas-sultan, għandha mnejn ħassitha riesqa lejn mewtha.—Ester 4:11; 5:1.
Għala ħadet riskju bħal dan? U x’nistgħu nitgħallmu mill-fidi taʼ din il-mara rimarkevoli? L-ewwel, ejja naraw kif Ester spiċċat f’din il-pożizzjoni mhix komuni bħala sultana fil-Persja.
“Wiċċha Ħelu”
Ester kienet orfni. Ftit li xejn nafu dwar il-ġenituri li semmewha Ħadassa, kelma Ebrajka għal “riħana,” pjanta sabiħa li tagħmel fjuri bojod. Meta mietu l-ġenituri t’Ester, wieħed mill-qraba tagħha, raġel qalbu tajba jismu Mordekaj, tħassarha. Kien kuġinuha, imma Mordekaj kien ħafna akbar minnha. Lil Ester ħadha f’daru u ttrattaha bħala bintu stess.—Ester 2:5-7, 15.
Mordekaj u Ester għexu bħala eżiljati Lhud f’dik il-belt kapitali Persjana, fejn x’aktarx li kellhom jiffaċċjaw ċerta stmerrija minħabba r-reliġjon tagħhom u l-Liġi li pprovaw isegwu. Imma Ester ċertament li saret eqreb taʼ kuġinuha hekk kif għallimha dwar Ġeħova, l-Alla taʼ ħniena li kien ħeles lill-poplu Tiegħu mill-inkwiet bosta drabi fil-passat—u kien se jerġaʼ jeħilsu. (Levitiku 26:44, 45) B’mod ċar, bejn Ester u Mordekaj żviluppat rabta taʼ mħabba u lealtà.
Milli jidher, Mordekaj kien jaħdem bħala tip t’uffiċjal fil-palazz f’Susan, u spiss kien ikun bilqiegħda f’bieb il-palazz flimkien maʼ qaddejja oħrajn tas-sultan. (Ester 2:19, 21; 3:3) Ma nafux kif it-tfajla Ester kienet tqattaʼ l-ħin tagħha hi u tikber, għalkemm nistgħu ngħidu li ħadet ħsieb kuġinuha, li kien akbar minnha, u daru, li x’aktarx kienet dar żgħira fin-naħa tal-belt li kienet iktar fqira, in-naħa l-oħra tax-xmara mill-palazz irjali. Forsi kienet tieħu gost tmur is-suq f’Susan, fejn arġentieri tad-deheb u tal-fidda, u merkanti oħrajn kienu jbigħu l-prodotti tagħhom. Ester żgur m’għaddilhiex minn moħħha li dawn l-affarijiet lussużi kellhom isiru affarijiet normali għaliha fil-futur; ma kellhiex idea dwar dak li kien hemm jistennieha.
Sultana Titneħħa mill-Kariga Tagħha
Ġurnata minnhom, f’Susan qamet għagħa għax kulħadd kien qed jitkellem dwar l-inkwiet li kien inqalaʼ fid-dar tas-sultan. F’festa kbira, li fiha Aħasweru pprovda ikel u nbid tajjeb għall-irġiel nobbli tiegħu, is-sultan iddeċieda li jsejjaħ lis-sultana sabiħa tiegħu, Vasti, li hi wkoll kienet għamlet ikla kbira għan-nisa. Imma Vasti rrifjutat li tmur. Umiljat u rrabjat ħafna, is-sultan staqsa lil dawk li kienu jagħtuh il-pariri kif għandu jikkastiga lil Vasti. X’kien ir-riżultat? Hi tneħħiet mill-kariga tagħha bħala sultana. Imbagħad il-qaddejja tas-sultan bdew ifittxu madwar l-art kollha għal tfajliet verġni li kienu sbieħ; minn fosthom is-sultan kien se jagħżel sultana ġdida.—Ester 1:1–2:4.
Nistgħu nimmaġinaw lil Mordekaj minn żmien għal żmien iħares b’affezzjoni lejn Ester u jinnota bejn bi kburija u bejn bi tħassib li l-kuġina ż-żgħira tiegħu kienet kibret—u kienet saret sabiħa ħafna. Naqraw: “It-tfajla kienet sabiħa f’suritha u wiċċha ħelu.” (Ester 2:7) Is-sbuħija fiżika hi pjaċevoli, imma trid tkun marbuta mal-għerf u l-umiltà. Inkella, tistaʼ tnissel il-vanità, il-kburija, u kwalitajiet koroh oħrajn. (Proverbji 11:22) Qatt rajt dan jiġri? Fil-każ t’Ester, is-sbuħija x’kienet se tkun—t’għajnuna jew taʼ xkiel? Iż-żmien kellu jagħti parir.
Il-qaddejja tas-sultan innotaw lil Ester. Fit-tfittxija tagħhom firduha minn Mordekaj u ħaduha fil-palazz grandjuż in-naħa l-oħra tax-xmara. (Ester 2:8) Żgur li l-firda kienet diffiċli għalihom it-tnejn, għax kienu bħal missier u bint. Mordekaj ċertament li ma riedx li t-tifla adottata tiegħu tiżżewweġ lil xi ħadd li ma kellux l-istess twemmin, anki jekk kien sultan, imma ma kellux kontroll fuq is-sitwazzjoni. Min jaf kemm Ester semgħet b’attenzjoni l-pariri taʼ Mordekaj qabel ma firduhom! Hekk kif ittieħdet lejn il-kastell taʼ Susan, moħħha kien mimli mistoqsijiet. X’tip taʼ ħajja kien se jkollha?
Intgħoġbot “Minn Kulmin Kien Jaraha”
Ester sabet ruħha f’dinja li kienet ġdida għalkollox u stramba għaliha. Kienet fost “ħafna tfajliet” li kienu nġabru minn ħafna postijiet fl-Imperu Persjan. Id-drawwiet, il-lingwi, u l-attitudnijiet tagħhom żgur li kienu jvarjaw ħafna. It-tfajliet ġew fdati f’idejn uffiċjal jismu Ħegaj, u kellu jsirilhom trattament taʼ sbuħija estensiv, programm taʼ sena sħiħa li kien jinvolvi massaġġi bi żjut ifuħu. (Ester 2:8, 12) Ambjent u mod taʼ ħajja bħal dan faċilment setgħu jġiegħlu lil dawn it-tfajliet isiru ossessjonati bid-dehra persunali tagħhom, flimkien mal-vanità u l-kompetizzjoni. Ester kif ġiet effettwata?
Ħadd ma setaʼ kien iktar konċernat dwar Ester milli kien Mordekaj. Naqraw li jum wara l-ieħor, kien imur viċin kemm jistaʼ jkun tad-dar tan-nisa u jipprova jitkixxef kif kienet Ester. (Ester 2:11) Hekk kif semaʼ xi tagħrif dwarha, forsi mingħand qaddejja fid-dar li kienu lesti jikkooperaw miegħu, hu żgur li ħassu kburi ħafna biha. Għala?
Ester tant impressjonat lil Ħegaj li ttrattaha b’qalb tajba bl-imħabba kbira, u taha sebaʼ tfajliet biex ikunu qaddejja tagħha u l-aqwa post fid-dar tan-nisa. Ir-rakkont saħansitra jgħid: “Sadanittant Ester baqgħet tingħoġob minn kulmin kien jaraha.” (Ester 2:9, 15) Kienet is-sbuħija waħedha se timpressjona lil kulħadd b’mod daqstant profond? Le, Ester ma kinitx biss sabiħa fil-għajn.
Pereżempju, naqraw: “Ester ma kienet qalet xejn dwar il-poplu tagħha u qrabatha, għax Mordekaj stess kien ikkmandaha biex ma titkellimx.” (Ester 2:10) Mordekaj kien wissa lit-tfajla biex tkun diskreta dwar il-wirt Lhudi tagħha; bla dubju ra li fost il-membri rjali Persjani kien hemm ħafna preġudizzju kontra l-poplu tiegħu. Kemm feraħ Mordekaj meta sar jaf li issa, avolja Ester ma kinitx miegħu, xorta waħda wriet l-istess spirtu għaqli u ubbidjenti!
Iż-żgħażagħ illum jistgħu bl-istess mod iferrħu qalb il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom. Meta l-ġenituri tagħhom ma jkunux qed jarawhom—anki jekk ikunu mdawrin b’nies li huma superfiċjali, immorali, jew kattivi—jistgħu jirreżistu influwenzi ħżiena u jżommu mal-livelli li jafu li huma sewwa. Meta jagħmlu hekk, bħal Ester, iferrħu qalb Missierhom tas-sema.—Proverbji 27:11.
Meta wasal il-waqt biex Ester tittieħed quddiem is-sultan, ngħatat l-opportunità tagħżel kwalunkwe ħaġa li ħasbet li setaʼ kellha bżonn, forsi biex issebbaħ lilha nfisha iktar. Però, fi qbil mal-parir taʼ Ħegaj, bil-modestja ma talbet xejn ħlief dak li ngħatalha. (Ester 2:15) Probabbilment intebħet li s-sbuħija waħedha ma kinitx se tirbaħ qalb is-sultan; iktar kien se jispikka spirtu modest u umli f’dak il-palazz. Sewwa ħasbet?
Ir-rakkont iwieġeb: “Is-sultan sar iħobb lil Ester iżjed min-nisa l-oħrajn kollha, u b’hekk inġibed lejha u wrieha qalb tajba bl-imħabba iktar mill-verġni l-oħrajn kollha. U hu poġġa l-velu rjali fuq rasha u għamilha sultana minflok Vasti.” (Ester 2:17) Bilfors li ma kienx faċli għal din it-tfajla Lhudija umli biex tidra din il-bidla f’ħajjitha—kienet is-sultana l-ġdida, mart l-iktar monarka setgħan fuq l-art dak iż-żmien! Kibritilha rasha minħabba l-pożizzjoni l-ġdida tagħha?
’Il bogħod minn hekk! Ester baqgħet tobdi lill-missier adottiv tagħha, Mordekaj. Ir-rabta tagħha man-nies Lhud żammitha sigrieta. Iżjed minn hekk, meta Mordekaj sar jaf bi pjan biex Aħasweru jiġi assassinat, Ester b’ubbidjenza qalet lis-sultan bit-twissija tiegħu, u dawk li kienu fasslu l-pjan inqabdu. (Ester 2:20-23) Xorta waħda hi wriet il-fidi f’Alla tagħha billi wriet spirtu umli u ubbidjenti. L-ubbidjenza ma tantx titqies bħala virtù llum; id-diżubbidjenza u r-ribelljoni huma komuni. Imma nies taʼ fidi ġenwina jgħożżu l-ubbidjenza, kif kienet tagħmel Ester.
Il-Fidi t’Ester Tgħaddi Minn Prova
Raġel jismu Ħaman kiseb il-prominenza fil-palazz t’Aħasweru. Is-sultan ħatru bħala l-prim ministru, u b’hekk għamlu l-konsulent ewlieni tiegħu u t-tieni l-akbar persuna fl-imperu. Is-sultan saħansitra ħareġ digriet li kull min jara lil dan l-uffiċjal kellu jmil quddiemu. (Ester 3:1-4) Din il-liġi kienet problema għal Mordekaj. Hu kien jemmen li għandu jobdi lis-sultan imma mhux jekk dan kien ifisser li kien se juri nuqqas taʼ rispett lejn Alla. Ħaman kien “Agagi.” Dan milli jidher ifisser li kien dixxendent t’Agag, is-sultan Għamaleki li nqatel minn Samwel, il-profeta t’Alla. (1 Samwel 15:33) L-Għamalekin tant kienu mill-agħar li għamlu lilhom infushom għedewwa taʼ Ġeħova u taʼ Iżrael. Bħala poplu, l-Għamalekin kienu kundannati minn Alla.b (Dewteronomju 25:19) Lhudi leali kif setaʼ jmil quddiem Għamaleki rjali? Mordekaj ma setax. Hu ma mielx quddiemu. Sal-lum il-ġurnata, irġiel u nisa taʼ fidi ssograw ħajjithom biex iżommu maʼ dan il-prinċipju: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
Ħaman kien inkorlat. Imma ma kienx biżżejjed għalih li jsib mod kif joqtol lil Mordekaj. Hu ried jeqred lill-poplu kollu taʼ Mordekaj! Ħaman kellem lis-sultan, u tefaʼ dell ikrah fuq il-Lhud. Mingħajr ma semmiehom b’isimhom, hu ta x’jifhem li ma kienu jiswew għal xejn, poplu “mxerred u separat fost il-popli.” Saħansitra agħar minn hekk, hu qal li ma kinux jobdu l-liġijiet tas-sultan; għaldaqstant kienu ribelli perikolużi. Hu offra li jagħti somma kbira ħafna taʼ flus lit-teżorerija tas-sultan biex tkopri l-ispejjeż tal-qtil tal-Lhud kollha fl-imperu.c Aħasweru ta lil Ħaman iċ-ċurkett tas-siġill tas-sultan innifsu biex jissiġilla kwalunkwe ordni li kellu f’moħħu.—Ester 3:5-10.
Fi żmien qasir, xi messaġġiera kienu għaddejjin bil-ħeffa fuq iż-żwiemel sejrin f’kull rokna tal-imperu vast biex iwasslu s-sentenza tal-mewt lin-nies Lhud. Immaġina l-impatt taʼ din il-proklamazzjoni meta waslet f’Ġerusalemm li kienet ’il bogħod. Hemmhekk kien hemm fdal Lhud li kienu marru lura mill-eżilju f’Babilonja u li kienu qed jitħabtu biex jerġgħu jibnu belt li kien għad ma kellhiex sur biex jiddefendiha. Forsi Mordekaj ħaseb fihom, kif ukoll fi sħabu u qrabatu stess f’Susan, meta semaʼ bl-aħbar terribbli. Imnikket għall-aħħar, ċarrat ħwejġu, libes ilbies magħmul mill-ixkora u tefaʼ l-irmied fuq rasu, u beda jgħajjat għajjat kbir f’nofs il-belt. Madankollu, Ħaman qagħad jixrob mas-sultan, u ma tqanqalx min-niket li kien ikkaġuna fost il-ħafna Lhud u l-ħbieb tagħhom f’Susan.—Ester 3:12–4:1.
Mordekaj kien jaf li kellu jieħu azzjoni. Imma x’setaʼ jagħmel? Ester semgħet bl-għali tiegħu u bagħtitlu xi ħwejjeġ, imma Mordekaj irrifjuta li jitfarraġ. Forsi kien ilu jaħseb għala Alla tiegħu, Ġeħova, kien ħalla lill-għażiża Ester tittiħidlu u ssir is-sultana taʼ ħakkiem pagan. Issa r-raġuni donnha kienet qed tfiġġ. Mordekaj bagħat messaġġ lis-sultana, u fiha talab lil Ester bil-ħrara biex tmur quddiem is-sultan, ħalli tiddefendi lill-“poplu tagħha.”—Ester 4:4-8.
Ester bilfors li ħasset qtigħ il-qalb meta semgħet il-messaġġ. Din kienet l-akbar prova tal-fidi tagħha. Ħassitha mbeżżgħa, kif uriet b’mod ċar fir-risposta tagħha lil Mordekaj. Fakkritu fil-liġi tas-sultan. Jekk xi ħadd jidher quddiem is-sultan mingħajr ma jsejjaħlu kien jingħata s-sentenza tal-mewt. Kien biss jekk is-sultan imidd ix-xettru tad-deheb tiegħu li l-ħati kien jinħeles. U Ester, kellha xi raġuni għala setgħet tistenna li tintwera ħniena bħal din, speċjalment meta tqis dak li ġara lil Vasti meta rrifjutat li tmur quddiem is-sultan meta sejħilha? Hi qalet lil Mordekaj li s-sultan kien ilu 30 jum ma jistidinha tmur ħdejh! Ladarba kien ilu żmien twil ma jsejħilha, bir-raġun setgħet ħasbet jekk kienx għad kellha l-favur tas-sultan.d—Ester 4:9-11.
Mordekaj wieġeb b’mod sod biex lil Ester isaħħilha l-fidi. Hu assiguraha li jekk ma tiħux azzjoni hi, il-Lhud kienu se jiksbu salvazzjoni minn sors ieħor. Imma kif setgħet tistenna li tinħeles ladarba l-persekuzzjoni ħraxet? Hawnhekk Mordekaj wera l-fidi kbira tiegħu f’Ġeħova, li qatt ma kien se jħalli lill-poplu Tiegħu jiġi meqrud għalkollox u l-wegħdi Tiegħu ma jitwettqux. (Ġożwè 23:14) Imbagħad Mordekaj staqsa lil Ester: “Min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?” (Ester 4:12-14) Mordekaj kellu fiduċja sħiħa f’Alla tiegħu, Ġeħova. Xi ngħidu għalina?—Proverbji 3:5, 6.
Fidi Iktar b’Saħħitha mill-Biżaʼ mill-Mewt
Għal Ester kien wasal il-mument deċiżiv. Staqsiet lil Mordekaj biex jgħid lil-Lhud biex isumu magħha għal tlett ijiem, u temmet il-messaġġ tagħha bi stqarrija sempliċi taʼ fidi u kuraġġ li dwiet tul is-sekli: “Fil-każ li għandi mmut, immut.” (Ester 4:15-17) F’dawk it-tlett ijiem żgur li talbet b’ħerqa li f’ħajjitha qatt ma kienet talbet biha qabel. Però, fl-aħħar kien wasal il-waqt. Libset l-isbaħ ilbies irjali tagħha, ħalli tagħmel l-almu tagħha biex togħġob lis-sultan. Imbagħad marret.
Bħalma ġie deskritt fil-bidu taʼ dan l-artiklu, Ester resqet lejn il-palazz tas-sultan. Nistgħu biss nimmaġinaw il-ħsibijiet ansjużi u t-talb bil-ħrara li kienu għaddejjin minn moħħha u qalbha. Daħlet fil-bitħa, minn fejn setgħet tara lil Aħasweru fuq it-tron tiegħu. Forsi pprovat taqra l-espressjoni taʼ wiċċu. Jekk kellha tistenna, żgur li l-ħin ratu eternità. Imma l-mument għadda—żewġha raha. Veru, ma kienx qed jistennieha, imma l-espressjoni tiegħu rtabet. Medd ix-xettru tad-deheb tiegħu!—Ester 5:1, 2.
Ester kien irnexxielha tidher quddiem is-sultan. Kienet ħadet waqfa għal Alla tagħha u għall-poplu tagħha, u b’hekk ħalliet eżempju taʼ fidi mill-isbaħ għall-qaddejja kollha t’Alla tul iż-żminijiet.
[Noti taʼ taħt]
a Hu mifhum minn ħafna li Aħasweru hu Serse I, li ħakem fuq l-Imperu Persjan kmieni fil-ħames seklu Q.E.K.
b Ħaman għandu mnejn kien fost l-aħħar ftit Għamalekin, ladarba l-“fdal” tagħhom inqered lura fi żmien is-Sultan Ħeżekija.—1 Kronaki 4:43.
c Ħaman offra 10,000 talent tal-fidda, li llum jiswew mijiet taʼ miljuni taʼ ewro. Jekk Aħasweru kien Serse I, il-flus għandhom mnejn għamlu l-offerta taʼ Ħaman saħansitra iktar attraenti. Serse kien tilef fortuna kbira fil-gwerra diżastruża tiegħu kontra l-Griegi, milli jidher qabel ma żżewweġ lil Ester.
d Serse I kien magħruf li jbiddel ħsiebu u jitilgħulu. L-istorjografu Grieg Erodotu niżżel bil-miktub xi eżempji mill-gwerra taʼ Serse kontra l-Greċja. Is-sultan ordna li jinbena pont li jifflowtja għad-dgħajjes fuq l-istrett tal-Ellespont. Meta l-pont iġġarraf minħabba maltempata, Serse ordna li l-inġiniera tinqatgħalhom rashom u saħansitra qabbad lill-irġiel tiegħu “jikkastigaw” lill-Ellespont billi jsawtu l-ilma filwaqt li nqrat b’leħen għoli proklamazzjoni insolenti. Fl-istess kampanja, meta raġel għani talab bil-ħrara biex ibnu jiġi skużat milli jingħaqad mal-armata, Serse ordna li l-iben jinqataʼ fi tnejn, u mbagħad ġismu tqiegħed fejn jidher bħala twissija.
[Stampa f’paġna 19]
Mordekaj kellu raġuni tajba jkun kburi bit-tifla adottata tiegħu
[Stampa f’paġna 20]
Ester kienet taf li l-umiltà u l-għerf kienu ħafna iktar importanti mid-dehra persunali
[Stampa f’paġni 22, 23]
Ester issograt ħajjitha biex tipproteġi lill-poplu t’Alla