Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Ester
IL-PJAN deher li ma setax ifalli. Il-massakru tal-Lhud kellu jsir bir-reqqa u b’effiċjenza. F’jum wieħed magħżul minn qabel, il-Lhud kollha li kienu jgħixu fl-imperu, li kien jibda mill-Indja u jibqaʼ sejjer sa l-Etjopja, kellhom jinqerdu. Dan hu dak li kellu f’moħħu min kien fassal il-pjan. Però, kien ħarablu dettall vitali wieħed. L-Alla tas-smewwiet jistaʼ jeħles lill-poplu magħżul tiegħu minn kwalunkwe sitwazzjoni perikoluża. Il-ħelsien hu dokumentat fil-ktieb Bibliku t’Ester.
Miktub minn raġel Lhudi mdaħħal fiż-żmien jismu Mordekaj, il-ktieb t’Ester ikopri perijodu taʼ xi 18-il sena matul ir-renju tas-Sultan Persjan Assweru, jew Sersi I. Dan ir-rakkont drammatiku juri kif Ġeħova salva lill-poplu tiegħu mill-pjanijiet mill-agħar taʼ l-għedewwa tagħhom, avolja l-qaddejja tiegħu kienu mifruxin f’imperu tant vast. Illum, dan l-għarfien tabilħaqq isaħħaħ il-fidi tal-poplu taʼ Ġeħova, li qed jagħti servizz sagru f’235 pajjiż. Iżjed minn hekk, il-karattri deskritti fil-ktieb t’Ester jipprovdu eżempji għalina li nistgħu nimitaw u oħrajn li għandna nevitaw. Tabilħaqq, “il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—Ebrej 4:12.
IS-SULTANA KELLHA TINTERVIENI
Fit-tielet sena tar-renju tiegħu (493 Q.E.K.), is-Sultan Assweru għamel pranzu rjali. Is-Sultana Vasti, li kienet magħrufa għal ġmielha, qanqlet il-korla tas-sultan u tilfet il-pożizzjoni tagħha. Il-mara Lhudija Ħadassa ntgħażlet mix-xebbiet sbieħ kollha tal-pajjiż biex tkun minflokha. Taħt id-direzzjoni tal-kuġin tagħha Mordekaj, hi ħbiet l-identità Lhudija tagħha u użat l-isem Persjan tagħha, Ester.
Maż-żmien, raġel supperv li kien jismu Ħaman ngħata l-pożizzjoni taʼ prim ministru. Ħaman irrabja meta Mordekaj irrifjuta li ‘jbaxxi rasu fl-art quddiem Ħaman,’ u għalhekk ħejja pjan biex jeqred lil-Lhud kollha fl-Imperu Persjan. (Ester 3:2, 3 [3:2, NW ]) Ħaman ipperswada lil Assweru biex jaqbel miegħu u rnexxielu jqabbad lis-sultan biex joħroġ digriet ħalli jwettaq dan il-massakru. Mordekaj “libes ilbies tax-xkejjer, [u] xeħet l-irmied fuq rasu.” (Ester 4:1) Ester issa kellha tintervieni. Hi stiednet lis-sultan u lill-prim ministru tiegħu għal pranzu privat. Wara li huma attendew mill-qalb, Ester talbithom biex jattendu pranzu ieħor l-għada. Ħaman kien ferħan. Madankollu, hu kien irrabjat minħabba li Mordekaj irrifjuta li jagħtih unur. Ħaman fassal pjan biex joqtol lil Mordekaj qabel il-pranzu l-ġurnata taʼ wara.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:3-5—Il-festa damet għaddejja 180 ġurnata? F’xi traduzzjonijiet m’huwiex ċar kemm damet il-festa imma li s-sultan wera lill-uffiċjali l-ġid u l-kobor tas-saltna glorjuża tiegħu għal 180 ġurnata. Forsi s-sultan uża dan l-avveniment twil biex bil-kburija juri l-glorja taʼ saltnatu sabiex jimpressjona lin-nobbli u jikkonvinċihom mill-abbiltà tiegħu biex iwettaq il-pjanijiet tiegħu. F’dan il-każ, versi tlieta u ħamsa jistgħu jirreferu għall-pranzu taʼ sebat ijiem li seħħ fi tmiem l-avveniment taʼ 180 ġurnata.
1:8—B’liema mod “ħadd ma kien iġiegħel lil ħadd” biex jixrob “skond il-liġi”? F’din l-okkażjoni, is-Sultan Assweru għamel eċċezzjoni għal dik li milli jidher kienet drawwa Persjana fejn kienu jħeġġu lil xulxin biex jixorbu ċertu ammont f’dawn il-festi. Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid, “Setgħu jixorbu ħafna jew ftit, skond kemm riedu.”
1:10-12—Is-Sultana Vasti għala baqgħet tirrifjuta li tmur għand is-sultan? Xi studjużi jissuġġerixxu li s-sultana rrifjutat li tobdi għaliex ma riditx tbaxxi lilha nfisha quddiem il-mistidnin xurbana tas-sultan. Jew forsi din is-sultana li kienet sabiħa minn barra ma kinitx sottomessa. Filwaqt li l-Bibbja ma ssemmix il-motiv tagħha, l-irġiel għorrief taʼ dak iż-żmien ħasbu li l-ubbidjenza lejn ir-raġel kienet kwistjoni importanti u li l-eżempju ħażin taʼ Vasti kien se jinfluwenza lin-nisa miżżewġin kollha fil-provinċji tal-Persja.
2:14-17—Kellha Ester relazzjonijiet sesswali immorali mas-sultan? It-tweġiba hija le. Ir-rakkont jgħid li fil-għodu n-nisa l-oħra li kienu ttieħdu għand is-sultan kienu ttieħdu lura fit-tieni dar taħt il-ħarsien taʼ l-ewnuku tas-sultan, “l-inkarigat mill-konkubini.” B’hekk, in-nisa li jkunu qattgħu l-lejl mas-sultan kienu jsiru l-konkubini, jew in-nisa sekondarji, tiegħu. Madankollu, Ester ma ttiħditx lejn id-dar tal-konkubini wara li rat lis-sultan. Meta Ester ittieħdet quddiem Assweru, “is-sultan ħabb lil Ester fuq in-nisa l-oħra kollha; u hi sabet fih grazzja u mħabba aktar mix-xebbiet l-oħra.” (Ester 2:17) Kif kisbet il-“grazzja u [l-i]mħabba” t’Assweru? Bl-istess mod li kienet kisbet il-favur t’oħrajn. “It-tfajla għoġbitu [lil Ħegaj] u ħa grazzja magħha.” (Ester 2:8, 9) Ħegaj ippreferieha biss minħabba dak li ra—l-apparenza u l-kwalitajiet tajbin tagħha. Fil-fatt, “Ester kienet il-ħin kollu qed tikseb favur fl-għajnejn taʼ kulmin kien qed jaraha.” (Ester 2:15, NW) B’mod simili, is-sultan kien impressjonat b’dak li ra f’Ester, u għalhekk sar iħobbha.
3:2, 3 (3:2, NW); 5:9—Mordekaj għala rrifjuta li jmil quddiem Ħaman? Ma kinitx xi ħaġa ħażina li l-Iżraelin jagħrfu l-pożizzjoni superjuri taʼ xi individwu eżaltat billi jbaxxu rashom fl-art quddiemu. Madankollu, fil-każ taʼ Ħaman, kien hemm iktar involut minn hekk. Ħaman kien Agagi, probabbilment Għamaleki, u Ġeħova kien immarka lil Għamalek għall-qerda. (Dewteronomju 25:19) Għal Mordekaj, il-fatt li jmil quddiem Ħaman kien kwistjoni taʼ integrità lejn Ġeħova. Hu mingħajr tlaqliq irrifjuta u stqarr li kien Lhudi.—Ester 3:3, 4.
Lezzjonijiet Għalina:
2:10, 20; 4:12-16. Ester aċċettat direzzjoni u pariri minn aduratur matur taʼ Ġeħova. Aħna nkunu għaqlin jekk ‘inkunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostna u nkunu sottomessi lejhom.’—Ebrej 13:17.
2:11; 4:5. Ma rridux ‘infittxu l-interessi persunali tagħna biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.’—Filippin 2:4.
2:15. Ester uriet il-modestja u r-rażna billi ma talbitx għal iktar ġojjelli jew ħwejjeġ isbaħ minn dawk li pprovda Ħegaj. Kienet il-“persuna minn ġewwa, fil-qalb, imżejna bi spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx” li biha Ester kisbet il-favur tas-sultan.—1 Pietru 3:4.
2:21-23. Ester u Mordekaj kienu eżempji tajbin taʼ ‘sottomissjoni lejn l-awtoritajiet superjuri.’—Rumani 13:1.
3:4. F’xi sitwazzjonijiet, forsi jkun għaqli li nibqgħu siekta dwar l-identità tagħna, bħalma Ester għamlet b’tagħha. Madankollu, meta jkollna nieħdu waqfa dwar kwistjonijiet importanti, bħas-sovranità taʼ Ġeħova u l-integrità tagħna, m’għandniex nibżgħu ngħidu li aħna Xhieda taʼ Ġeħova.
4:3. Meta niffaċċjaw provi, għandna nduru lejn Ġeħova bit-talb għas-saħħa u l-għerf.
4:6-8. Mordekaj fittex soluzzjoni legali għat-theddida li qamet minħabba l-konfoffa taʼ Ħaman.—Filippin 1:7.
4:14. Il-fiduċja li Mordekaj kellu f’Ġeħova hi taʼ min jimitaha.
4:16. Billi straħet għalkollox fuq Ġeħova, Ester bil-lealtà u bil-kuraġġ iffaċċjat sitwazzjoni li setgħet twassal biex hi tingħata l-mewt. Huwa vitali li aħna nitgħallmu nistrieħu fuq Ġeħova u mhux fuqna nfusna.
5:6-8. Sabiex tirbaħ il-favur t’Assweru, Ester stidnitu għal pranzu ieħor. Hi aġixxiet bl-għaqal, kif għandna nagħmlu aħna.—Proverbji 14:15.
BIDLA WARA L-OĦRA
Hekk kif bdew jiżvolġu l-affarijiet, inqalbet il-folja. Ħaman ġie mdendel fuq il-forka li kien ħejja għal Mordekaj, u min kellu jispiċċa vittma spiċċa biex sar il-prim ministru! X’sar mill-massakru li kien pjanat għal-Lhud? Dan ukoll ġarrab bidliet drammatiċi.
Il-leali Ester reġgħet tkellmet. Hi pperikolat ħajjitha u marret quddiem is-sultan biex titolbu jsib xi mod kif iħott il-pjan taʼ Ħaman. Assweru kien jaf x’kellu jsir. Għalhekk, meta wasal jum il-massakru, minflok il-Lhud inqatlu dawk li riedu jagħmlulhom il-ħsara. Mordekaj imbagħad ħareġ digriet biex il-Festa tal-Purim tinżamm kull sena biex jikkommemoraw dak il-ħelsien kbir. Mordekaj, li kien it-tieni wara s-Sultan Assweru, “kien ifittex il-ġid tal-poplu tiegħu u s-sliem lin-nisel tiegħu kollu.”—Ester 10:3.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
7:4—Il-qerda tal-Lhud kif kienet se tagħmel ‘il-ħsara lis-sultan’? Billi użat it-tattika u semmiet il-possibbiltà li forsi l-Lhud jinbiegħu bħala lsiera, Ester enfasizzat il-kwistjoni li jekk jinqerdu l-Lhud, is-sultan kien se jmur minn taħt. L-10,000 biċċa tal-fidda li Ħaman kien wiegħed kienu ħafna inqas għat-teżor tas-sultan meta mqabblin mal-ġid li setaʼ kiseb kieku Ħaman kien ippjana li jbigħ lil-Lhud bħala lsiera. Li kieku Ħaman irnexxa, dan kien ifisser ukoll il-mewt tas-sultana.
7:8—L-uffiċjali tal-qorti għala għattew wiċċ Ħaman? Dan seħħ x’aktarx biex jindika li għamel xi ħaġa t’għajb jew li kien qed jistenna l-kundanna. Skond xogħol taʼ referenza wieħed, “fil-passat kultant kienu jgħattu l-irjus taʼ dawk li kienu se jinqatlu.”
8:17—“Ħafna mill-ġnus” b’liema mod “saru Lhud”? Ħafna mill-Persjani milli jidher saru proseliti Lhud għaliex ħasbu li l-bidla fid-digriet kienet indikazzjoni li l-Lhud kellhom il-favur t’Alla. L-istess prinċipju qiegħed jitwettaq fil-profezija li nsibu fil-ktieb taʼ Żakkarija. Naqraw: “Għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!’”—Żakkarija 8:23.
9:10, 15, 16—Għalkemm id-digriet tahom il-permess li setgħu jieħdu mill-priża, il-Lhud għala żammew lura milli jieħdu minnha? Il-fatt li rrifjutaw wera biċ-ċar li l-iskop tagħhom kien li jsalvaw lilhom infushom u mhux li jistagħnu.
Lezzjonijiet Għalina:
6:6-10. “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.”—Proverbji 16:18.
7:3, 4. Nidentifikaw aħna lilna nfusna bil-kuraġġ bħala Xhieda taʼ Ġeħova, anki jekk forsi dan ifisser li niġu persegwitati?
8:3-6. Aħna nistgħu u għandna nappellaw lill-awtoritajiet governattivi u lill-qrati ġudizzjarji għall-protezzjoni mill-għedewwa.
8:5. Ester bit-tattika ma semmietx li s-sultan kien responsabbli mid-digriet li ġie mfassal biex jeqred lill-poplu tagħha. B’mod simili, aħna rridu nuru t-tattika meta nagħtu xiehda lil uffiċjali għoljin.
9:22. M’għandniex ninsew lil dawk li huma foqra fostna.—Galatin 2:10.
Ġeħova Se Jipprovdi “Għajnuna u Ħelsien”
Mordekaj irrefera għall-iskop t’Alla biex Ester tilħaq pożizzjoni rjali. Meta ġew mheddin, il-Lhud samu u talbu għall-għajnuna. Is-sultana dehret quddiem is-sultan bla stedina u ġiet aċċettata b’mod tajjeb kull darba. F’dik il-lejla kruċjali s-sultan ma setax jorqod. Tabilħaqq, il-ktieb t’Ester jgħidilna dwar kif Ġeħova jbiddel l-affarijiet għall-benefiċċju tal-poplu tiegħu.
Ir-rakkont eċċitanti t’Ester hu partikolarment inkuraġġanti għalina li qed ngħixu fiż-“żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:4) “Fl-aħħar jiem,” jew fil-parti finali taż-żmien taʼ l-aħħar, Gog taʼ Magog—Satana x-Xitan—se joħroġ għal attakk sfrenat fuq il-poplu taʼ Ġeħova. Il-mira tiegħu se tkun li jeqred lill-aduraturi veri. Imma bħal fi żmien Ester, Ġeħova se jipprovdi “għajnuna u ħelsien” għall-aduraturi tiegħu.—Eżekjel 38:16-23; Ester 4:14.
[Stampa f’paġna 10]
Ester u Mordekaj quddiem Assweru