LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 7/15 pp. 15-19
  • Ħafna Jiġu Mitmugħin Minn Ftit Uħud

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħafna Jiġu Mitmugħin Minn Ftit Uħud
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠESÙ JAGĦŻEL LILL-​FTIT
  • IL-​ĦAFNA JIĠU MITMUGĦIN MINN PENTEKOSTE ’L QUDDIEM
  • META KIEN HEMM ĦAFNA SIKRANA U FTIT QAMĦ
  • MIN KIEN SE JAGĦTI L-​IKEL MATUL IL-​ĦSAD?
  • Ħafna jiġu mitmugħin minn ftit uħud
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
  • “Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “Ġesù . . . Baqa’ Jħobbhom sa l-Aħħar”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 7/15 pp. 15-19

Ħafna Jiġu Mitmugħin Minn Ftit Uħud

“Wara li qasam il-​ħobż, [Ġesù] tah lid-​dixxipli, u mbagħad id-​dixxipli qassmuh lill-​folol.” —MT. 14:19.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġesù liema mudell segwa meta temaʼ lill-​folol?

  • Ġesù kif uża lill-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm?

  • Meta kien il-​waqt biex Kristu jaħtar mezz organizzat wieħed biex jagħti l-​ikel spiritwali?

1-3. Iddeskrivi kif Ġesù temaʼ folla kbira fil-​viċinanza taʼ Betsajda. (Ara l-​istampa tal-​bidu.)

ĠIB ix-​xena quddiem għajnejk. (Aqra Mattew 14:14-​21.) Huwa eżatt qabel il-​Qbiż tas-​sena 32 E.K. Folla taʼ xi 5,000 raġel, minbarra nisa u tfal żgħar, qegħdin maʼ Ġesù u d-​dixxipli tiegħu f’post imwarrab viċin Betsajda, raħal fuq ix-​xatt tat-​Tramuntana tal-​Baħar tal-​Galilija.

2 Xħin jara l-​folla, Ġesù jitħassarhom lin-​nies, u allura jfejjaq lill-​morda li hemm fosthom u jgħallimhom ħafna affarijiet dwar is-​Saltna t’Alla. Meta jsir il-​ħin, id-​dixxipli jħeġġu lil Ġesù biex lin-​nies jibgħathom fi rħula fil-​qrib ħalli jixtru xi ħaġa x’jieklu. Imma Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Kliemu żgur iħawwadhom, għax ftit għandhom provvisti magħhom—ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar.

3 Imqanqal mill-​mogħdrija, Ġesù jwettaq miraklu—l-​uniku miraklu li hu mniżżel bil-​miktub mill-​erbaʼ kittieba tal-​Evanġelju. (Mk. 6:35-​44; Lq. 9:10-​17; Ġw. 6:1-​13) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex jgħidu lill-​folla tpoġġi bilqiegħda fuq il-​ħaxix aħdar fi gruppi taʼ 50 u taʼ 100. Wara li jitlob, hu jibda jaqsam il-​ħobż u l-​ħut. Imbagħad, minflok ma jagħti l-​ikel lin-​nies direttament, Ġesù jqassmu “lid-​dixxipli sabiex dawn inewluh lin-​nies.” B’mod mirakoluż, hemm biżżejjed biex jiekol kulħadd u iktar! Aħseb ftit: Ġesù temaʼ lil eluf permezz taʼ ftit—id-​dixxipli tiegħu.a

4. (a) Ġesù kien saħansitra iktar konċernat dwar li jipprovdi liema tip taʼ ikel, u għala? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu għall-​istudju u f’taʼ warajh?

4 Ġesù kien saħansitra iktar konċernat dwar li jipprovdi ikel spiritwali lis-​segwaċi tiegħu. Hu kien jaf li l-​ikel spiritwali, il-​veritajiet li jinsabu fil-​Kelma t’Alla, iwassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 6:26, 27; 17:3) Immotivat mill-​istess mogħdrija li qanqlitu jitmaʼ lill-​folla bil-​ħobż u l-​ħut, Ġesù qattaʼ ħafna sigħat jgħallem personalment lis-​segwaċi tiegħu. (Mk. 6:34) Imma kien jaf li ż-​żmien tiegħu fuq l-​art kien se jkun qasir u li kien se jerġaʼ lura lejn is-​sema. (Mt. 16:21; Ġw. 14:12) Mis-​sema, Ġesù kif kien se jżomm lis-​segwaċi tiegħu fuq l-​art mitmugħin tajjeb spiritwalment? Kien se jsegwi mudell simili—kien se jitmaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud. Iżda, min kienu se jkunu l-​ftit? Ejja naraw kif Ġesù uża lil ftit biex jitmaʼ lill-​ħafna segwaċi midlukin tiegħu tal-​ewwel seklu. Imbagħad, fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu din il-​mistoqsija li hi taʼ importanza vitali għal kull wieħed minna: Kif nistgħu nidentifikaw lill-​ftit li permezz tagħhom Kristu jitmagħna llum?

Eluf ġew mitmugħin permezz taʼ ftit uħud (Ara paragrafu 4)

ĠESÙ JAGĦŻEL LILL-​FTIT

5, 6. (a) Liema deċiżjoni importanti ħafna ħa Ġesù biex jaċċerta li s-​segwaċi tiegħu kienu se jkunu mitmugħin tajjeb spiritwalment wara mewtu? (b) Ġesù kif ipprepara lill-​appostli tiegħu għal irwol importanti ferm wara mewtu?

5 Kap tal-​familja responsabbli jagħmel arranġament biex familtu tkun imħarsa sew fil-​każ li jmut. B’mod simili, Ġesù—li kien se jsir il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana—għamel arranġamenti biex jaċċerta li s-​segwaċi tiegħu jkunu mħarsin sew spiritwalment wara mewtu. (Efes. 1:22) Pereżempju, madwar sentejn qabel ma miet, Ġesù ħa deċiżjoni importanti. Hu beda jagħżel lil dawk il-​ftit li iktar tard kien se jużahom biex jitimgħu lill-​ħafna. Ikkunsidra x’ġara.

6 Wara li għamel lejl jitlob, Ġesù ġabar lid-​dixxipli tiegħu u minn fosthom għażel 12-​il appostlu. (Lq. 6:12-​16) Għas-​sentejn taʼ wara, hu kien qrib speċjalment tat-​12, billi għallimhom kemm bil-​kliem u kemm bl-​eżempju. Hu kien jaf li kellhom ħafna x’jitgħallmu; fil-​fatt, matul dak iż-​żmien baqgħu jissejħu ‘dixxipli,’ jew studenti. (Mt. 11:1; 20:17) Hu tahom pariri personali siewja u taħriġ estensiv fil-​ministeru. (Mt. 10:1-​42; 20:20-​23; Lq. 8:1; 9:52-​55) Milli jidher kien qed jippreparahom għal irwol importanti ferm wara li jmut u jmur lura fis-​sema.

7. Ġesù kif ta ħjiel dwar x’kienet se tkun ir-​responsabbiltà ewlenija tal-​appostli?

7 X’kien se jkun l-​irwol tal-​appostli? Hekk kif qorob Pentekoste tas-​sena 33 E.K., deher ċar li l-​appostli kienu se jaqdu ‘f’kariga taʼ indokrar.’ (Atti 1:20) Iżda x’kienet se tkun ir-​responsabbiltà ewlenija tagħhom? Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù ta ħjiel f’konversazzjoni li kellu mal-​appostlu Pietru. (Aqra Ġwanni 21:1, 2, 15-​17.) Quddiem xi wħud mill-​appostli l-​oħra, Ġesù qal lil Pietru: “Itmaʼ n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.” B’hekk, Ġesù indika li l-​appostli tiegħu kienu se jkunu fost il-​ftit li permezz tagħhom kien se jipprovdi ikel spiritwali lill-​ħafna. X’turija tenera u effettiva taʼ kif Ġesù jħossu dwar “in-​nagħaġ ċkejknin” tiegħu!b

IL-​ĦAFNA JIĠU MITMUGĦIN MINN PENTEKOSTE ’L QUDDIEM

8. Il-​Kristjani ġodda f’Pentekoste kif urew li għarfu b’mod ċar il-​mezz li kien qed juża Kristu?

8 Minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l quddiem, Kristu rxoxtat uża lill-​appostli tiegħu bħala l-​mezz li bih kien se jitmaʼ lill-​kumplament tad-​dixxipli midlukin tiegħu. (Aqra Atti 2:41, 42.) Il-​Lhud u l-​proseliti li saru Kristjani midlukin bl-​ispirtu dakinhar għarfuh b’mod ċar dan il-​mezz. Huma b’fiduċja sħiħa “baqgħu jingħataw,” jew baqgħu leali, “għat-​tagħlim taʼ l-​appostli.” Il-​Kristjani ġodda kellhom ġuħ kbir għall-​ikel spiritwali, u kienu jafu eżatt minn fejn għandhom iġibuh. B’lealtà soda, huma daru lejn l-​appostli biex jispjegawlhom il-​kliem u l-​għemejjel taʼ Ġesù u biex ifissrulhom l-​iskritturi li kienu jirreferu għalih.c—Atti 2:22-​36.

9. L-​appostli kif urew li żammew ċar f’moħħhom ir-​responsabbiltà tagħhom li jitimgħu n-​nagħaġ taʼ Ġesù?

9 L-​appostli żammew ċar f’moħħhom ir-​responsabbiltà tagħhom li jitimgħu n-​nagħaġ taʼ Ġesù. Pereżempju, innota kif ittrattaw kwistjoni sensittiva li setgħet iġġib firda fil-​kongregazzjoni Kristjana ġdida. Ironikament, il-​kwistjoni involviet l-​ikel—ikel materjali. Ir-​romol li kienu jitkellmu bil-​Grieg kienu qed jinqabżu fit-​tqassim tal-​ikel taʼ kuljum, imma r-​romol li kienu jitkellmu bl-​Ebrajk ma kinux qed jinqabżu. L-​appostli kif solvew din il-​kwistjoni delikata? “It-​tnax” ħatru sebaʼ aħwa rġiel kwalifikati biex jieħdu ħsieb ix-​“xogħol bżonnjuż,” it-​tqassim tal-​ikel. L-​appostli—li l-​biċċa l-​kbira bla dubju kienu għenu fit-​tqassim tal-​ikel lill-​folol li Ġesù kien temaʼ mirakolożament—raw li kien iktar importanti għalihom li jiffokaw fuq l-​għoti taʼ ikel spiritwali. B’hekk, iddedikaw ruħhom “għall-​ministeru tal-​kelma.”—Atti 6:1-​6.

10. Kristu kif uża l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm?

10 Sas-​sena 49 E.K., mal-​appostli li kienu għadhom ħajjin ingħaqdu ċerti anzjani oħrajn li kienu kwalifikati. (Aqra Atti 15:1, 2.) “L-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm” qdew bħala ġemgħa li tiggverna. Bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni, Kristu uża lil dan il-​grupp żgħir taʼ rġiel kwalifikati biex jieħdu deċiżjonijiet rigward it-​tagħlim Kristjan u biex jidderieġu l-​ippritkar u t-​tagħlim tal-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Atti 15:6-​29; 21:17-​19; Kol. 1:18.

11, 12. (a) X’juri li Ġeħova bierek l-​arranġament li permezz tiegħu Ibnu temaʼ lill-​kongregazzjonijiet tal-​ewwel seklu? (b) In-​nies kif kienu jafu lil min kien qed juża Kristu biex jitmaʼ lill-​kongregazzjonijiet?

11 Bierek Ġeħova l-​arranġament li permezz tiegħu Ibnu temaʼ lill-​kongregazzjonijiet tal-​ewwel seklu? Dażgur! Kif nistgħu nkunu ċerti? Il-​ktieb tal-​Atti jgħid hekk: “Issa fil-​bliet li [l-​appostlu Pawlu u dawk li vvjaġġaw miegħu] kienu jgħaddu minnhom kienu jagħtu lil dawk t’hemmhekk id-​digrieti li kienu ġew deċiżi mill-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm biex josservawhom. Għalhekk, tabilħaqq, il-​kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-​fidi u jiżdiedu fl-​għadd minn jum għall-​ieħor.” (Atti 16:4, 5) Innota li dawk il-​kongregazzjonijiet kibru minħabba l-​kooperazzjoni leali tagħhom mal-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm. Mhijiex din prova tal-​barka taʼ Ġeħova fuq l-​arranġament li permezz tiegħu Ibnu temaʼ lill-​kongregazzjonijiet? Ejja niftakru li l-​ġid spiritwali hu possibbli biss bil-​barka kbira taʼ Ġeħova.—Prov. 10:22; 1 Kor. 3:6, 7.

12 S’issa rajna li Ġesù segwa mudell meta temaʼ lis-​segwaċi tiegħu: Hu temaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit. Lura dak iż-​żmien, kien ċar lil min kien qed juża biex jitmaʼ lill-​kongregazzjonijiet. Wara kollox, l-​appostli—il-​membri oriġinali tal-​ġemgħa li tiggverna—setgħu jagħtu prova viżibbli li kellhom l-​appoġġ mis-​smewwiet. Atti 5:12 jgħid: “Minn idejn l-​appostli baqgħu jseħħu ħafna sinjali u għeġubijiet fost in-​nies.”d Għaldaqstant, dawk li saru Kristjani ma kellhomx għalfejn jistaqsu, ‘Min tassew huma l-​uħud li permezz tagħhom Kristu qed jitmaʼ lin-​nagħaġ tiegħu?’ Imma sa tmiem l-​ewwel seklu, is-​sitwazzjoni nbidlet.

Fl-​ewwel seklu, kien ċar lil min kien qed juża Ġesù biex jitmaʼ lill-​kongregazzjoni (Ara paragrafu 12)

META KIEN HEMM ĦAFNA SIKRANA U FTIT QAMĦ

13, 14. (a) Ġesù liema twissija ta dwar attakk, u kliemu meta beda jitwettaq? (b) Il-​kongregazzjoni kif kienet se tiġi attakkata? (Ara n-​nota fl-​aħħar.)

13 Ġesù bassar li l-​kongregazzjoni Kristjana kienet se tiġi attakkata. Ftakar, fit-​tixbiha profetika tiegħu tal-​qamħ u s-​sikrana, Ġesù wissa li s-​sikrana (il-​Kristjani foloz) kienet se tinżeraʼ qalb il-​qamħ (il-​Kristjani midlukin). Dawn iż-​żewġ gruppi kienu se jitħallew jikbru maġenb xulxin—mhux mimsusin sal-​ħsad, li kien se jiġi f’“konklużjoni taʼ sistema.” (Mt. 13:24-​30, 36-​43) Ma damx ma beda jitwettaq il-​kliem taʼ Ġesù.e

14 L-​apostasija nfirxet xi ftit fl-​ewwel seklu, imma l-​appostli leali taʼ Ġesù aġixxew biex ‘iżommu lura’ t-​tinġis u l-​influwenza tat-​tagħlim falz. (2 Tess. 2:3, 6, 7) Madankollu, ladarba miet l-​aħħar appostlu, l-​apostasija qabbdet l-​għeruq u ffjorixxiet waqt staġun twil taʼ tkabbir li dam bosta sekli. Barra minn hekk, matul dak iż-​żmien, kien hemm ħafna sikrana u ftit qamħ. Ma kienx hemm mezz konsistenti u organizzat għat-​tqassim tal-​ikel spiritwali. Dan eventwalment kien se jinbidel. Imma l-​mistoqsija hi, Meta?

MIN KIEN SE JAGĦTI L-​IKEL MATUL IL-​ĦSAD?

15, 16. L-​istudju diliġenti tal-​Iskrittura li għamlu l-​Istudenti tal-​Bibbja ġabilhom liema riżultati, u liema mistoqsija tqum?

15 Hekk kif qorob it-​tmiem tal-​istaġun tat-​tkabbir, kien hemm interess kbir fil-​verità tal-​Bibbja. Ftakar li fis-​snin 70 tas-​seklu 19, grupp żgħir taʼ nies sinċieri li kienu qed ifittxu l-​verità nġabru flimkien u fformaw klassijiet tal-​Bibbja separati mis-​sikrana—il-​Kristjani foloz fil-​knejjes u s-​setet tal-​Kristjaneżmu. B’qalb umli u moħħ miftuħ, dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja sinċieri, kif sejħu lilhom infushom, fittxew fl-​Iskrittura bir-​reqqa u bit-​talb.—Mt. 11:25.

16 L-​istudju diliġenti tal-​Iskrittura li għamlu l-​Istudenti tal-​Bibbja ġabilhom riżultati tajbin ħafna. Dawn l-​irġiel u nisa leali kixfu t-​tagħlim falz u xandru l-​verità tal-​Kelma t’Alla lil oħrajn. Huma ppubblikaw u qassmu letteratura Biblika maʼ kullimkien. Ħafna li riedu jitgħallmu l-​verità tal-​Bibbja qraw il-​letteratura tagħhom u saru konvinti li kienet il-​verità. Għalhekk tqum mistoqsija interessanti: Kienu l-​Istudenti tal-​Bibbja fis-​snin li wasslu għall-​1914 il-​mezz maħtur li bih Kristu kien se jitmaʼ lin-​nagħaġ tiegħu? Le. Kienu għadhom fl-​istaġun tat-​tkabbir, u l-​arranġament għal mezz biex jipprovdi ikel spiritwali kien għadu qed jiġi format. Kien għadu mhux il-​waqt għall-​Kristjani foloz biex jiġu mifrudin minn mal-​Kristjani veri.

17. Liema żviluppi importanti bdew jiżvolġu fl-​1914?

17 Bħalma tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel dan, l-​istaġun tal-​ħsad beda fl-​1914. F’din is-​sena bdew jiżvolġu għadd taʼ żviluppi importanti. Ġesù sar Sultan, u bdew l-​aħħar jiem. (Riv. 11:15) Mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919, Ġesù u Missieru marru fit-​tempju spiritwali biex jagħmlu xogħol taʼ spezzjoni u tindif tant bżonjuż.f (Mal. 3:1-​4) Imbagħad, mill-​1919, kien il-​waqt biex jibda jinġabar il-​qamħ. Kien wasal finalment iż-​żmien biex Kristu jaħtar mezz organizzat wieħed biex jagħti l-​ikel spiritwali? Iva, tabilħaqq!

18. Ġesù bassar li kien se jagħmel liema ħatra, u x’kienet il-​mistoqsija kruċjali hekk kif bdew l-​aħħar jiem?

18 Fil-​profezija tiegħu dwar żmien it-​tmiem, Ġesù bassar li kien se jaħtar mezz biex jagħti “l-​ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq.” (Mt. 24:45-​47) Liema mezz kien se juża? Fi qbil mal-​eżempju li ħalla fl-​ewwel seklu, Ġesù kien se jerġaʼ jitmaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud. Imma hekk kif kienu qed jibdew l-​aħħar jiem, il-​mistoqsija kruċjali kienet, Min se jkunu l-​ftit? Din u mistoqsijiet oħrajn dwar il-​profezija taʼ Ġesù se jitwieġbu fl-​artiklu li jmiss.

a Paragrafu 3: Darb’oħra iktar tard, meta Ġesù b’mod mirakoluż temaʼ lil 4,000 raġel, minbarra nisa u tfal, hu reġaʼ ta l-​ikel ‘lid-​dixxipli, u mbagħad id-​dixxipli tawh lill-​folol.’—Mt. 15:32-​38.

b Paragrafu 7: Matul il-​ħajja taʼ Pietru, in-​“nagħaġ ċkejknin” li kienu se jiġu mitmugħin ilkoll għożżew it-​tama għas-​sema.

c Paragrafu 8: Il-​fatt li l-​Kristjani ġodda “baqgħu jingħataw għat-​tagħlim taʼ l-​appostli” jindika li l-​appostli kienu qed jgħallmu fuq bażi regulari. Ftit mit-​tagħlim tal-​appostli ġie dokumentat b’mod permanenti fil-​kotba ispirati li issa jagħmlu parti mill-​Iskrittura Griega Kristjana.

d Paragrafu 12: Filwaqt li oħrajn flimkien mal-​appostli rċivew għotjiet mirakolużi tal-​ispirtu, jidher li fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, l-​għotjiet mirakolużi ngħataw lil oħrajn direttament minn xi appostlu jew fil-​preżenza taʼ wieħed minnhom.—Atti 8:14-​18; 10:44, 45.

e Paragrafu 13: Il-​kliem tal-​appostlu Pawlu f’​Atti 20:29, 30 juri li l-​kongregazzjoni kienet se tiġi attakkata minn barra kif ukoll minn ġewwa. L-​ewwel, il-​Kristjani foloz (“is-​sikrana”) kienu se ‘jidħlu fost’ il-​Kristjani veri. It-​tieni, ‘minn fost’ il-​Kristjani veri, xi wħud kienu se jsiru apostati billi jitkellmu “affarijiet mgħawġin.”

f Paragrafu 17: Ara l-​artiklu “Ara, Jien Magħkom il-​Jiem Kollha,” f’din il-​ħarġa, paġna 11, paragrafu 6.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja