LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 8/15 pp. 23-27
  • Oqgħod Attent X’tip Ta’ Persuna Għandek Tkun

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Oqgħod Attent X’tip Ta’ Persuna Għandek Tkun
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SATANA KIF IQARRAQ BIN-​NIES?
  • “IX-​XEWQA TAL-​LAĦAM”
  • “IX-​XEWQA TAʼ L-​GĦAJNEJN”
  • “L-​IFFANFRAR BIL-​MEZZI TAL-​ĦAJJA”
  • KIF NISTGĦU NIPPROTEĠU R-​RELAZZJONI TAGĦNA MAʼ ĠEĦOVA?
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Min Hi l-Iktar Persuna Importanti f’Ħajtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kun af lill-għadu tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 8/15 pp. 23-27

Oqgħod Attent X’Tip taʼ Persuna Għandek Tkun

“Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.”—2 PT. 3:11.

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’tip taʼ persuna għandek tkun biex tikseb l-​approvazzjoni t’Alla?

  • Satana kif iqarraq bin-​nies?

  • X’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi r-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova?

1, 2. ‘X’tip taʼ persuni għandna nkunu’ biex niksbu l-​approvazzjoni t’Alla?

IL-​BIĊĊA l-​kbira min-​nies huma interessati dwar x’jaħseb ħaddieħor dwarhom. Iżda bħala Kristjani, m’għandniex aħna nkunu iktar konċernati dwar x’jaħseb Ġeħova dwarna? Wara kollox, hu l-​akbar Persuna fl-​univers, u għandu hemm “is-​sors tal-​ħajja.”—Salm 36:9.

2 L-​appostlu Pietru spjega li biex ikollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, għandna bżonn nieħdu sehem f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (Aqra t-​2 Pietru 3:11.) L-​“atti taʼ kondotta” tagħna jkunu qaddisin biss jekk ngħixu ħajja nadifa b’kull mod. Dan jinkludi l-​mod kif naħsbu, naġixxu, u nqimu lil Alla. Ukoll, għandna bżonn inwettqu “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” motivati minn imħabba profonda u rispett għal Alla. Allura Alla ma jqisx biss l-​azzjonijiet tagħna bħala li huma importanti imma wkoll il-​mod kif inħossuna dwaru. Ġeħova ‘jeżamina l-​qalb,’ u għalhekk jaf jekk l-​azzjonijiet tagħna humiex qaddisin u jekk inqimux biss lilu.—1 Kron. 29:17.

3. Rigward ir-​relazzjoni tagħna m’Alla, liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

3 Satana x-​Xitan ma jridx li jkollna l-​approvazzjoni t’Alla. Infatti, hu jagħmel kulma jistaʼ biex iġegħelna nabbandunaw ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Satana kontinwament juża l-​gideb biex jipprova jqarraq bina ħalli nieqfu nqimu lil Ġeħova. (Ġw. 8:44; 2 Kor. 11:13-​15) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Satana kif iqarraq bin-​nies? X’nistaʼ nagħmel biex nipproteġi r-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova?’

SATANA KIF IQARRAQ BIN-​NIES?

4. Biex jipprova jeqred il-​ħbiberija tagħna m’Alla, Satana x’jipprova jagħmel, u għala?

4 “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess,” jikteb id-​dixxiplu Ġakbu. “Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” (Ġak. 1:14, 15) Biex jeqred il-​ħbiberija tagħna m’Alla, Satana jipprova jilħqilna qalbna, is-​sors tax-​xewqat tagħna.

5, 6. (a) Satana kif jipprova jinfluwenzalna qalbna? (b) Liema tliet affarijiet juża Satana biex ipoġġi xewqat ħżiena f’qalbna, u kemm jużahom tajjeb dawn l-​affarijiet?

5 Satana kif jipprova jinfluwenzalna qalbna? “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” tgħid il-​Bibbja. (1 Ġw. 5:19) L-​armi taʼ Satana jinkludu “dak li hemm fid-​dinja.” (Aqra l-​1 Ġwanni 2:15, 16.) Għal eluf taʼ snin, ix-​Xitan b’attenzjoni kbira ddisinja lil din id-​dinja biex iqarraq bin-​nies. Ladarba ngħixu f’din id-​dinja, aħna rridu ngħassu kontra t-​tattiki sottili tiegħu.—Ġw. 17:15.

6 Satana jipprova jpoġġi xewqat ħżiena f’qalbna. Biex jagħmel dan hu juża t-​tliet affarijiet “li hemm fid-​dinja” msemmijin mill-​appostlu Ġwanni: (1) “ix-​xewqa tal-​laħam,” (2) “ix-​xewqa taʼ l-​għajnejn,” u (3) “l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” Satana uża dawn biex jittanta lil Ġesù fix-​xagħri. Peress li ilu snin sħaħ jipprattika kif juża dawn in-​nases, Satana llum jużahom b’mod effettiv, billi jadatta l-​metodu tiegħu għall-​ġibdiet taʼ kull persuna. Qabel ma nsiru nafu kif nipproteġu ruħna, ejja naraw kif ix-​Xitan irnexxielu jqarraq b’Eva imma ma rnexxilux iqarraq bl-​Iben t’Alla.

“IX-​XEWQA TAL-​LAĦAM”

“Satana uża “x-​xewqa tal-​laħam” biex iqarraq b’Eva (Ara paragrafu 7)

7. Satana kif uża “x-​xewqa tal-​laħam” biex jittanta lil Eva?

7 Il-​bnedmin kollha jeħtieġu l-​ikel biex jgħixu. Il-​Ħallieq iddisinja l-​art biex tipproduċi ħafna ikel. Satana għandu mnejn jipprova juża x-​xewqa naturali tagħna għall-​ikel biex jittantana nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobx lil Alla. Ikkunsidra kif għamel hekk lil Eva. (Aqra Ġenesi 3:1-​6.) Satana qal lil Eva li setgħet tiekol mill-​frott tas-​“siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin” mingħajr ma tmut, billi qal li dakinhar li tiekol minnu kienet se ssir bħal Alla. (Ġen. 2:9) Ix-​Xitan b’hekk ta x’jifhem li Eva ma kellhiex għalfejn tkun ubbidjenti lejn Alla biex tgħix. X’gidba sfaċċata kienet din! Wara li x-​Xitan daħħlilha din l-​idea f’moħħha, hi kellha żewġ għażliet: Setgħet twarrab l-​idea jew setgħet tibqaʼ thewden fuqha, u b’hekk tħalli x-​xewqa tagħha għall-​frott tikber. Avolja setgħet tiekol mis-​siġar kollha l-​oħra, hi għażlet li tibqaʼ thewden fuq dak li qal Satana dwar is-​siġra f’nofs il-​ġnien u hi “ħadet mill-​frott u kilitu.” B’hekk, Satana nissel fiha xewqa għal xi ħaġa li l-​Ħallieq tagħha kien ipprojbixxa.

Ġesù qatt ma nesa x’kien l-​iktar importanti (Ara paragrafu 8)

8. Billi uża “x-​xewqa tal-​laħam,” Satana kif ipprova jittanta lil Ġesù, u din it-​tentazzjoni għala ma rnexxietx?

8 Satana uża tattika simili meta pprova jittanta lil Ġesù fix-​xagħri. Wara li Ġesù kien sam għal 40 jum u 40 lejl, Satana pprova jittantah billi juża x-​xewqa għall-​ikel. “Jekk int bin Alla,” qal Satana, “għid lil din il-​ġebla ssir ħobża.” (Lq. 4:1-​3) Ġesù kellu żewġ għażliet: Setaʼ jagħżel li ma jużax il-​qawwa mirakoluża tiegħu biex jissodisfa l-​bżonn għall-​ikel jew setaʼ jagħżel li jużaha. Ġesù kien jaf li ma kellux juża din il-​qawwa għal skopijiet egoistiċi. Għalkemm kien bil-​ġuħ, il-​ħbiberija tiegħu m’Alla kienet iktar importanti għalih mill-​ikel. “Hu miktub,” wieġeb Ġesù, “‘Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.’”—Mt. 4:4.

“IX-​XEWQA TAʼ L-​GĦAJNEJN”

9. L-​espressjoni “x-​xewqa taʼ l-​għajnejn” x’tagħti x’jifhem, u Satana kif uża din it-​tattika m’Eva?

9 Ġwanni semma wkoll “ix-​xewqa taʼ l-​għajnejn” bħala tattika oħra taʼ Satana. L-​espressjoni tagħti x’jifhem li dak li jkun jistaʼ jibda jixxennaq għal xi ħaġa billi sempliċement iħares lejha. Satana uża din ix-​xewqa biex iqarraq b’Eva u qal: “Għajnejkom jinfetħu.” Iktar ma Eva ħarset lejn il-​frott projbit, iktar sar attraenti għaliha. Eva rat li s-​siġra ‘kienet tiġbed l-​għajn.”

10. Satana b’liema mod uża “x-​xewqa taʼ l-​għajnejn” biex jittanta lil Ġesù, u Ġesù kif wieġeb?

10 Xi ngħidu fil-​każ taʼ Ġesù? Satana lil Ġesù “wrieh is-​saltniet kollha taʼ l-​art abitata f’ħakka t’għajn; u x-​Xitan qallu: ‘Nagħtik l-​awtorità fuq dawn kollha, u l-​glorja tagħhom.’” (Lq. 4:5, 6) Dak li ra Ġesù ma kienx verament is-​saltniet kollha tal-​art, imma viżjoni tal-​glorja tagħhom. Satana bilfors li ħass li Ġesù kien se jitħajjar b’dak li ra. B’tustaġni, Satana qal: “Jekk tagħmel att taʼ qima quddiemi, kollha tkun tiegħek.” (Lq. 4:7) Ġesù bl-​ebda mod ma ried ikun it-​tip taʼ persuna li Satana riedu jkun. Hu wieġbu minnufih, billi qal: “Hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’”—Lq. 4:8.

“L-​IFFANFRAR BIL-​MEZZI TAL-​ĦAJJA”

11. Eva kif ġiet imqarrqa minn Satana?

11 Fl-​aħħar, Ġwanni jsemmi “l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” Meta Adam u Eva kienu l-​uniċi bnedmin fuq l-​art, naturalment ma setgħux ‘jiffanfraw bil-​mezzi tal-​ħajja’ quddiem nies oħra. Imma huma wrew il-​kburija. Meta Satana ttanta lil Eva, hu ta x’jifhem li Alla kien ċaħħadha minn xi ħaġa meraviljuża. Ix-​Xitan qalilha li dakinhar stess li tiekol “mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin,” hi kienet se ‘tkun bħal Alla, tagħraf it-​tajjeb u l-​ħażin.’ (Ġen. 2:17; 3:5) Satana b’hekk issuġġerixxa li Eva setgħet tkun indipendenti minn Ġeħova. Il-​kburija għandha mnejn kienet raġuni waħda għala Eva emmnet din il-​gidba. Hi kielet mill-​frott projbit u ħasbet li ma kinitx se tmut. Kemm kienet żbaljata!

12. X’kien mod ieħor kif Satana pprova jittanta lil Ġesù, u Ġesù kif wieġeb?

12 B’kuntrast għal Eva, x’eżempju mill-​isbaħ t’umiltà ħalla Ġesù! Satana pprova jittantah b’mod ieħor, imma Ġesù ċaħad saħansitra s-​sempliċi ħsieb li jagħmel xi ħaġa drammatika li kienet se tgħaddi lil Alla minn prova. Dan kieku kien ikun att taʼ kburija! Minflok, it-​tweġiba taʼ Ġesù kienet ċara u tonda: “Jingħad, ‘Tgħaddix lil Ġeħova Alla tiegħek minn prova.’”—Aqra Luqa 4:9-​12.

KIF NISTGĦU NIPPROTEĠU R-​RELAZZJONI TAGĦNA MAʼ ĠEĦOVA?

13, 14. Satana kif jipprova jqarraq bina llum?

13 Illum, Satana juża l-​istess tattiki li uża fuq Eva u Ġesù. Hu juża “x-​xewqa tal-​laħam” biex iħajjar lin-​nies jagħmlu xi ħaġa immorali jew biex jieklu u jixorbu żżejjed. Hu juża “x-​xewqa taʼ l-​għajnejn” biex iħajjar lin-​nies jaraw il-​pornografija, speċjalment fuq l-​Internet. U juża x-​xewqa tal-​“iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja” biex jipprova jġiegħel lin-​nies jitkabbru u jkunu jridu l-​qawwa, il-​fama, u iktar u iktar affarijiet materjali.

Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuk f’dawn is-​sitwazzjonijiet? (Ara paragrafi 13, 14)

14 “Dak li hemm fid-​dinja” hu bħal lixka taʼ sajjied. Tiġbed l-​għajn, imma mwaħħla maʼ kull lixka hemm sunnara. Satana juża affarijiet li n-​nies għandhom mnejn iqisuhom bħala bżonnijiet normali taʼ kuljum biex iġegħelhom ikunu jridu jagħmlu dak li jmur kontra l-​liġijiet t’Alla. Satana jridna nemmnu li hu iktar importanti li nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet persunali tagħna u li nagħmlu ħajjitna komda milli nagħmlu r-​rieda t’Alla. Int se tiġi mqarraq minn Satana?

15. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nirreżistu t-​tentazzjonijiet taʼ Satana?

15 Għalkemm Eva ċediet għat-​tentazzjonijiet taʼ Satana, Ġesù b’suċċess irreżistiehom. Kull darba, hu ta tweġiba mill-​Iskrittura, billi qal: “Hu miktub” jew “Jingħad.” Jekk aħna studenti diliġenti tal-​Bibbja, se nkunu midħla sew tal-​Iskrittura u se nkunu kapaċi niftakru f’versi li jistgħu jgħinuna meta niġu ttantati. (Salm 1:1, 2) Li niftakru fl-​eżempji taʼ qaddejja leali t’Alla se jgħinna biex nimitawhom. (Rum. 15:4) Aħna se niġu protetti jekk ikollna rispett profond għal Ġeħova, jiġifieri, jekk inħobbu dak li hu jħobb u nobogħdu dak li hu jobgħod.—Salm 97:10.

16, 17. “Il-​qawwa tar-​raġuni” tagħna kif tistaʼ teffettwa t-​tip taʼ persuna li aħna?

16 L-​appostlu Pawlu jinkuraġġina biex nużaw “il-​qawwa tar-​raġuni” tagħna ħalli nsiru t-​tip taʼ persuna li taħseb kif jaħseb Ġeħova, mhux kif taħseb id-​dinja. (Rum. 12:1, 2) Pawlu jfakkarna li għandna nikkontrollaw b’attenzjoni dak li naħsbu dwaru. Hu qal: “Qed inwaqqgħu r-​raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-​għarfien dwar Alla; u qed injassru kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-​Kristu.” (2 Kor. 10:5) Il-​ħsibijiet tagħna għandhom effett qawwi fuq x’tip taʼ persuna aħna, allura għandna bżonn ‘inkomplu naħsbu’ dwar affarijiet li jibnu.—Flp. 4:8.

17 Jekk irridu nkunu qaddisin, għandna niċħdu ħsibijiet u xewqat ħżiena. Għandna nħobbu lil Ġeħova b’“qalb nadifa.” (1 Tim. 1:5) Imma l-​qalb hi qarrieqa, u għandna mnejn lanqas nindunaw kemm ikun qed jeffettwana “dak li hemm fid-​dinja.” (Ġer. 17:9) Allura hu importanti li nsegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-​fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” Hekk kif nistudjaw il-​Bibbja, għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Il-​ħsibijiet u x-​xewqat tiegħi jogħġbuh lil Alla?’—2 Kor. 13:5.

18, 19. Għala għandna nkunu determinati li nkunu t-​tip taʼ persuna li Ġeħova jridna nkunu?

18 Xi ħaġa oħra li tgħinna nirreżistu “dak li hemm fid-​dinja” hi li nżommu f’moħħna l-​kliem imnebbaħ taʼ Ġwanni: “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġw. 2:17) Is-​sistema taʼ Satana tidher li hi permanenti. Minkejja dan, xi darba se tispiċċa. Il-​fatt li niftakru li kull ħaġa f’din id-​dinja dalwaqt se tgħib se jgħinna biex ma nitqarrqux minn Satana.

19 L-​appostlu Pietru jħeġġiġna biex inkunu t-​tip taʼ persuna li Alla japprova hekk kif ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova, jum li permezz tiegħu s-​smewwiet jinħallu għax ikunu jaqbdu bin-​nar, u l-​elementi tant ikunu jikwu li jdubu!’ (2 Pt. 3:12) Dan il-​jum dalwaqt jasal u Ġeħova se jeqred kull parti mid-​dinja taʼ Satana. Sadanittant, Satana se jkompli juża “dak li hemm fid-​dinja” biex jittantana, bħalma ttanta kemm lil Eva kif ukoll lil Ġesù. M’għandniex inkunu bħal Eva u nfittxu li nissodisfaw ix-​xewqat tagħna stess. Jekk nagħmlu hekk inkunu bħallikieku qed nagħmlu lil Satana l-​alla tagħna. Aħna rridu nkunu bħal Ġesù u nirreżistu dawn it-​tentazzjonijiet, minkejja kemm Satana jagħmilhom jidhru sbieħ. Jalla kull wieħed minna jkun determinat li jkun it-​tip taʼ persuna li Ġeħova jridna nkunu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja