LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 3/1 pp. 7-9
  • Insib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA JSIR REALI GĦALIJA
  • INSIB KIF NGĦIX BI SKOP
  • ĠEĦOVA JIBQAʼ JIEĦU ĦSIEBI
  • Insib il-Ferħ Minkejja d-Diżabilitajiet Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Xi ngħidu jekk għandi problema taʼ saħħa? (It-3 parti)
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Sibt it-tama meta l-iktar kelli bżonnha
    Stenbaħ!—2014
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 3/1 pp. 7-9
Maite Morlans tipprietka l-​aħbar tajba bit-​telefown mis-​siġġu tar-​roti

BIJOGRAFIJA

Insib is-​saħħa fid-​dgħufija tiegħi

Kif rakkontata minn Maite Morlans

Kulħadd jaħseb li jien xi waħda dgħajfa meta jara mara li tiżen biss 29 kilogramm bilqiegħda f’siġġu tar-​roti. Iżda hekk kif ġismi jiddgħajjef, saħħa ġewwinija tagħtini spinta ’l quddiem. Ħalli nispjega kif is-​saħħa u d-​dgħufija fassluli ħajti.

Maite fi Franza, t’erbaʼ snin

Meta kelli erbaʼ snin

Meta naħseb fi tfuliti nġib quddiem għajnejja memorji taʼ żmien sabiħ f’dar fil-​kampanja fin-​Nofsinhar taʼ Franza, fejn kienu joqogħdu l-​ġenituri tiegħi. Missieri għamilli bandla, u kont inħobb niġri fil-​ġnien. Fl-​1966, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bdew jiġu għandna u jitkellmu fit-​tul maʼ missieri. Wara sebaʼ xhur biss, hu ddeċieda li jsir Xhud. Ommi malajr għamlet bħalu, u huma rabbewni f’ambjent kollu mħabba.

Il-​problemi tiegħi bdew ftit wara li morna lura Spanja, pajjiż il-​ġenituri tiegħi. Bdejt inħoss uġigħ qawwi għal għarrieda f’idejja u fl-​għekiesi. Wara sentejn ġejjin u sejrin għand it-​tobba, sibna rewmatologu magħruf, li b’dispjaċir qal, “Tard wisq.” Ommi nfexxet tibki. Espressjonijiet strambi, bħal “mard kroniku awtoimmuni” u “poliartrite tat-​tfulija,”a bdew jidwu f’dik il-​kamra li tagħmillek id-​dwejjaq. Għalkemm bħala tifla t’għaxar snin ftit fhimt, irrealizzajt li l-​aħbar kienet waħda ħażina.

It-​tabib issuġġerixxa kura fi sptar tat-​tfal. Meta wasalt, dak il-​bini ċass għamilli d-​dwejjaq. Id-​dixxiplina kienet stretta: Is-​sorijiet qatgħuli xagħri u libbsuni uniformi antikwata. ‘Kif nistaʼ nissaporti ngħix hawn?’ ħsibt bid-​dmugħ f’għajnejja.

ĠEĦOVA JSIR REALI GĦALIJA

Peress li l-​ġenituri kienu għallmuni naqdi lil Ġeħova, jien irrifjutajt li nieħu sehem fir-​ritwali Kattoliċi fl-​isptar. Is-​sorijiet sabuha diffiċli biex jifhmu għala rrifjutajt. Tlabt bil-​qalb lil Ġeħova biex ma jitlaqnix, u malajr ħassejt bħallikieku dirgħajh madwari biex jipproteġuni, bħalma missier jgħannaq bi mħabba lil uliedu.

Il-​ġenituri kellhom permess iżuruni għal ftit ħin nhar taʼ Sibt. Kienu jġibuli pubblikazzjonijiet Bibliċi biex naqrahom u nsaħħaħ il-​fidi. Normalment, it-​tfal ma kinux jitħallew ikollhom il-​kotba tagħhom, iżda lili s-​sorijiet ħallewni nżommhom flimkien mal-​Bibbja tiegħi, li kont naqra kuljum. Ukoll, tkellimt maʼ tfal oħrajn dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna tal-​Art, fejn ħadd ma kien se jimrad. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Minkejja li kultant ħassejtni mdejqa u waħdi, kont kuntenta li l-​fidi u t-​tama tiegħi f’Ġeħova kienu qed jissaħħu.

Wara sitt xhur twal, it-​tobba bagħtuni d-​dar. Il-​marda tiegħi ma ċedietx iżda kont ferħana li nerġaʼ nkun mal-​ġenituri. Il-​ġogi tiegħi saru iżjed sfigurati u ħassejtni iktar muġugħa. Bdejt is-​snin tal-​adoloxxenza fi stat debboli ħafna. Madankollu, meta kelli 14-​il sena tgħammidt u kont determinata li naqdi lil Missieri tas-​sema bl-​aħjar mod li nistaʼ. Iżda kultant ħassejtni diżappuntata bih. “Għala jien? Fejjaqni, jekk jogħġbok,” tlabt. “M’intix tara kemm qed insofri?”

L-​adoloxxenza kienet żmien diffiċli għalija. Kelli naċċetta li ma kienx se jgħaddili. Ma stajtx nieqaf inqabbel lili nnifsi maʼ ħbiebi—li kienu tant f’saħħithom u mimlijin enerġija. Ħassejtni inferjuri u ngħalaqt fija nnifsi. Minkejja dan, il-​familja u l-​ħbieb appoġġawni. Niftakar b’għożża lil Alicia li kienet 20 sena ikbar minni u li saret ħabiba taʼ veru tiegħi. Hi għenitni biex ma nkomplix nikkonċentra fuq il-​mard tiegħi u biex ninteressa ruħi f’oħrajn minflok ma noqgħod inħammem fuq il-​problemi tiegħi stess.

INSIB KIF NGĦIX BI SKOP

Meta kelli 18-​il sena rkadejt bl-​ikrah u kont ninfileġ anke biex nattendi l-​laqgħat Kristjani. Minkejja dan, ħadt vantaġġ mill-​“ħin liberu” kollu tiegħi d-​dar biex nistudja sewwa l-​Bibbja. Il-​ktieb taʼ Ġob u dak tas-​Salmi għenuni nifhem li fil-​preżent Alla Ġeħova jieħu ħsiebna primarjament fl-​affarijiet spiritwali iktar milli dawk fiżiċi. It-​talb taʼ sikwit tiegħi tani “l-​qawwa iktar min-​normal” u “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—2 Korintin 4:7; Filippin 4:6, 7.

Taʼ 22 sena kelli naċċetta li ngħaddi l-​kumplament taʼ ħajti f’siġġu tar-​roti. Bżajt li n-​nies ma kinux se jibqgħu jagħtu kasi u jaraw biss siġġu tar-​roti b’mara marradija ġo fih. Madankollu, is-​siġġu tar-​roti reġaʼ kisibli ftit mill-​indipendenza tiegħi, u dis-​“saħta” saret barka. Ħabiba jisimha Isabel issuġġerietli nagħmel mira personali taʼ li nqattaʼ 60 siegħa fix-​xogħol tal-​ippritkar magħha għal xahar.

Għall-​ewwel ħsibt li l-​idea kienet banali. Imma tlabt lil Ġeħova jgħinni u bl-​appoġġ tal-​familja u l-​ħbieb irnexxieli. Dak ix-​xahar t’attività kontinwa għadda malajr, u sibt li kont għelibt il-​biżaʼ u l-​mistħija li kelli. Tant ħadt gost li fl-​1996 iddeċidejt li nsir pijuniera regulari—billi nqattaʼ ammont fiss taʼ sigħat kull xahar fil-​ministeru. Kienet waħda mill-​aħjar deċiżjonijiet li ħadt, għenitni nersaq eqreb lejn Alla, u saħħitni fiżikament ukoll. Il-​parteċipazzjoni fil-​ministeru ppermettietli naqsam il-​fidi tiegħi maʼ ħafna nies u ngħin lil ftit minnhom isiru l-​ħbieb t’Alla.

ĠEĦOVA JIBQAʼ JIEĦU ĦSIEBI

Fis-​sajf tal-​2001 kelli aċċident ikrah bil-​karozza u ksirt saqajja. Hekk kif kont f’qiegħ taʼ sodda fl-​isptar b’uġigħ insapportabbli, għedt talba bil-​ħrara ġo qalbi: “Jekk jogħġbok, Ġeħova, tħallinix!” Proprju dak il-​ħin, mara li kienet f’sodda fil-​qrib staqsietni, “Int waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?” Ma kellix saħħa nwiġibha, allura għamilt sinjal b’rasi biss. “Nafkom lilkom! Ġieli naqra r-​rivisti tagħkom,” hi qalet. Dak il-​kliem farraġni ħafna. Anke fl-​istat magħdur li kont fih stajt nagħti xhieda dwar Ġeħova. X’unur!

Meta ġejt xi ftit ’il quddiem, iddeċidejt li nerġaʼ nagħti xhieda. Ommi kienet iddawwarni mas-​sala tal-​isptar fis-​siġġu tar-​roti, b’saqajja fil-​ġibs. Kull ġurnata konna nżuru xi ftit pazjenti, nistaqsuhom kif kienu, u nħallulhom xi letteratura Biblika. Dawk iż-​żjajjar kienu jgħejjuni, iżda Ġeħova tani s-​saħħa li kelli bżonn.

Maite mal-​ġenituri tagħha

Mal-​ġenituri fl-​2003

Fl-​aħħar ftit snin, l-​uġigħ żdiedli u t-​telfa taʼ missieri żiditli n-​niket tiegħi. Xorta waħda, nipprova nżomm attitudni pożittiva. Kif? Kull meta jkun possibbli, nipprova nkun mal-​ħbieb u l-​qraba, u dan jgħinni ma nkomplix nhewden fuq il-​problemi tiegħi. U meta nkun waħdi, noqgħod naqra, nistudja l-​Bibbja, jew nipprietka lil oħrajn bit-​telefown.

Spiss ngħalaq għajnejja u niftaħ it-​“tieqa” privata tiegħi li tagħti għad-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla

Nipprova wkoll nieħu pjaċir b’affarijiet sempliċi bħal xi żiffa fuq wiċċi jew il-​fwieħa tal-​fjuri. Dawn jimlewni b’apprezzament. Li tkun taf tiċċajta jagħmel il-​mirakli wkoll. Ġurnata minnhom waqt li kont qed nipprietka, ħabibti, li kienet qed timbottani fis-​siġġu tar-​roti, waqfet biex tieħu xi noti. F’daqqa waħda sibt ruħi għan-​niżla bla kontroll sakemm ħbatt maʼ karozza pparkjata. It-​tnejn li aħna ħadna qatgħa, imma meta rajna li ma ġara xejn serju dħaqna waħda bil-​qalb.

Maite Morlans

Hemm ħafna affarijiet fil-​ħajja li ma nistax nagħmel. Jien insejħilhom xewqat mhux imwettqin. Spiss ngħalaq għajnejja u niftaħ it-​“tieqa” privata tiegħi li tagħti għad-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla. (2 Pietru 3:13) Nimmaġina lili nnifsi f’saħħti, nippassiġġa, u ngawdi l-​ħajja bis-​sħiħ. Jien ngħożż kliem is-​Sultan David: “Ittama f’Ġeħova; kun kuraġġuż u qawwi qalbek.” (Salm 27:14) Għalkemm ġismi sar iżjed u iżjed fraġli, Ġeħova saħħaħni. Qed inkompli nsib is-​saħħa fid-​dgħufija tiegħi.

a Il-​poliartrite tat-​tfulija hija tip t’artrite kronika li teffettwa lit-​tfal. Is-​sistema tal-​immunità tal-​ġisem stess tattakka u teqred gruppi taʼ ċelluli f’saħħithom, u tikkaġuna wġigħ u nefħa fil-​ġogi.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja