LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 4/1 pp. 8-9
  • Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Materjal Simili
  • Abbandunata mill-Ġenituri Maħbuba minn Alla
    Stenbaħ!—2001
  • Kif Qtajt l-Għatx Spiritwali Tiegħi
    Stenbaħ!—2003
  • Sorijiet li issa huma aħwa spiritwali taʼ veru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Kien taʼ Sfida u taʼ Ferħ li Rrabbi Tmint Itfal fil-Mogħdijiet taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 4/1 pp. 8-9
Isolina Lamela tgawdi ikla mal-​ħbieb

IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

Weġbuli kull mistoqsija mill-​Bibbja!

Kif rakkontata minn Isolina Lamela

  • SENA TAT-​TWELID: 1950

  • POST TAT-​TWELID: SPANJA

  • PASSAT: SORU KATTOLIKA

Isolina fil-​kunvent

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Meta twelidt, il-​ġenituri kellhom razzett żgħir f’villaġġ fl-​imwarrab f’Galicia, fil-​Majjistral taʼ Spanja. Jien kont ir-​rabaʼ minn tmint itfal. Kellna atmosfera taʼ mħabba d-​dar. Dak iż-​żmien fi Spanja, kienet xi ħaġa komuni li mill-​inqas xi ħadd mit-​tfal taʼ kull familja jsir qassis jew soru. Fil-​familja tagħna, tlieta minna ħadna dak il-​pass.

Meta kelli 13-​il sena, jien ingħaqadt m’oħti f’kunvent f’Madrid. L-​ambjent fil-​kunvent ma kienx jilqgħek. Il-​ħbiberija ma kinitx teżisti—regoli, talb, u dixxiplina biss. Kmieni filgħodu, konna ninġabru fil-​kappella biex nimmeditaw, għalkemm spiss ma kont naħseb f’xejn. Imbagħad konna nkantaw għanjiet reliġjużi u nisimgħu quddiesa, kollox bil-​Latin. Jien ma kont nifhem prattikament xejn u ħassejtni bħallikieku Alla kien ’il bogħod minni. Il-​ġranet għaddew f’silenzju assolut. Anke meta kont niltaqaʼ maʼ oħti, kulma konna ngħidu kien, “Sliem għalik Marija l-​iktar pura.” Is-​sorijiet kienu jħalluna nitkellmu nofs siegħa biss wara l-​ikel. X’differenza mill-​ħajja tal-​familja ferħana li kellna d-​dar! Ħassejtni iżolata u sikwit kont nibki.

Għalkemm qatt ma ħassejtni qrib t’Alla, ħadt il-​wegħdiet tiegħi taʼ soru fl-​età taʼ 17-​il sena. Fir-​realtà, għamilt sempliċement dak li kien mistenni minni, imma f’qasir żmien bdejt niddubita jekk kellix il-​vokazzjoni. Is-​sorijiet kienu jgħidu li dawk li kellhom dubji bħal dawn kienu se jispiċċaw fin-​nar tal-​infern! Xorta waħda bqajt dubjuża. Kont naf li Ġesù Kristu ma kienx iżola lilu nnifsu; pjuttost, kien bieżel jgħallem u jgħin lil oħrajn. (Mattew 4:23-​25) Sa ma kelli 20, ma kelli ebda raġuni ċara għala kelli nibqaʼ soru. Bqajt skantata meta l-​madre qaltli li jekk kont bejn ħaltejn, aħjar nitlaq mill-​iktar fis possibbli. Nissuspetta li beżgħet li stajt ninfluwenza lill-​oħrajn. Għalhekk, tlaqt mill-​kunvent.

Meta rritornajt id-​dar, il-​ġenituri kkumpatewni. Imma ladarba ma kienx hemm xogħol fir-​raħal tagħna, emigrajt lejn il-​Ġermanja, fejn kien jgħix wieħed minn ħuti s-​subien. Hu kien fi grupp Komunista attiv taʼ immigranti Spanjoli. Kont komda fost dawk in-​nies li kienu jiġġieldu għad-​drittijiet tal-​ħaddiem u l-​ugwaljanza għan-​nisa. Għalhekk, sirt Komunista u eventwalment iżżewwiġt membru tal-​grupp. Ħsibt li kont qed nagħmel xi ħaġa għall-​ġid, inqassam letteratura Komunista u nieħu sehem f’marċi taʼ protesta.

Però, maż-​żmien erġajt skuraġġejt ruħi. Ħassejt li l-​Komunisti spiss naqsu li jipprattikaw dak li kienu jgħidu. Dawk id-​dubji ġew ikkonfermati meta fl-​1971 xi membri żgħażagħ tal-​grupp ħarqu l-​Konsolat taʼ Spanja fi Frankfurt. Dan għamluh biex jipprotestaw kontra l-​inġustizzja fi Spanja dittatorjali. Imma jien kont nemmen li kien ħażin li tesprimi l-​korla b’dan il-​mod.

Meta twilditli l-​ewwel tarbija, għedt lir-​raġel tiegħi li kont se nieqaf nattendi l-​laqgħat tal-​Komunisti. Ħassejt solitudni kbira għax ħadd mill-​ħbieb li kelli qabel ma ġie jara lili u lit-​tarbija tiegħi. Ħsibt dwar l-​iskop tal-​ħajja. Kien vallapena tagħmel sforz biex ittejjeb is-​soċjetà?

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Fl-​1976, żewġ Xhieda Spanjoli ħabbtulna l-​bieb u offrewli xi letteratura Biblika, li aċċettajt. Fit-​tieni żjara tagħhom bdejt infajrilhom mistoqsijiet dwar it-​tbatija, l-​inugwaljanza, u l-​inġustizzja. Bqajt sorpriża meta weġbuli kull mistoqsija mill-​Bibbja! Aċċettajt studju tal-​Bibbja bil-​ħerqa.

Għall-​ewwel, kont sempliċement interessata nitgħallem il-​fatti. Imma l-​affarijiet inbidlu meta jien u r-​raġel bdejna nattendu l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Sa dak iż-​żmien kellna żewġ subien. Ix-​Xhieda b’qalb tajba kienu jgħaddu għalina u għenuna nieħdu ħsieb it-​tfal waqt il-​laqgħat. B’hekk, żviluppajt imħabba għax-​Xhieda.

Minkejja dan, xorta waħda kelli xi dubji reliġjużi. Iddeċidejt li nżur lill-​familja tiegħi fi Spanja. Zijuwi, qassis, ipprova jaqtagħli qalbi milli nistudja l-​Bibbja. Imma x-​Xhieda lokali għenuni ħafna. Weġbuli l-​mistoqsijiet tiegħi mill-​Bibbja, bħalma għamlu x-​Xhieda fil-​Ġermanja. Iddeċidejt li nerġaʼ nibda nistudja meta nirritorna l-​Ġermanja. Għalkemm żewġi ddeċieda li ma jkomplix jistudja l-​Bibbja, jien bqajt iddeterminata. Tgħammidt bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1978.

KIF IBBENEFIKAJT:

Għarfien eżatt dwar veritajiet Bibliċi tani skop ċar u direzzjoni f’ħajti. Pereżempju, l-​1 Pietru 3:1-​4 jħeġġeġ lin-​nisa biex ‘ikunu sottomessi lejn żwieġhom’ u juru “rispett profond” u “spirtu . . . ġwejjed . . . li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.” Prinċipji bħal dawn għenuni nwettaq l-​irwol tiegħi bħala mara miżżewġa u omm.

Isolina fil-​ministeru pubbliku, turi lil waħda mara tweġibiet mill-​Bibbja

Għaddew xi 35 sena mindu sirt Xhud. Inħossni ferħana naqdi lil Alla f’familja spiritwali vera, u hi l-​għaxqa tiegħi li erbgħa mill-​ħamest itfal tiegħi jaqduh ukoll.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja