LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 5/15 pp. 21-25
  • Ġeħova hu Alla t’organizzazzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova hu Alla t’organizzazzjoni
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​POPLU ORGANIZZAT T’ALLA FIŻ-​ŻMINIJIET TAL-​QEDEM
  • IL-​KRISTJANI TAL-​BIDU KIENU ORGANIZZATI
  • IL-​QADDEJJA T’ALLA JSALVAW
  • L-Organizzazzjoni Viżibbli T’Alla
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Il-Qaddejja t’Alla—Poplu Organizzat u Hieni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ibqaʼ fis-Sigurtà Bħala Parti mill-Organizzazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 5/15 pp. 21-25
Noè u tnejn minn uliedu qed ilestu l-​affarijiet qabel id-​dulluvju

Ġeħova hu Alla t’organizzazzjoni

“Alla m’huwiex Alla tad-​diżordni, imma tal-​paċi.” —1 KOR. 14:33.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Liema organizzazzjoni teżisti fis-​sema?

  • Ġeħova għala salva lil Noè u lil Raħab?

  • Ir-​rakkonti dwar Iżrael tal-​qedem u l-​Kristjanità tal-​ewwel seklu kif juru li Ġeħova hu Alla t’organizzazzjoni?

1, 2. (a) Min kien l-​ewwel ħolqien t’Alla, u Ġeħova kif użah? (b) Kif nafu li l-​anġli huma organizzati?

IL-​Ħallieq tagħna, Ġeħova, jagħmel kollox b’mod organizzat. L-​ewwel, hu ħalaq lil Ibnu, Ġesù. Il-​Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-​Kelma” għaliex hu l-​iktar rappreżentant importanti t’Alla. Hi tgħid: “Fil-​bidu kien il-​Kelma, u l-​Kelma kien m’Alla.” Hu ilu jaqdi lil Ġeħova fis-​sema miljuni taʼ snin. Il-​Bibbja tgħid ukoll dwar Ġesù: “Kollox beda jeżisti permezz tiegħu, u mingħajru xejn ma beda jeżisti.” Ftit iktar minn 2,000 sena ilu, Alla bagħat lill-​Kelma fuq l-​art, fejn lealment għamel ir-​rieda taʼ Missieru bħala r-​raġel perfett Ġesù Kristu.—Ġw. 1:1-​3, 14.

2 Qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù qeda lealment bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla. (Prov. 8:30) Permezz taʼ Ġesù, Ġeħova ħalaq miljuni t’anġli fis-​sema. (Kol. 1:16) Il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova għandu armati t’anġli organizzati sew: “Hemm elf eluf li kienu jaqduh kontinwament, u għaxart elef għal għaxart elef darba li kienu weqfin quddiemu.”—Salm 103:21; Dan. 7:10.

3. Kemm hemm stilel u pjaneti, u kif inhuma organizzati?

3 Meta Ġeħova ħalaq l-​univers, hu tant ħalaq stilel u pjaneti li qatt ma tistaʼ tgħoddhom kollha. Kemm hemm? Gazzetta waħda fi Houston, Texas, irrapportat li wara studju reċenti, ix-​xjentisti issa jaħsbu li hemm “300 sistiljun” stilla u pjaneta fl-​univers. (Chronicle) Jiġifieri n-​numru 3 bi 23 żero warajh! Huma organizzati dawn l-​istilel u pjaneti? Iva, gruppi taʼ stilel huma organizzati f’galassji. Kull galassja fiha ħafna pjaneti u biljuni jew saħansitra triljuni taʼ stilel. Il-​biċċa l-​kbira mill-​galassji mbagħad huma organizzati fi gruppi kbar u dawn il-​gruppi huma organizzati fi gruppi ġganteski.

4. Kif nafu li Alla jorganizza lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art?

4 L-​anġli fis-​sema u l-​istilel u l-​pjaneti fl-​univers huma organizzati b’mod tal-​għaġeb. (Is. 40:26) Allura nistgħu nikkonkludu li l-​Ħallieq tagħna jorganizza wkoll lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art. Huwa vitali għalihom li jkunu organizzati sew għax għandhom ħafna xogħol importanti x’jagħmlu. Għal eluf taʼ snin, Ġeħova organizza lill-​poplu tiegħu biex ikunu jistgħu jaqduh lealment. Hemm bosta eżempji li juru li hu kien magħhom u li “m’huwiex Alla tad-​diżordni, imma tal-​paċi.”—Aqra l-​1 Korintin 14:33, 40.

IL-​POPLU ORGANIZZAT T’ALLA FIŻ-​ŻMINIJIET TAL-​QEDEM

5. L-​iskop t’Alla għall-​art kif ġie mfixkel?

5 Meta Ġeħova ħalaq l-​ewwel bnedmin, hu qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha, u ħa jkunu sottomessi lejkom il-​ħut tal-​baħar u l-​ħlejjaq li jtiru fis-​smewwiet u kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-​art.” (Ġen. 1:28) Il-​familja umana kellha tikber b’mod organizzat biex jimlew l-​art u jkabbru l-​Ġenna tal-​art sakemm tkopri d-​dinja kollha kemm hi. Meta Adam u Eva m’obdewx lil Alla, dan l-​iskop ġie mfixkel għal xi żmien. (Ġen. 3:1-​6) Maż-​żmien, “Ġeħova ra li l-​ħażen tal-​bniedem kien kotran fuq l-​art u kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-​ħin kollu.” Minħabba f’hekk, “l-​art kienet rovinata f’għajnejn l-​Alla l-​veru u mtliet bil-​vjolenza.” Għalhekk, Alla ddeċieda li jġib dulluvju globali li kien se jeqred lil dawk mill-​agħar.—Ġen. 6:5, 11-​13, 17.

6, 7. (a) Ġeħova għala salva lil Noè? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’ġara min-​nies żleali kollha fi żmien Noè?

6 Madankollu, “Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova” għax “kien raġel sewwa” li “wera li kien bla nuqqas fost in-​nies taʼ żmienu.” Minħabba li “Noè mexa maʼ l-​Alla l-​veru,” Ġeħova tah istruzzjoni biex jibni arka kbira ħafna. (Ġen. 6:8, 9, 14-​16) L-​arka kienet disinjata biex tifflowtja fuq l-​ilma ħalli n-​nies u l-​annimali ġo fiha jsalvaw mid-​Dulluvju. B’ubbidjenza, “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Ġeħova,” u bil-​kooperazzjoni tal-​familja tiegħu, hu lesta x-​xogħol tal-​bini b’mod organizzat. Wara li l-​annimali ddaħħlu fl-​arka, “Ġeħova għalaq il-​bieb.”—Ġen. 7:5, 16.

7 Meta ġie d-​Dulluvju fis-​sena 2370 QEK, Ġeħova “qered kull ħaġa li kienet teżisti f’wiċċ l-​art,” imma hu żamm lil-​leali Noè u lil familtu qawwijin u sħaħ fl-​arka. (Ġen. 7:23) Kull persuna fuq l-​art illum hi dixxendent taʼ Noè, uliedu, u n-​nisa tagħhom. Imma n-​nies żleali kollha barra l-​arka mietu għax ilkoll kienu rrifjutaw li jagħtu widen lil Noè, “predikatur tal-​ġustizzja.”—2 Pt. 2:5.

Noè, familtu, u l-​annimali barra l-​arka wara d-​dulluvju

Organizzazzjoni tajba għenet lil tmien persuni jsalvaw mid-​Dulluvju (Ara paragrafi 6, 7)

8. X’juri li kien hemm organizzazzjoni tajba f’Iżrael meta Alla kkmanda lill-​poplu tiegħu biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda?

8 Iktar minn 800 sena wara d-​Dulluvju, Alla organizza lill-​Iżraelin f’ġens. Hu organizza kull aspett taʼ ħajjithom, speċjalment kif għandhom iqimuh. Pereżempju, minbarra l-​ħafna qassisin u Leviti f’Iżrael kien hemm “nisa li kienu organizzati għas-​servizz fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa.” (Eżo. 38:8) Iżda meta Alla Ġeħova kkmanda lin-​nies taʼ Iżrael biex jidħlu f’Kangħan, din il-​ġenerazzjoni wriet li ma kinitx leali, u hu qalilhom: “Intom, iva, intom, ma tidħlux fl-​art li jien għollejt idi b’ħalfa biex ngħammar magħkom fiha, ħlief Kaleb, bin Ġefunne, u Ġożwè, bin Nun,” għaliex dawn ġabu lura rapport tajjeb wara li marru jitkixxfu l-​Art Imwiegħda. (Num. 14:30, 37, 38) Fi qbil mad-​direzzjoni t’Alla, Mosè iktar tard ħatar lil Ġożwè bħala s-​suċċessur tiegħu. (Num. 27:18-​23) Meta Ġożwè kien se jmexxi lill-​Iżraelin f’Kangħan, intqallu: “Kun kuraġġuż u agħmel il-​ħila. Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.”—Ġoż. 1:9.

9. Raħab kif ħassitha dwar Ġeħova u l-​poplu tiegħu?

9 Alla Ġeħova verament kien maʼ Ġożwè kull fejn mar. Pereżempju, ikkunsidra x’ġara hekk kif l-​Iżraelin kienu kkampjati ħdejn il-​belt Kangħanija taʼ Ġeriko. Fis-​sena 1473 QEK, Ġożwè bagħat żewġt irġiel biex jitkixxfu l-​art taʼ Ġeriko, u hemmhekk iltaqgħu mal-​prostituta Raħab. Xi rġiel mill-​belt ipprovaw jaqbdu lill-​ispiji, imma Raħab ħbiethom fuq il-​bejt tad-​dar tagħha. Hi qalet lill-​ispiji Iżraelin: “Jien tassew naf li Ġeħova se jagħtikom l-​art . . . , għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-​ilmijiet tal-​Baħar l-​Aħmar minn quddiemkom . . . u x’għamiltu liż-​żewġ slaten taʼ l-​Amurrin.” Hi żiedet tgħid: “Ġeħova Alla tagħkom hu Alla fis-​smewwiet hemm fuq u fuq l-​art hawn taħt.” (Ġoż. 2:9-​11) Peress li Raħab appoġġat lill-​poplu magħżul taʼ Ġeħova taʼ dak iż-​żmien, Alla ħa ħsieb li hi u dawk taʼ darha jsalvaw meta l-​Iżraelin għelbu lil Ġeriko. (Ġoż. 6:25) Raħab uriet fidi u rispett profond lejn Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu.

IL-​KRISTJANI TAL-​BIDU KIENU ORGANIZZATI

10. Ġesù x’qalilhom lill-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu, u għala għamel din l-​istqarrija?

10 Taħt it-​tmexxija taʼ Ġożwè, in-​nies t’Iżrael għelbu belt wara l-​oħra u okkupaw l-​art taʼ Kangħan. Imma x’ġara maż-​żmien? Matul is-​sekli, l-​Iżraelin darba wara l-​oħra kisru l-​liġijiet t’Alla. Sakemm Ġesù ġie fuq l-​art, l-​Iżraelin tant kienu saru diżubbidjenti lejn Ġeħova u l-​profeti tiegħu li Ġesù lill-​Iżraelin li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm sejħilhom “il-​qattiela tal-​profeti.” (Aqra Mattew 23:37, 38.) Alla ċaħad lill-​mexxejja reliġjużi Lhud minħabba li kienu diżubbidjenti lejh. Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.”—Mt. 21:43.

11, 12. (a) X’juri li Ġeħova beda japprova organizzazzjoni ġdida minflok il-​ġens t’Iżrael? (b) Min sar parti minn din l-​organizzazzjoni?

11 Fl-​ewwel seklu EK, Ġeħova warrab lill-​ġens żleali t’Iżrael. Madankollu, dan ma fissirx li kien se jibqaʼ bla organizzazzjoni taʼ qaddejja leali fuq l-​art li kienu jobdu lil Kristu u t-​tagħlim tiegħu. Ġeħova beda japprova organizzazzjoni ġdida minflok il-​ġens t’Iżrael fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 EK. Dak iż-​żmien, madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù kienu miġburin f’post f’Ġerusalemm meta “f’daqqa waħda ġie mis-​sema ħoss bħal kurrent taʼ riħ qawwi, u mela d-​dar kollha.” Imbagħad “dehrulhom ilsna qishom tan-​nar li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom, u lkoll imtlew bl-​ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti, bħalma l-​ispirtu kien qed jagħtihom li jitkellmu.” (Atti 2:1-​4) Din il-​ġrajja tal-​għaġeb uriet bla dubju taʼ xejn li Ġeħova kien qed jappoġġa lil din l-​organizzazzjoni ġdida taʼ dixxipli taʼ Kristu.

12 F’dak il-​jum eċċitanti, “żdiedu madwar tlett elef ruħ” mal-​għadd taʼ segwaċi taʼ Ġesù. Barra minn hekk, “Ġeħova kompla jżid magħhom kuljum lil dawk li kienu qed jiġu salvati.” (Atti 2:41, 47) Tant kienet effettiva l-​attività taʼ dawn il-​predikaturi tal-​ewwel seklu li “l-​kelma t’Alla kompliet tikber, u l-​għadd tad-​dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm.” Anki “folla kbira taʼ qassisin bdew jobdu l-​fidi.” (Atti 6:7) B’hekk, ħafna individwi sinċieri aċċettaw il-​veritajiet li xandru l-​membri taʼ din l-​organizzazzjoni l-​ġdida. Iktar tard, Ġeħova ta evidenza simili tal-​appoġġ tiegħu meta beda jdaħħal “in-​nies tal-​ġnus” fil-​kongregazzjoni Kristjana.—Aqra Atti 10:44, 45.

13. X’kien ix-​xogħol tal-​organizzazzjoni l-​ġdida t’Alla?

13 Ma kienx hemm dubju dwar ix-​xogħol li Alla kien ta lis-​segwaċi taʼ Kristu. Ġesù nnifsu kien ħallielhom l-​eżempju, għax ftit wara l-​magħmudija tiegħu, hu beda jipprietka dwar “is-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 4:17) Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-​istess xogħol. Hu qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Is-​segwaċi tal-​bidu taʼ Kristu żgur li fehmu x’kien mitlub minnhom. Pereżempju, f’Antjokja tal-​Pisidja, Pawlu u Barnaba bi qlubija qalu lill-​opponenti Lhud tagħhom: “Kien meħtieġ li l-​kelma t’Alla tintqal lilkom l-​ewwel. Imma peress li qed twarrbuha minnkom u m’intomx tqisu ruħkom denji tal-​ħajja taʼ dejjem, ara, aħna se nduru lejn il-​ġnus. Fil-​fatt, Ġeħova ordnalna b’dan il-​kliem, ‘Ħtartek bħala dawl tal-​ġnus, biex tkun salvazzjoni sa tarf l-​art.’” (Atti 13:14, 45-​47) Mill-​ewwel seklu ’l quddiem, l-​organizzazzjoni t’Alla qalet lil oħrajn dwar x’għamel Ġeħova biex isalva lill-​umanità.

IL-​QADDEJJA T’ALLA JSALVAW

14. X’ġara minn Ġerusalemm tal-​ewwel seklu, imma min salva?

14 Il-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud m’aċċettawx l-​aħbar tajba dwar Ġesù, u ma tawx widen meta Ġesù qalilhom dwar diżastru li kien se jseħħ fuq Ġerusalemm. Hu kien wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-​kampijiet taʼ l-​armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-​ħerba tagħha. Imbagħad dawk li jkunu fil-​Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-​kampanja ħa ma jidħlux fiha.” (Lq. 21:20, 21) Dak li Ġesù kien bassar seħħ. Minħabba rvell mil-​Lhud, armati Rumani mmexxijin minn Ċestju Gallu dawru lil Ġerusalemm fis-​sena 66 EK. Iżda dawn il-​forzi f’daqqa waħda rtiraw, u dan ta opportunità lis-​segwaċi taʼ Ġesù biex jitilqu minn Ġerusalemm u l-​Lhudija. Skont l-​istorjografu Ewsebju, ħafna qasmu x-​Xmara Ġordan u ħarbu lejn Pella fil-​Perija. Fis-​sena 70 EK, armati Rumani taħt il-​Ġeneral Titu rritornaw u għamlu ħerba minn Ġerusalemm. Madankollu, il-​Kristjani leali salvaw għax taw kas it-​twissija taʼ Ġesù.

15. Il-​Kristjanità minkejja xiex issaħħet?

15 Minkejja t-​tbatija, il-​persekuzzjoni, u provi oħra tal-​fidi li għaddew minnhom is-​segwaċi taʼ Kristu, il-​Kristjanità ssaħħet fl-​ewwel seklu. (Atti 11:19-​21; 19:1, 19, 20) Dawn il-​Kristjani tal-​bidu stagħnew spiritwalment għax kellhom il-​barka t’Alla.—Prov. 10:22.

16. Il-​Kristjani kollha x’kellhom jagħmlu biex iżommu l-​fidi tagħhom b’saħħitha?

16 Biex iżommu l-​fidi tagħhom b’saħħitha u biex jibqgħu magħqudin, il-​Kristjani kollha kellhom jagħmlu sforz personali. Studju diliġenti tal-​Iskrittura, attendenza regulari għal-​laqgħat, u attività żeluża fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna kienu essenzjali. Dawn l-​attivitajiet ikkontribwew għas-​saħħa spiritwali u l-​għaqda tal-​poplu taʼ Ġeħova taʼ dak iż-​żmien, bħalma jagħmlu llum. Dawk li kienu jassoċjaw mal-​kongregazzjonijiet tal-​bidu organizzati sew ibbenefikaw bil-​kbir mill-​isforzi t’għajnuna li l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali kienu lesti li jagħmlu. (Flp. 1:1; 1 Pt. 5:1-​4) Ukoll, gawdew żjajjar tal-​indokraturi li kienu jivvjaġġaw, bħal Pawlu. (Atti 15:36, 40, 41) Is-​similaritajiet bejn il-​qima tagħna u dik tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu huma tal-​għaġeb! Kemm aħna grati li Ġeħova organizza lill-​qaddejja tiegħu dak iż-​żmien kif ukoll issa!a

17. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Hekk kif id-​dinja taʼ Satana toqrob lejn tmiemha f’dawn l-​aħħar jiem, il-​parti tal-​organizzazzjoni universali taʼ Ġeħova fuq l-​art miexja ’l quddiem b’pass dejjem iktar mgħaġġel. Int qed iżżomm il-​pass magħha? Qed tagħmel progress spiritwali? L-​artiklu li jmiss se juri kif tistaʼ tagħmel dan.

a Ara l-​artikli “Il-​Kristjani Jqimu fl-​Ispirtu u l-​Verità” u “Huma Jkomplu Jimxu fil-​Verità” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2002. Diskussjoni dettaljata dwar il-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art illum ġiet ippubblikata fil-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja