LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 6/15 pp. 12-16
  • “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA NISTGĦU NĦOBBU LIL ALLA
  • XI JFISSER LI TĦOBB LIL ALLA
  • GĦALA GĦANDNA NĦOBBU LIL ĠEĦOVA
  • KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LIL ALLA
  • KOMPLI KABBAR L-​IMĦABBA TIEGĦEK GĦAL ALLA
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Tħallix imħabbtek tibred
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 6/15 pp. 12-16
Ġesù qed jgħallem folla nies biex iħobbu lil Alla Ġeħova

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek”

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—MT. 22:37.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi jfisser li tħobb lil Alla?

  • Għala għandna nħobbu lil Ġeħova?

  • Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Alla Ġeħova?

1. L-​imħabba bejn Ġesù u Missieru għala kibret?

ĠESÙ ddeskriva r-​relazzjoni mill-​qrib li għandu maʼ Missieru meta qal: “Jien inħobb lill-​Missier” u “l-​Missier għandu affezzjoni lejn l-​Iben.” (Ġw. 5:20; 14:31) Qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, huma ħadmu flimkien għal miljuni taʼ snin. (Prov. 8:30) Matul dan iż-​żmien, Ġesù tgħallem ħafna dwar il-​kwalitajiet taʼ Missieru, u l-​imħabba tagħhom għal xulxin kibret.

2. (a) L-​imħabba x’tinvolvi? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

2 L-​imħabba tinvolvi li jkollok affezzjoni kbira lejn xi ħadd. Is-​salmista David kanta: “Se nurik l-​affezzjoni tiegħi, O Ġeħova s-​saħħa tiegħi.” (Salm 18:1) Hekk għandna nħossuna dwar Alla, għax hu għandu affezzjoni lejna. Jekk nobdu lil Ġeħova, hu se juri li jħobbna. (Aqra Dewteronomju 7:12, 13.) Imma nistgħu verament inħobbu lil Alla ladarba ma nistgħux narawh? Xi jfisser li tħobb lil Ġeħova? Għala għandna nħobbuh? U kif nistgħu nuru li nħobbu lil Alla?

GĦALA NISTGĦU NĦOBBU LIL ALLA

3, 4. Għala hu possibbli li nħobbu lil Ġeħova?

3 “Alla hu Spirtu,” u għalhekk ma nistgħux narawh. (Ġw. 4:24) Madankollu, hu possibbli li nħobbu lil Ġeħova. Infatti, l-​Iskrittura tikkmandana biex nuru din l-​imħabba. Pereżempju, Mosè qal lill-​Iżraelin: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u bil-​forza kollha tiegħek.”—Dt. 6:5.

4 Għala jistaʼ jkollna mħabba profonda għal Alla? Għax hu ħalaqna bi bżonn spiritwali u żejjinna bl-​abbiltà li nuru mħabba. Meta nsiru nafu lil Ġeħova, l-​imħabba għalih tikber u jkollna raġuni soda biex inkunu ferħanin. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 5:3) Fil-​ktieb tiegħu Man Does Not Stand Alone, A. C. Morrison qal li hu tal-​għaġeb li tara li l-​bnedmin dejjem fittxew lil Alla u riedu jemmnu fih. Bħal dan il-​kittieb, ħafna jifhmu li l-​bnedmin jitwieldu bil-​bżonn li jsiru jafu lil Alla.

5. Kif nafu li mhuwiex għalxejn li nfittxu lil Alla?

5 Huwa għalxejn li nfittxu lil Alla? Le, għax hu jridna nsibuh. L-​appostlu Pawlu għamel dan ċar meta kellem lil grupp taʼ nies f’Ateni tal-​qedem. Ħafna minnhom ħassew il-​bżonn li jmorru f’tempju biex iqimu lill-​alla mara Atena. Immaġinak qiegħed hemmhekk hekk kif Pawlu jitkellem dwar “l-​Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha,” u mbagħad jispjega li Hu “ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-​idejn.” L-​appostlu jżid jgħid li Alla “minn raġel wieħed għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin, biex jgħammru fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art, u b’digriet ordna ż-​żminijiet stabbiliti u l-​limiti fissi fejn jgħammru l-​bnedmin, biex huma jfittxu ’l Alla, jekk iteftfu fid-​dlam għalih u jirnexxilhom isibuh, għalkemm, fil-​fatt, m’huwiex ’il  bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:24-​27) Iva, in-​nies jistgħu jsibu lil Alla. Iktar minn sebaʼ miljun u nofs Xhud taʼ Ġeħova ‘rnexxielhom isibuh’—u dawn verament iħobbuh.

XI JFISSER LI TĦOBB LIL ALLA

6. X’inhu “l-​akbar u l-​ewwel kmandament”?

6 L-​imħabba tagħna għal Ġeħova għandha tiġi mill-​qalb. Ġesù għamel dan ċar meta Fariżew staqsieh: “Għalliem, liema hu l-​akbar kmandament fil-​Liġi?” Ġesù wieġeb: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament.”—Mt. 22:34-​38.

7. Xi jfisser li nħobbu lil Alla (a) ‘b’qalbna kollha’? (b) ‘b’ruħna kollha’? (ċ) ‘b’moħħna kollu’?

7 Ġesù x’ried ifisser meta qal li għandna nħobbu lil Alla ‘b’qalbna kollha,’ ‘b’ruħna kollha,’ u ‘b’moħħna kollu’? ‘B’qalbna kollha’ jfisser bl-​emozzjonijiet, ix-​xewqat, u s-​sentimenti veri tagħna. ‘B’ruħna kollha’ jfisser min aħna bħala persuni, u dan jinkludi kwalunkwe ħaġa li nagħmlu f’ħajjitna. U ‘b’moħħna kollu’ jfisser il-​mod kif naħsbu u dwar xiex naħsbu. B’hekk, Ġesù enfasizza li għandna nħobbu lil Ġeħova bis-​sħiħ, mingħajr riserva.

8. Kif nuru lil Alla li nħobbuh?

8 Jekk inħobbu lil Alla b’qalbna, ruħna, u moħħna kollu, se nkunu studenti diliġenti tal-​Bibbja, nagħmlu kulma jitlobna biex nagħmlu, u nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna biż-​żelu. (Mt. 24:14; Rum. 12:1, 2) Imħabba vera għal Ġeħova se tressaqna dejjem eqreb lejh. (Ġak. 4:8) Sintendi, ma nistgħux insemmu r-​raġunijiet kollha għala għandna nħobbu lil Alla. Però, ejja nikkunsidraw ftit minnhom.

GĦALA GĦANDNA NĦOBBU LIL ĠEĦOVA

9. Int għala tħobb lil Ġeħova?

9 Ġeħova huwa l-​Ħallieq tagħna u jagħtina kulma għandna bżonn. Pawlu qal: “Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:28) Ġeħova tana din l-​art mill-​isbaħ biex ngħixu fuqha. (Salm 115:16) Jagħtina wkoll ikel u affarijiet oħrajn biex inkunu nistgħu nibqgħu ħajjin. Huwa għalhekk li Pawlu setaʼ jgħid lin-​nies taʼ Listra li m’għandhomx iqimu lill-​idoli imma għandhom iqimu lil Ġeħova, “l-​Alla l-​ħaj.” Dwar Alla, Pawlu qal: “Għamel it-​tajjeb u takom ix-​xita mis-​sema u l-​istaġuni tal-​frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-​ikel u bil-​ferħ.” (Atti 14:15-​17) Ġeħova bi mħabba jagħtina kulma għandna bżonn. Mhijiex din raġuni tajba biex inħobbu lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna?—Ekk. 12:1.

10. Kif tħossok dwar is-​sagrifiċċju bħala fidwa?

10 Alla se jneħħi d-​dnub u l-​mewt li writna mingħand Adam. (Rum. 5:12) Il-​Bibbja tgħid: “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) Jekk aħna verament nedmin u għandna fidi fis-​sagrifiċċju bħala fidwa, Alla se jaħfrilna dnubietna. Aħna grati ferm lejn Ġeħova għax hu tant iħobbna li bagħat lil Ibnu biex imut għalina.—Ġw. 3:16.

11, 12. Ġeħova liema tamiet tana?

11 Ġeħova tana t-​tama li ngħixu għal dejjem. (Rum. 15:13) Din it-​tama tgħinna nissaportu meta l-​fidi tagħna tgħaddi mill-​provi. Il-​midlukin leali għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fis-​sema. (Riv. 2:10) Qaddejja leali oħrajn għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art. (Lq. 23:43) Kif inħossuna dwar it-​tama li għandna? Din timliena bil-​ferħ, bil-​paċi, u bl-​imħabba għall-​Alla li jagħtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.”—Ġak. 1:17.

12 Ġeħova tana t-​tama tal-​irxoxt. (Atti 24:15) M’għandniex xi ngħidu, aħna nitnikktu ferm meta jmutilna xi ħadd għażiż, imma minħabba l-​wegħda tal-​irxoxt, ‘ma nsewdux qalbna bħall-​oħrajn li m’għandhomx tama.’ (1 Tess. 4:13) Imqanqal mill-​imħabba, Alla Ġeħova jixxennaq biex jirxoxta l-​mejtin, speċjalment lill-​uħud leali, bħar-​raġel rett Ġob. (Ġob 14:15) Immaġina kif se nħossuna meta naraw tfal jerġgħu jingħaqdu mal-​ġenituri tagħhom u ħbieb tal-​qalb jerġgħu jiltaqgħu flimkien. Kemm ifuru qlubna bl-​imħabba għal Missierna tas-​sema, li tana t-​tama meraviljuża tal-​irxoxt!

13. Kif nafu li Alla verament jimpurtah minna?

13 Ġeħova verament jimpurtah minna. (Aqra Salm 34:6, 18, 19; 1 Pietru 5:6, 7.) Peress li nafu li Alla tagħna kollu mħabba hu dejjem lest li jgħin lil dawk li huma leali lejh, inħossuna fis-​sigurtà għax aħna parti mill-​‘merħla tal-​mergħa tiegħu.’ (Salm 79:13) Iktar minn hekk, l-​imħabba t’Alla għalina se tkun tidher minn dak li se jagħmel għalina permezz taʼ Saltnatu. Wara li s-​Sultan magħżul tiegħu, Ġesù Kristu, ineħħi l-​vjolenza, il-​moħqrija, u l-​ħażen mill-​art, il-​bnedmin ubbidjenti se jiġu mberkin b’paċi u prosperità dejjiema. (Salm 72:7, 12-​14, 16) Ma taqbilx li dawn il-​wegħdi jagħtuna raġuni biex inħobbu lil Alla tagħna b’qalbna, b’ruħna, b’saħħitna, u b’moħħna kollu?—Lq. 10:27.

14. Liema privileġġ imprezzabbli tana Alla?

14 Ġeħova tana l-​privileġġ imprezzabbli li naqduh bħala x-​Xhieda tiegħu. (Is. 43:10-​12) Aħna lil Alla nħobbuh għax tana l-​opportunità li nappoġġaw is-​sovranità tiegħu u nwasslu t-​tama vera lin-​nies f’din id-​dinja mimlija inkwiet. Iktar minn hekk, nistgħu nitkellmu bil-​fidi u l-​konvinzjoni minħabba li niddikjaraw aħbar tajba bbażata fuq il-​Kelma tal-​Alla l-​veru, li l-​wegħdi tiegħu qatt ma jonqsu. (Aqra Ġożwè 21:45; 23:14.) Hemm ħafna raġunijiet biex inħobbu lil Ġeħova. Imma kif nistgħu nuru li nħobbuh?

KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LIL ALLA

15. Li nistudjaw u napplikaw il-​Kelma t’Alla kif jistaʼ jgħinna?

15 Studja b’mod diliġenti l-​Kelma t’Alla u applikaha. Billi nagħmlu hekk nuru li nħobbu lil Ġeħova u li verament irridu li kelmtu tkun ‘dawl għal triqitna.’ (Salm 119:105) Meta nkunu qed inbatu, nistgħu niġu mfarrġa minn wegħdi kollha mħabba bħal dawn: “Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex.” “Il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, O Ġeħova, baqgħet twiżinni. Meta l-​ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-​faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.” (Salm 51:17; 94:18, 19) Ġeħova u Ġesù juru ħniena maʼ kull min ibati. (Is. 49:13; Mt. 15:32) Meta nistudjaw il-​Bibbja, nistgħu nitgħallmu dwar kemm Ġeħova jħobbna. Dan jgħinna nsaħħu l-​imħabba tagħna lejh.

16. It-​talb regulari kif jistaʼ jgħinna nkabbru l-​imħabba li għandna għal Alla?

16 Itlob lil Alla regolarment. It-​talb tagħna jressaqna dejjem eqreb lejn is-​‘Semmiegħ tat-​talb.’ (Salm 65:2) Meta nindunaw li Alla qed iwieġeb it-​talb tagħna, l-​imħabba tagħna għalih se tikber. Pereżempju, għandu mnejn rajna li ma jħalliniex niġu ttantati iktar milli nifilħu. (1 Kor. 10:13) Jekk inkunu ansjużi u nduru lejn Ġeħova b’talb ħerqan, nistgħu nesperjenzaw “il-​paċi t’Alla” li ma titqabbel maʼ xejn. (Flp. 4:6, 7) Xi kultant, forsi ngħidu talba f’qalbna—bħalma għamel Neħemija—u nindunaw li qed titwieġeb. (Neħ. 2:1-​6) Hekk kif ‘nipperseveraw fit-​talb’ u naraw kif Ġeħova qed iwieġeb is-​suppliki tagħna, l-​imħabba tagħna għalih tikber. Se tikber ukoll il-​fiduċja tagħna fih li hu se jgħinna nkampaw meta ngħaddu minn iktar provi tal-​fidi.—Rum. 12:12.

17. Jekk inħobbu lil Alla, kif se nħossuna dwar li nattendu l-​laqgħat?

17 Attendi regolarment il-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet Kristjani. (Ebr. 10:24, 25) L-​Iżraelin kienu jinġabru biex jisimgħu u jitgħallmu dwar Ġeħova sabiex ikunu jistgħu jqimuh b’rispett profond u jobdu l-​Liġi tiegħu. (Dt. 31:12) Jekk tassew inħobbu lil Ġeħova, se nattendu l-​laqgħat Kristjani regolarment. (Aqra l-​1 Ġwanni 5:3.) Għalhekk, ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nattendu l-​laqgħat kollha. Qatt m’għandna nitilfu l-​imħabba li kellna għal Ġeħova meta l-​ewwel sirna nafu dwaru.—Riv. 2:4.

18. L-​imħabba għal Alla xi tqanqalna nagħmlu?

18 Ħu sehem b’mod żeluż f’li taqsam “il-​verità taʼ l-​aħbar tajba” m’oħrajn. (Gal. 2:5) L-​imħabba li għandna għal Alla tqanqalna nkunu rridu nitkellmu m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. F’Armageddon, is-​Sultan t’Alla, Ġesù, se jiddefendi d-​dritt li Ġeħova għandu biex jaħkem. (Salm 45:4; Riv. 16:14, 16) Kemm aħna ferħanin li għandna sehem f’li nagħmlu dixxipli billi ngħinu lin-​nies jitgħallmu dwar l-​imħabba t’Alla u d-​dinja l-​ġdida mwiegħda tiegħu!—Mt. 28:19, 20.

19. Għala għandna napprezzaw lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni?

19 Uri l-​apprezzament tiegħek lejn l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. (Atti 20:28) Ġeħova dejjem jixtiqilna l-​ġid, u għalhekk hu pprovdielna anzjani Kristjani. L-​anzjani huma bħal “post taʼ kenn mir-​riħ u lqugħ mill-​maltempata tax-​xita, bħal nixxigħat taʼ l-​ilma f’art bla ilma, bħad-​dell taʼ blata kbira f’art niexfa.” (Is. 32:1, 2) Kemm napprezzaw li jkollna fejn nistkennu meta jkun riħ qawwi jew meta jkun hemm maltempata qalila! Meta x-​xemx tikwi tisreġ fuqna, inkunu grati għad-​dell li tagħmel blata. Bl-​istess mod, l-​anzjani jagħtuna l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment li neħtieġu biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova minkejja d-​diffikultajiet tal-​ħajja. Billi nobdu lil dawk li jieħdu t-​tmexxija fostna, nuru kemm napprezzaw lil dawn l-​“irġiel bħala għotjiet” u nuru l-​imħabba tagħna għal Alla u għal Kristu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni.—Efes. 4:8; 5:23; Ebr. 13:17.

Anzjan Kristjan qed jagħti widen lil żagħżugħ hekk kif jiftaħ qalbu

Ġeħova pprovda anzjani li juru interess sinċier fina (Ara paragrafu 19)

KOMPLI KABBAR L-​IMĦABBA TIEGĦEK GĦAL ALLA

20. Jekk tħobb lil Alla, x’se tagħmel?

20 Ġeħova tana “liġi perfetta,” li fiha nsibu kulma jixtieqna nagħmlu. (Aqra Ġakbu 1:22-​25.) Jekk tixtieq li jkollok relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova, mhux biżżejjed li sempliċement tismaʼ dak li jgħid. (Salm 19:7-​11) Jeħtieġ ukoll li tagħmel xi ħaġa dwar dak li titgħallem. Pereżempju, peress li tħobb lil Alla, se tagħmel l-​almu tiegħek biex titkellem m’oħrajn dwaru u biex tikkummenta fil-​laqgħat.

21. It-​talb sinċier tiegħek maʼ xiex tistaʼ tqabblu?

21 L-​imħabba għal Alla Ġeħova se tqanqlek iddur spiss lejh b’talb mill-​qalb. F’Iżrael, il-​qassisin kienu jaħarqu l-​inċens lil Ġeħova kuljum. Is-​Sultan David qabbel it-​talb tiegħu mal-​inċens meta kanta: “Jalla t-​talba tiegħi tkun imħejjija bħall-​inċens quddiemek [Ġeħova]; meta nitlob b’idejja mgħollijin ikun bħall-​offerta tal-​qmuħ taʼ fil-​għaxija.” (Salm 141:2; Eżo. 30:7, 8) Ġeħova ta widen għat-​talb taʼ David. Jekk meta nitolbu nkunu umli, sinċieri, u nroddu ħajr, imbagħad anki t-​talb tagħna se jkun bħal inċens u jogħġob lil Ġeħova.—Riv. 5:8.

22. X’se nitgħallmu fl-​artiklu li jmiss?

22 Ġesù qal li għandna nħobbu lil Alla, imma qal ukoll li għandna nħobbu lill-​proxxmu tagħna. (Mt. 22:37-​39) Meta nħobbu lil Ġeħova u l-​prinċipji tiegħu, se niġu megħjuna nħobbu lill-​proxxmu tagħna. Fl-​artiklu li jmiss se nitgħallmu xi jfisser dan.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja