X’tiftakar?
Qrajt bir-reqqa l-ħarġiet reċenti tat-Torri tal-Għassa? Ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
Fi x’ħin kellu jinqatel il-ħaruf tal-Qbiż fl-14 taʼ Nisan?
Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jgħidu li kellu jinqatel “bejn inżul ix-xemx u d-dlam,” jiġifieri fl-għabex taʼ filgħaxija jew madwar inżul ix-xemx—wara li tkun niżlet ix-xemx imma qabel ma jkun dalam sew. (Eżo. 12:6)—12/15, paġni 18-19.
Iż-żgħażagħ liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu jużaw biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin?
Tlieta minnhom huma (1) Fittex l-ewwel is-Saltna t’Alla u s-sewwa tiegħu. (Mt. 6:19-34) (2) Ikseb l-hena f’li taqdi lil ħaddieħor. (Atti 20:35) (3) Ħu pjaċir f’li taqdi lil Ġeħova matul żgħożitek. (Ekk. 12:1)—1/15, paġni 19-20.
Liema erbaʼ rikkieba taż-żwiemel ilhom għaddejjin mill-1914?
Ġesù, bħala r-rikkieb taż-żiemel abjad, ħa azzjoni biex jeħles is-smewwiet minn Satana u d-demonji tiegħu. Ir-rikkieb taż-żiemel lewn in-nar jissimbolizza l-gwerer li fnew lill-umanità. Ir-rikkieb taż-żiemel iswed jirrappreżenta l-ġuħ. Ir-rikkieb taż-żiemel aħdar safrani jġib il-mewt bil-pesta, billi joqtol lil miljuni taʼ nies. (Riv. 6:2-8)—2/1, paġni 6-7.
“Iż-żwieġ tal-Ħaruf” meta se jsir? (Riv. 19:7)
“Iż-żwieġ tal-Ħaruf” isir wara li s-Sultan, Ġesù Kristu, itemm ir-rebħa tiegħu, jiġifieri, wara li Babilonja l-Kbira tinqered u l-gwerra t’Armageddon tkun għaddiet.—2/15, paġna 10.
Il-Lhud fi żmien Ġesù għala “kienu qed jistennew” lill-Messija? (Lq. 3:15)
Ma nistgħux nikkonfermaw li l-Lhud tal-ewwel seklu fehmu l-profezija taʼ Danjel dwar il-Messija bħalma nifhmuha aħna. (Dan. 9:24-27) Xorta waħda, huma għandhom mnejn semgħu bid-dikjarazzjoni anġelika li saret lil xi ragħajja jew dak li qalet il-profetessa Anna meta rat lit-tarbija Ġesù fit-tempju. Ukoll, xi astrologi ġew ifittxu “s-sultan tal-Lhud li twieled.” (Mt. 2:1, 2) Iktar tard, Ġwanni l-Għammied indika li dalwaqt kien se jidher il-Kristu.—2/15, paġni 26-27.
Kif nistgħu nevitaw li l-Iva tagħna tkun Le? (2 Kor. 1:18)
Irridu nammettu li kultant tistaʼ tiġri xi ħaġa li ma jkollniex kontroll fuqha u ma nkunux nistgħu nżommu kelmitna. Imma jekk aħna nagħmlu wegħda, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inżommuha.—3/15, paġna 32.
Kif nistgħu nirreżistu t-tentazzjoni li naraw il-pornografija?
Tliet passi t’għajnuna huma (1) Dawwar wiċċek mill-ewwel jekk titfaċċa xi stampa pornografika. (2) Għasses ħsibijietek billi tiffoka fuq affarijiet pożittivi u titlob lil Alla. (3) Għasses il-passi tiegħek billi tevita films jew Websajts li jkun fihom il-pornografija.—4/1, paġni 10-12.
Liema konsegwenzi mhux mistennijin jistaʼ jkun hemm jekk Kristjan iħalli lil familtu warajh biex imur jaqlaʼ l-flus f’pajjiż ieħor?
Meta l-ġenituri jagħżlu li ma jgħixux flimkien bħala familja, it-tfal għandhom mnejn isofru emozzjonalment u moralment. Għandhom mnejn jibdew iżommu f’qalbhom għall-ġenitur(i) tagħhom. U l-adulti li jgħixu ’l bogħod minn żewġhom jew marthom jistgħu jiffaċċjaw tentazzjonijiet sesswali.—4/15, paġni 19-20.
Għala kienu jiġu miksura saqajn il-kriminali li kienu jiġu msammrin maʼ zokk?
Ir-Rumani kienu jsammru xi kriminali maʼ zokk. Il-Lhud talbu biex jiġu miksura saqajn il-kriminali li kien hemm ħdejn Ġesù. Dan kien jagħmilha iktar diffiċli biex il-vittmi jieħdu n-nifs, u għalhekk kienu jmutu iktar malajr. B’hekk, ma kienx ikollhom għalfejn jitħallew il-lejl kollu fuq iz-zokk. (Dt. 21:22, 23)—5/1, paġna 11.
Liema erbaʼ mistoqsijiet għandna nżommu f’moħħna meta nkellmu lin-nies fil-ministeru tagħna?
Min huma? Fejn qed inkellimhom? Meta qed inkellimhom? Kif għandi nkellimhom?—5/15, paġni 12-15.
It-tipjip kemm joqtol nies?
Matul l-aħħar seklu, dan temm il-ħajja taʼ 100,000,000 ruħ. Fil-preżent, qed joqtol madwar 6,000,000 ruħ fis-sena.—6/1, paġna 3.