SUĠĠETT PRINĊIPALI | ALLA INTERESSAT FIK?
Alla jistaʼ jfarrġek
“Alla, li jfarraġ lill-imgħakksin, farraġna.”—2 KORINTIN 7:6.
“L-Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.”—GALATIN 2:20
GĦALA HEMM MIN JIDDUBITA: Anki meta jkunu ddisprati għall-faraġ, xi nies iħossu li jkunu egoisti jekk jitolbu lil Alla jintervieni u jgħinhom ikampaw bil-problemi tagħhom. “Meta nqis kemm hawn nies fid-dinja—u l-problemi serji li jħabbtu wiċċhom magħhom,” tgħid mara jisimha Raquel, “l-inkwiet tiegħi jidher tant insinifikanti li nkun bejn ħaltejn nitlobx ’l Alla għall-għajnuna.”
X’TGĦALLEM IL-KELMA T’ALLA: Alla diġà interviena b’mod straordinarju biex jgħin u jfarraġ lill-bnedmin. Kulħadd fuq l-art illum wiret id-dnub—l-inabbiltà li jintlaħqu perfettament il-ħtiġijiet t’Alla. Madankollu, Alla “ħabbna u bagħat lil Ibnu [Ġesù Kristu] bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.” (1 Ġwanni 4:10) Permezz tal-mewt bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla jagħmilhielna possibbli jkollna l-maħfra taʼ dnubietna, kuxjenza nadifa, u t-tama taʼ ħajja eterna f’dinja ġdida taʼ paċi.a Imma dak is-sagrifiċċju sempliċement hu għar-razza umana kollha kemm hi, jew juri l-interess li għandu Alla fik personalment?
Ikkunsidra lill-appostlu Pawlu. Tant kien imqanqal bis-sagrifiċċju taʼ Ġesù li kiteb: ‘Ngħix bil-fidi fl-Iben t’Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.’ (Galatin 2:20) Veru, Ġesù miet saħansitra qabel ma Pawlu sar Kristjan. Madankollu, Pawlu qies dak is-sagrifiċċju bħala rigal personali li tah Alla.
Il-mewt bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù hija r-rigal personali t’Alla għalik ukoll. Dan ir-rigal juri kemm int prezzjuż għal Alla. Jistaʼ jagħtik “faraġ dejjiemi u tama sabiħa,” u b’hekk ‘tissoda f’kull għemil u kelma tajba.’—2 Tessalonikin 2:16, 17.
Tabilħaqq, Ġesù offra ħajtu bħala sagrifiċċju kważi 2,000 sena ilu. X’evidenza hemm li Alla jrid jersaq qrib tiegħek illum?
a Biex titgħallem iżjed dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, ara kapitlu 5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova