LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wp16 Nru. 2 pp. 8-10
  • Għandhom il-Kristjani jqimu f’postijiet meqjusin sagri?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandhom il-Kristjani jqimu f’postijiet meqjusin sagri?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • QIM “BL-​ISPIRTU U L-​VERITÀ”
  • IL-​ĦARSA KRISTJANA LEJN IL-​POSTIJIET MEQJUSIN SAGRI
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa: Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Il-Qima taʼ Min Jaċċetta Alla?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Jgħallem lil mara Samaritana
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
wp16 Nru. 2 pp. 8-10

Għandhom il-​Kristjani jqimu f’postijiet meqjusin sagri?

KULL sena, iżjed minn sitt miljun ruħ jivvjaġġaw lejn foresta taċ-​ċedru fil-​Peniżola taʼ Shima fil-​Ġappun. Imorru lejn in-​Niċċa Grandjuża taʼ Ise, fejn l-​alla mara tax-​Xintù, Amaterasu Omikami, ilha tiġi meqjuma xi elfejn sena. L-​aduraturi l-​ewwel jippurifikaw lilhom infushom billi jaħslu jdejhom u ħalqhom. Imbagħad, bilwieqfa quddiem il-​haiden tan-​niċċa (sala għall-​qima), isegwu ritwal li fih imilu, iċapċpu, u jitolbu lill-​alla mara.a Ix-​Xintù tippermetti lill-​membri tagħha jipprattikaw reliġjonijiet oħra, u xi Buddisti, dawk li jgħidu li huma Kristjani, u oħrajn ma jħossu li jagħmlu l-​ebda kompromess f’li jieħdu sehem fir-​ritwali Xintù f’dan il-​post meqjus sagru.

Ħafna mir-​reliġjonijiet ewlenin tad-​dinja għandhom postijiet li jqisuhom sagri,b u miljuni taʼ nies bla għadd iżuruhom. F’pajjiżi li jgħidu li huma Kristjani, hemm ħafna knejjes u niċeċ iddedikati lil Ġesù, lil Marija, u lill-​qaddisin. Oħrajn bħalhom huma mibnijin f’postijiet fejn jinżammu relikwi reliġjużi jew fejn ġrajjiet Bibliċi jew “mirakli” taʼ żminijiet iżjed reċenti jintqal li saru. Ħafna nies imorru f’dawn il-​postijiet meqjusin sagri għax jemmnu li t-​talb tagħhom aktarx jintlaqaʼ aħjar jekk jintqal f’post sagru. Għal oħrajn, li jaslu sa post meqjus sagru jkun it-​tmiem taʼ pellegrinaġġ li jkunu għamlu biex juru d-​devozzjoni reliġjuża tagħhom.

Viżitaturi sejrin lejn in-Niċċa Grandjuża taʼ Ise, fil-Ġappun, u fil-Grotta taʼ Massabielle, Lourdes, fi Franza

Viżitaturi sejrin lejn in-Niċċa Grandjuża taʼ Ise, fil-Ġappun, u l-Grotta taʼ Massabielle, Lourdes, fi Franza

Ikun hemm iżjed ċans li jinstemgħu u jitwieġbu t-​talb u l-​petizzjonijiet jekk dawn jiġu offruti f’post meqjus sagru? Togħġbu lil Alla d-​devozzjoni taʼ dawk li jagħmlu pellegrinaġġi lejn xi niċċa? Iktar importanti, għandhom il-​Kristjani jqimu f’postijiet meqjusin sagri? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet mhux biss se jgħidulna kif għandna nqisu l-​qima li tingħata quddiem niċċa imma tgħinna wkoll nifhmu x’tip taʼ qima togħġob lil Alla.

QIM “BL-​ISPIRTU U L-​VERITÀ”

Ġesù jitkellem maʼ mara Samaritana ħdejn bir

X’ried ifisser Ġesù meta qal li għandna nqimu “bl-ispirtu u l-verità”?

Konversazzjoni li kellu Ġesù mal-​mara Samaritana turi l-​ħarsa taʼ Alla lejn il-​qima f’postijiet ‘sagri’ jew niċeċ. Ġesù kien qed jivvjaġġa fis-​Samarija u waqaf jistrieħ ħdejn bir qrib il-​belt taʼ Sikar. Beda jitkellem maʼ mara li ġiet tieħu l-​ilma mill-​bir. Waqt il-​konversazzjoni, il-​mara semmiet differenza ewlenija bejn il-​Lhud u s-​Samaritani. “Missirijietna qiemu fuq din il-​muntanja,” qalet hi, “imma intom tgħidu li f’Ġerusalemm hu l-​post fejn in-​nies għandhom iqimu.”—Ġwanni 4:5-​9, 20.

Il-​muntanja li kienet qed tirreferi għaliha l-​mara kienet il-​Muntanja Geriżim, li qiegħda xi 50 kilometru lejn it-​Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Hemmhekk darba s-​Samaritani kellhom tempju fejn kienu jiċċelebraw festi bħall-​Qbiż. Madankollu, minflok ma ffoka fuq din id-​differenza kontroversjali bejniethom, Ġesù qal lill-​mara: “Emminni, mara, ġejja s-​siegħa meta la fuq din il-​muntanja u lanqas f’Ġerusalemm ma tqimuh lill-​Missier.” (Ġwanni 4:21) X’kumment impressjonanti, speċjalment mingħand Lhudi! Għala kellha tieqaf il-​qima fit-​tempju taʼ Alla f’Ġerusalemm?

Ġesù kompla: “Ġejja s-​siegħa, u hi issa, meta l-​aduraturi veri jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità, għax, tabilħaqq, il-​Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:23) Għal sekli sħaħ, il-​Lhud qiesu t-​tempju manjifiku f’Ġerusalemm bħala ċ-​ċentru għall-​qima tagħhom. Huma vvjaġġaw ’l hemm tliet darbiet fis-​sena biex jagħmlu sagrifiċċji lil Alla tagħhom, Ġeħova. (Eżodu 23:14-​17) Imma Ġesù qal li dan kollu kellu jinbidel u li “aduraturi veri” kellhom iqimu “bl-​ispirtu u l-​verità.”

It-​tempju Lhudi kien struttura letterali f’post ġeografiku speċifiku. Imma l-​ispirtu u l-​verità mhumiex materjali, lanqas mhuma limitati għal xi post fiżiku. B’hekk, Ġesù kien qed jispjega li l-​qima Kristjana vera ma kinitx se tkun iċċentrata fuq jew dipendenti minn ebda struttura materjali jew post fiżiku, kemm jekk il-​Muntanja Geriżim, it-​tempju f’Ġerusalemm, jew kwalunkwe post sagru ieħor.

Fil-​konversazzjoni tiegħu mal-​mara Samaritana, Ġesù semma wkoll li “s-​siegħa” għal din il-​bidla fil-​qima lejn Alla kienet “ġejja.” Dan meta kien se jiġri? Is-​siegħa ġiet meta Ġesù, permezz tal-​mewt taʼ sagrifiċċju tiegħu, temm is-​sistema taʼ qima Lhudija bbażata fuq il-​Liġi taʼ Mosè. (Rumani 10:4) Però, Ġesù qal ukoll: “Is-​siegħa . . . hi issa.” Għala? Għax bħala l-​Messija, hu kien diġà qed jiġbor lid-​dixxipli li kienu se jobdu l-​kmand li mbagħad semma: “Alla hu Spirtu, u dawk li jqimuh iridu jqimu bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwanni 4:24) Mela, x’jiġifieri qima bl-​ispirtu u l-​verità?

Meta Ġesù semma l-​qima, ma kienx qed jitkellem dwar forma taʼ qima spirituża, fuq ruħha, jew entużjastika. Pjuttost, kien qed jitkellem dwar li wieħed ikun immexxi bl-​ispirtu qaddis t’Alla, li fost affarijiet oħra jiggwida l-​fehma tagħna tal-​Iskrittura. (1 Korintin 2:9-​12) U l-​verità li rrefera għaliha Ġesù hi għarfien eżatt taʼ tagħlim mill-​Bibbja. Għalhekk, iżjed milli tingħata f’xi post speċjali, il-​qima tagħna tkun aċċettata minn Alla jekk tkun skont dak li tgħallem il-​Bibbja u tkun iggwidata bl-​ispirtu qaddis.

IL-​ĦARSA KRISTJANA LEJN IL-​POSTIJIET MEQJUSIN SAGRI

Mela, il-​Kristjani kif għandhom iqisu l-​pellegrinaġġi u l-​qima f’postijiet meqjusin sagri? Meta nqisu l-​kmand taʼ Ġesù li l-​aduraturi veri jqimu lil Alla bl-​ispirtu u l-​verità, jidher ċar li qima quddiem kwalunkwe niċċa jew f’post meqjus sagru m’għandha l-​ebda valur speċjali għal Missierna tas-​sema. Iżjed minn hekk, il-​Bibbja tgħidilna kif Alla jqis il-​qima tal-​idoli. Tgħid: “Aħarbu mill-​idolatrija” u “ħarsu ruħkom mill-​idoli.” (1 Korintin 10:14; 1 Ġwanni 5:21) Għalhekk, Kristjan veru ma jqimx f’xi post li jitqies bħala sagru fih innifsu jew wieħed li jinkuraġġixxi l-​idolatrija. B’hekk, minħabba n-​natura nfisha tal-​postijiet meqjusin sagri, il-​Kristjani veri ma jqimux f’postijiet bħal dawn.

Però, dan ma jfissirx li l-​Kelma t’Alla tipprojbixxi li jkollok post preferut għat-​talb, l-​istudju, jew għall-​meditazzjoni. Post fejn jinġabru n-​nies għall-​qima li hu miżmum tajjeb u taʼ dinjità jwassal għal tagħlim u diskussjoni t’affarijiet spiritwali. Lanqas mhu ħażin tagħmel xi mafkar, bħal lapida, għal xi persuna li tkun mietet. Dan jistaʼ sempliċement ikun espressjoni taʼ tifkira taʼ jew affezzjoni lejn il-​mejjet. Madankollu, li tqis post bħal dan sagru jew li tqim l-​istatwi jew relikwi fih imur totalment kontra l-​kliem taʼ Ġesù.

Għalhekk, m’għandekx għalfejn tmur quddiem xi niċċa bit-​tama li jkun hemm iżjed ċans li Alla jilqaʼ t-​talba tiegħek minn hemm. Lanqas mhu se jieħu pjaċir bik Alla jew jagħtik xi barkiet speċjali talli għamilt pellegrinaġġ lejn xi post sagru. Il-​Bibbja tgħidilna li Alla Ġeħova, il-​“Mulej tas-​sema u l-​art, ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-​idejn.” Imma dan ma jfissirx li Alla hu ’l bogħod minna. Nistgħu nitolbuh inkunu fejn inkunu u hu jismagħna għax “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:24-​27.

a Ir-​ritwali jistgħu jvarjaw f’niċeċ tax-​Xintù differenti.

b Ara l-​kaxxa “X’inhuma l-​postijiet meqjusin sagri?”

X’inhu post meqjus sagru?

Oriġinalment, il-​kelma għal “post sagru” kienet tirrappreżenta kaxxa li kien ikun fiha relikwi sagri. Illum it-​tifsira ħadet xejra differenti; issa tirreferi għal post meqjus sagru reliġjożament jew mod ieħor. Niċeċ reliġjużi huma ddedikati għall-​qima lil xi alla jew għall-​venerazzjoni taʼ xi persuna “qaddisa.” Spiss ikun fihom statwi jew relikwi li jintqal li huma assoċjati maʼ mirakli, viżjonijiet, jew dehriet mill-​qasam tal-​ispirti. Illum post qaddis jistaʼ jkun tempju, knisja, jew niċċa fejn persuna tqim. Hemm min jagħmel post sagru f’daru. Postijiet sagri fid-​djar, kemm f’pajjiżi Orjentali u kemm f’dawk tal-​Punent, huma artali żgħar fejn in-​nies jitolbu, jimmeditaw, jew jagħtu xi offerti.

Mhux il-​postijiet meqjusin sagri kollha huma intenzjonati li jkunu postijiet għall-​qima reliġjuża. Pereżempju, madwar id-​dinja, il-​familji u l-​ħbieb taʼ vittmi taʼ inċidenti fatali tat-​traffiku spiss jagħmlu ‘niċeċ mat-​triq’ b’tifkira tal-​maħbubin tagħhom. Niċeċ oħra huma iżjed sekulari fin-​natura tagħhom u jikkommemoraw battalji famużi jew lil dawk li mietu fi gwerra jew f’xi traġedja oħra. Għalkemm niċeċ bħal dawn jagħtu l-​opportunità lin-​nies jimmeditaw u jagħmlu vistu, spiss jirriflettu t-​twemmin reliġjuż u l-​prattiki taʼ dawk li għamluhom.

Xhud taʼ Ġeħova tistudja l-Bibbja maʼ mara li għandha post sagru ddedikat lil Marija f’darha
    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja