Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Sinifikanti mal-Familja
1 Waħda mill-iktar attivitajiet importanti li jwettqu l-ġenituri hi li jgħallmu l-verità lil uliedhom. Dan huwa obbligu mingħand Ġeħova. (Dt. 6:6, 7) It-tfal għandhom bżonn id-direzzjoni u l-gwida biex jimxu b’mod rett f’dinja li tiċħad lil Alla. Għandhom bżonn jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova u l-verità u jkunu determinati li jżommu magħha. It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Novembru, 1988, f’paġna 6 qal: “Minkejja kwalunkwe obbligi oħra li għandek jew inkwiet li tiffaċċja, li tqattaʼ ħin maʼ wliedek jinħtieġ li jingħata prijorità. Il-ħin li tqattgħu flimkien se jippermettilek li tnaqqax fihom il-valuri spiritwali li jissalvagwardjaw qlub uliedek u jqegħduhom fil-korsa t-tajba.”
2 Jekk il-familji jridu jsegwu l-gwida li tingħata fil-Kelma t’Alla, allura huma għandhom iwarrbu l-ħin regolarment għal studju tal-familja. Il-kapijiet tal-familja għandhom bżonn jieħdu ħsieb l-ispiritwalità tal-familja u din għandha tkun prijorità. Jekk ma jagħtux l-attenzjoni xierqa minn issa għall-bżonnijiet spiritwali tal-familja tagħhom, x’aktarx li l-ġenituri se jkollhom jissieltu maʼ problemi serji fil-futur.
MATERJAL U METODI TAʼ STUDJU
3 X’għandu jiġi studjat? Il-kap tal-familja jinsab fl-aqwa pożizzjoni biex ikun jaf x’għandha bżonn il-familja tiegħu. Hu jistaʼ jistaqsi dwar x’jaħsbu l-oħrajn li jistaʼ jkun taʼ benefiċċju u jikkunsidra s-suġġerimenti tagħhom. Il-flessibiltà se tagħmel l-istudju tal-familja wieħed prattiku u li jqanqalhom jaġixxu. Ħafna familji jagħżlu li jippreparaw flimkien il-lezzjoni tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ kull ġimgħa. Madankollu, jistaʼ jkun neċessarju li kultant jiġu diskussi suġġetti speċifiċi li jitkellmu dwar problemi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw fl-iskola. Informazzjoni pubblikata li titkellem dwar in-namur, l-attivitajiet wara l-ħin taʼ l-iskola, l-isports, u t-tendenzi immorali tistaʼ tiġi kunsidrata b’mod inkuraġġanti u li jibni. Huwa importanti li l-kap tal-familja kontinwament jeżamina liema informazzjoni għandhom bżonn il-membri tal-familja u kif l-aħjar li jilħqilhom qalbhom biha.—Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Lulju, 1999, paġna 16, pari. 12-16.
4 Kif għandek tikkonduċi l-istudju? Oħloq atmosfera rilassata imma dinjituża. Evita li l-istudju jsir proċedura mekkanika jew formali żżejjed. Staqsi mistoqsijiet supplimentarji, u uża t-tixbihat biex tqanqal il-ħsieb taʼ kulħadd u żżommhom involuti. Jistgħu jintużaw il-mapep u t-tabelli fil-browxer “See the Good Land” biex l-istudju jkun iktar interessanti. Jistgħu jingħataw inkarigi li fihom ikollhom isibu l-materjal fl-Index jew fil-volumi taʼ l-Insight, skond l-età u l-abbiltajiet tat-tfal. Għala ma tużax id-diversi vidjos disponibbli li huma mħejjijin għaż-żgħar? Involvi lit-tfal li jkunu iżgħar fid-diskussjoni malli jsiru kapaċi jwieġbu. Tistaʼ tistaqsihom mistoqsijiet sempliċi li jeħtieġu tweġibiet taʼ ftit kliem biss. Tużax il-ħin taʼ studju biex iċċanfar lit-tfal. Minflok, faħħarhom u wrihom apprezzament għall-isforzi tagħhom, u bl-entużjażmu aqsam magħhom punti spiritwali.
5 Kif tistaʼ tkun ċert li qed tilħqilhom qalbhom? Ħeġġeġ lil kulħadd biex jikkummenta fi kliemu. Bit-tattika uża mistoqsijiet li jġagħluhom jesprimu l-ħarsa tagħhom sabiex tiddetermina dak li għandhom f’qalbhom. Tistaʼ tistaqsi: “It-tfal taʼ l-iskola kif iħossuhom dwar din il-kwistjoni? Qatt ikollok xi dubji dwar dan il-punt?” Oqgħod attent li ma tagħmilhiex bi kbira meta t-tfal jesprimu l-ħarsa tagħhom, inkella wliedek jistgħu jħossuhom li ma jistgħux jesprimu ruħhom bl-onestà. Agħtihom ċans jitkellmu. Se jkun iktar faċli għalik biex tgħallimhom jekk huma jkunu jafu li int interessat fihom u fil-problemi tagħhom.—Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1987, paġni 13-15.
6 Żomm f’moħħok li l-mira prinċipali taʼ l-istudju tal-familja tiegħek hi li tnaqqax fihom il-ħsibijiet taʼ Ġeħova u mhux biss li ssib tweġiba li jkunu jistgħu jaqraw fil-laqgħa tal-kongregazzjoni. (Efes. 3:17-19) Dan ifisser li taħdem iebes biex l-informazzjoni tidħol f’qalbhom. Ipprovdi raġunijiet għala l-familja għandha tkun trid tagħmel ir-rieda t’Alla u għala dan hu l-aħjar mod taʼ ħajja.
7 Studju tal-Bibbja mal-familja li jkun regulari hu essenzjali biex tinbena l-ispiritwalità tagħha. Dan iħarreġ u jħejji sew lit-tfal biex ikampaw mal-problemi tal-ħajja. Intom il-ġenituri tinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex tgħinu lil uliedkom. Ħudu f’idejkom din ir-responsabbiltà li takom Alla. Żgur li Ġeħova se jberikkom jekk tagħmlu kull sforz biex tkunu konsistenti meta tikkonduċu studju tal-Bibbja sinifikanti mal-familja.