Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Sa liema punt jistgħu t-tfal żgħar taʼ ġenituri Kristjani jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa qabel ma jiġu rikonoxxuti bħala pubblikaturi mhux mgħammdin?
Il-ġenituri Kristjani jridu lil uliedhom jiżviluppaw f’qaddejja taʼ Ġeħova maturi u devoti. (1 Sam. 2:18, 26; Lq. 2:40) Anki minn età tassew żgħira, it-tfal fil-familji Kristjani għandhom ikunu kapaċi jesprimu ruħhom b’mod ċar biex jiddefendu l-fidi tagħhom ibbażata fuq il-Bibbja. It-tfal jikbru iktar spiritwalment hekk kif jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa miċ-ċokon. Imma hu importanti li ż-żgħar ikunu mqanqlin minn qalbhom jekk iridu jgawdu s-servizz taʼ l-għalqa, isiru pubblikaturi mhux mgħammdin, u jkomplu jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Dan jeħtieġ li l-ġenituri jħarrġuhom sew. (1 Tim. 4:6; 2 Tim. 2:15) Pubblikaturi kwalifikati oħrajn jistgħu kultant jagħtu l-għajnuna jekk il-ġenituri jaqblu dwar dan.—Ara l-ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Ġeħova paġna 82.
Hekk kif tfal edukati jakkumpanjaw lill-ġenituri Kristjani tagħhom fix-xogħol minn dar għal dar, huma jitgħallmu kif jieħdu sehem fil-ministeru. Imma dawn ma jiġux rikonoxxuti bħala pubblikaturi mhux mgħammdin qabel ma jiżviluppaw ammont t’abbiltà u kapaċità huma stess. Il-ġenituri Kristjani jistgħu jiddeċiedu sa liema punt it-tfal jistgħu jieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda hekk kif jaħdmu flimkien. Tfal li għadhom m’humiex rikonoxxuti bħala pubblikaturi mhux mgħammdin m’għandhomx iħabbtu l-bibien waħedhom jew jakkumpanjaw tfal oħrajn fis-servizz taʼ l-għalqa. Il-ġenituri jistgħu jippreparaw lil uliedhom għas-servizz taʼ l-għalqa u jħalluhom jipparteċipaw b’diversi modi, per eżempju billi jaqraw xi skrittura, joffru fuljett jew rivista, jew juru stampa lill-inkwilin f’waħda mill-pubblikazzjonijiet. Hekk kif it-tfal jikbru, huma se jkunu iktar kapaċi jkollhom sehem akbar fid-diskussjoni.
B’taħriġ xieraq, iż-żgħar jitgħallmu jifhmu s-serjetà tal-ministeru hekk kif iwieġbu għad-direzzjoni tal-ġenituri tagħhom u jġibu ruħhom sew u bl-ordni. Il-ġenituri m’għandhomx jibagħtu lil uliedhom li m’humiex rikonoxxuti bħala pubblikaturi mhux mgħammdin fil-grupp tal-laqgħa tas-servizz u jistennew li jieħu ħsiebhom ħaddieħor. Ġenituri li jieħdu interess f’uliedhom jirrikonoxxu r-responsabbiltà persunali tagħhom li jżommu għajnejhom fuq l-attività taʼ wliedhom. M’għandniex xi ngħidu, pubblikaturi responsabbli oħrajn jistgħu jkunu lesti li jagħtu l-għajnuna fit-taħriġ taʼ tfal żgħar fil-kongregazzjoni li juru li jinteressahom ġenwinament li jaqdu lil Ġeħova fil-ministeru.