Ipprepara lill-Istudenti tal-Bibbja għall-Ministeru
1 Fl-aħħar mill-aħħar, il-mira li jkollna meta nikkonduċu studji tal-Bibbja hi li nagħmlu dixxipli ġodda, ħaddiema li se jingħaqdu magħna biex ngħallmu lil ħaddieħor. (Mt. 28:19, 20) Għalhekk, l-iskop taʼ l-istudju m’huwiex biss biex nagħtu t-tagħrif; għandu jnaqqax fidi profonda fl-istudenti tagħna u jippreparahom biex jaqsmu t-tama tagħhom maʼ oħrajn. (2 Kor. 4:13) B’liema modi prattiċi nistgħu ngħinuhom ħalli jkollhom il-ħila jgħallmu lil oħrajn?—2 Tim. 2:2.
2 Poġġi l-Ministeru Bħala Mira: Mill-bidunett, agħmilha ċara li l-qima vera tinvolvi li ‘tistqarr b’xofftejk biex ikollok is-salvazzjoni.’ (Rum. 10:10) L-isem stess tagħna, Xhieda taʼ Jehovah, juri biċ-ċar li għandna nitkellmu maʼ oħrajn. Għinhom jaraw li mhux qed jiġu mgħallmin għas-salvazzjoni tagħhom biss. Meta huma stess isiru għalliema, dawk li jisimgħuhom ukoll ikollhom l-opportunità li jiġu salvati.—1 Tim. 4:16.
3 Irrivedi Dak li Tkunu Studjajtu: Meta minn żmien għal żmien tirrivedi dak li tkunu studjajtu, dan se jiswa ħafna għat-tagħlim. Se jgħin lill-istudent biex jikber spiritwalment hekk kif il-veritajiet li jkun għadu kif tgħallem jitħawlu fis-sod f’moħħu u f’qalbu. Aħna nesperjenzaw dan stess meta nwieġbu l-mistoqsijiet għar-reviżjoni li huma inklużi fl-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Ipprepara għall-istudent tiegħek mistoqsijiet sempliċi u diretti li jistaʼ jweġibhom fi kliemu stess.
4 Tistaʼ tagħmel ir-reviżjoni tiegħek b’tali mod li tidher qisha ċirkustanza li tiltaqaʼ magħha fis-servizz taʼ l-għalqa. Qajjem mistoqsija jew iddeskrivi sitwazzjoni li tiltaqaʼ magħha ħafna meta tkun qed tagħti xiehda lil oħrajn. Billi tilgħab il-parti taʼ l-inkwilin, ħalli lill-istudent tiegħek juri kieku x’kien jgħid. Faħħru taʼ dak li għamel tajjeb, u offri suġġerimenti prattiċi li se jgħinuh għal darb’oħra biex ikun saħansitra iktar effettiv. Dan it-taħriġ se jgħallmu biex juża dak li tgħallem u se jgħinu jiżviluppa sengħa taʼ kif juża l-Bibbja.
5 Uża l-Ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja: Kun ċert li l-istudent tiegħek ikollu kopja tal-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu, u ħarrġu biex jużah. Uri kif dan il-ktejjeb jipprovdi suġġerimenti dwar kif tibda konversazzjonijiet, jew x’għandek tagħmel meta tiltaqaʼ maʼ oġġezzjonijiet. Fl-istudju uża l-ktejjeb biex turi modi kif titkellem maʼ oħrajn b’mod konvinċenti. Dan il-ktieb jistaʼ jagħmlu iktar kunfidenti, u b’hekk jitqanqal iktar biex ixandar il-messaġġ tas-Saltna.
6 Agħmel Enfasi fuq l-Importanza tal-Laqgħat: Il-laqgħat tal-kongregazzjoni, speċjalment il-Laqgħa tas-Servizz u l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, huma magħmulin biex jippreparawna għas-servizz taʼ l-għalqa. L-affarijiet fundamentali kollha għal għoti taʼ xiehda effettiv huma riveduti u murijin minn dawk li għandhom l-esperjenza u mħarrġin tajjeb. Enfasizza l-importanza tal-laqgħat, u agħmel dak li tistaʼ biex tgħinu jattendi. Attendenza regulari tistaʼ tqanqal lill-istudent tiegħek biex isir dixxiplu veru taʼ Ġesù.
7 M’għandniex ninsew ukoll l-eżempju tiegħek persunali. Il-fatt li toħroġ tippriedka minn jeddek u b’mod regulari juri l-apprezzament profond tiegħek għall-verità. Attitudni bħal din se tinkuraġġixxi lill-istudent tiegħek biex jaħdem iktar ħalli juri l-fidi tiegħu. (Lq. 6:40) Dan kollu jistaʼ jgħin lil persuna ġdida biex tħares lejn il-ministeru bħala privileġġ u biex tkun grata li għandha sehem fih.—1 Tim. 1:12. (km-E 5/94)