L-Uħud Iżgħar Għandhom Bżonn Eżempju Tajjeb
1 Aħna ferħanin li għandna numru li dejjem jiżdied taʼ żgħażagħ li qegħdin “ifaħħru isem il-Mulej.” (Salm 148:12, 13) Ħafna minnhom għadhom pjuttost żgħar. Il-progress tagħhom huwa determinat ħafna mit-taħriġ u l-eżempju li jipprovdulhom il-ġenituri tagħhom u oħrajn kbar ġewwa l-kongregazzjoni. Madankollu, m’għandniex ninsew ukoll l-influwenza li għandhom fuqhom żgħażagħ oħra, speċjalment minn adolexxenti akbar u minn adulti żgħażagħ. Jekk int għandek din l-età, dawn il-kummenti jistgħu jkunu taʼ ġid għalik.
2 It-tfal mhux adolexxenti għandhom it-tendenza li jimitaw lil adolexxenti akbar minnhom. Għandhom ix-xewqa naturali li jkunu bħall-ħbieb tagħhom li jammiraw. Taʼ spiss ikollhom ċertu stima għal żgħażagħ oħrajn li huma ftit akbar minnhom u li jagħtu l-impressjoni li mimlijin għerf u li huma aħjar minnhom. Minħabba dan, għandhom mnejn jimitaw il-mod kif titkellem u ġġib ruħek, kif ukoll jimitaw l-apprezzament li għandek għall-valuri spiritwali u l-parteċipazzjoni tiegħek fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni.
3 Bħala adolexxent akbar, għandek privileġġ kif ukoll responsabbiltà kbira. Bħalissa, wisq probabbli l-eżempju tiegħek qiegħed jinfluwenza lil sħabek li huma iżgħar minnek. Staqsi lilek innifsek, ‘X’tip taʼ influwenza għandi fuq uħud iżgħar? Jien serju, billi nevita l-bluha u dawk “il-ġibdiet taż-żgħożija” li huma ħżiena? Nuri jien ubbidjenza u rispett lejn il-ġenituri tiegħi, l-anzjani, u lejn persuni akbar minni?’ (2 Tim. 2:22; Kol. 3:20) Dak li tgħid u tagħmel jistaʼ jkun fattur kbir għall-progress spiritwali taʼ wħud oħrajn iżgħar li joqogħdu attenti għall-azzjonijiet tiegħek.
4 L-ippridkar tal-messaġġ tas-Saltna huwa x-xogħol primarju tal-kongregazzjoni. Il-parteċipazzjoni mill-qalb u regulari tiegħek tistaʼ tinkuraġġixxi lil sħabek biex ikunu iktar attivi. Jekk tistaʼ tidħol fis-servizz taʼ pijunier, ħbiebek se jitqanqlu jagħmlu l-istess. Billi tikkummenta fil-laqgħat u toffri l-għajnuna tiegħek f’xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru fis-Sala tas-Saltna tistaʼ wkoll tagħti eżempju tajjeb.
5 Għalkemm Timotju ma kienx għadu adolexxent meta Pawlu tah il-parir li ġej, intom l-adolexxenti tistgħu tapplikawh: “Kun taʼ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.” (1 Tim. 4:12) Il-parteċipazzjoni tiegħek bil-ħeġġa u b’ruħek kollha fis-servizz taʼ Jehovah jistaʼ jeffettwa fil-pożittiv lil sħabek u oħrajn iżgħar li jkunu qegħdin josservaw, u dan jgħinhom biex jagħmlu progress ħalli jsiru nies maturi spiritwalment. (Efes. 4:13) Adolexxenti li huma parti minn familji li għadhom kif bdew jistudjaw jistgħu jinġibdu lejn il-verità b’dak li jaraw fik.
6 Saħansitra iktar importanti minn hekk, l-isforz persistenti tiegħek biex turi kwalitajiet bħal t’Alla jirrifletti tajjeb fuq Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu. (Prov. 27:11) Dawk l-uħud sinċieri li josservaw se jiskantaw bil-kuntrast kbir li hemm bejnek u bejn żgħażagħ oħra fid-dinja. Għalhekk, għandek opportunità unika biex tgħin lil uħud iżgħar, u b’hekk tkun qed tagħmel kontribuzzjoni prezzjuża taʼ tifħir għal Jehovah.—Salm 71:17. (km-E 7/94)