Kun Af lil Ħutek Sew
1 Ir-relazzjoni tagħna maʼ l-adoraturi sħabna tinvolvi iktar milli sempliċement nattendu għal-laqgħat magħhom fis-Sala tas-Saltna. Aħna nagħmlu r-rieda t’Alla, u dan iwassalna għal relazzjoni spiritwali maʼ Ġesù. (Mk. 3:34, 35) Din, imbagħad, twassalna biex ikollna relazzjoni spiritwali bħal dik taʼ familja fil-kongregazzjoni Kristjana, maʼ ħutna spiritwali, li ġejna kmandati biex inħobbu. (Ġw. 13:35) B’hekk, dawk li jassoċjaw man-“nies tad-dar taʼ Alla” għandhom jistinkaw biex isiru jafu lil xulxin sew.—Efes. 2:19.
2 Kun Af lil Ħutek b’Isimhom: Taf l-ismijiet kollha taʼ ħutek li qegħdin fil-grupp tiegħek taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni? Il-grupp ġeneralment ikun żgħir, u b’hekk jagħmilhielek kemxejn iktar faċli biex issir taf l-ismijiet taʼ ħafna, jekk mhux taʼ kulmin jattendi. Jekk int lanqas biss taf isimhom, tistaʼ tgħid li tafhom sew?
3 Xi ngħidu dwar li ssir taf lil oħrajn, inkluż it-tfal, li jattendu għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna? Forsi aħna nħobbu noqogħdu biss maʼ l-istess grupp taʼ ħbieb. Filwaqt li m’hijiex xi ħaġa ħażina li tieħu gost bil-kumpanija taʼ ċerti wħud b’mod regulari, aħna ma rridux insellmu mill-qalb jew nitkellmu b’mod inkuraġġanti maʼ ftit ħbieb biss. Hemm bżonn li aħna ‘niftħu qalbna beraħ [‘nitwessgħu,’ NW],’ billi nagħmlu sforz sabiex insiru nafu lil ħutna kollha sew. (2 Kor. 6:11-13) Dan jinkludi ovvjament li nkunu nafuhom b’isimhom.
4 L-aħwa rġiel li jmexxu l-laqgħat tal-kongregazzjoni jridu jipprovaw isiru jafu l-ismijiet taʼ dawk kollha li jattendu. Meta jsejħu lil kull wieħed minnhom b’isimhom minn fuq il-platform se jġagħluhom iħossu li l-kummenti tagħhom huma apprezzati, u fl-istess ħin, oħrajn isiru jafu x’jisimhom. Ovvjament, dejjem se jkun hemm uħud ġodda jew uħud li qed iżuruna fl-udjenza, u għalhekk ikun diffiċli għal kulħadd biex ikun jaf l-ismijiet kollha. Minkejja dan, l-isforz sinċier u kontinwu se jinkuraġġixxi lil oħrajn u se juri l-interess persunali ġenwin lejn l-aħwa.—Rum. 1:11, 12.
5 Ħu l-Inizjattiva biex Issir Tafhom Sew: L-indokraturi li jivvjaġġaw ġeneralment jirnexxilhom isiru jafu sew lil numru kbir t’aħwa. Kif jagħmluh dan? Bi tliet modi prinċipali: (1) Jaħdmu magħhom fis-servizz taʼ l-għalqa b’mod regulari; (2) meta jkunu jistgħu, jaċċettaw stediniet biex iżuruhom fi djarhom; u (3) jieħdu l-inizjattiva biex jiltaqgħu kemm mal-kbar u kemm maż-żgħar fil-laqgħat.
6 Tistaʼ tara xi modi kif int tistaʼ titwessaʼ fis-sħubijiet tiegħek u ssir taf lil ħutek sew? Żgur li nistgħu nistiednu oħrajn biex joħorġu magħna fuq is-servizz taʼ l-għalqa. Li mmorru minn dar għal dar, nagħmlu ż-żjajjar lura, jew li nagħtu xiehda fit-toroq bir-rivisti huma kollha modi tajbin ħafna kif nistgħu nsiru nafu lil xulxin sew. Tagħmel tajjeb ukoll jekk tistieden lil xi aħwa jiġu għandek id-dar, forsi biex tieklu ikla flimkien jew xi ħaġa ħafifa taʼ malajr kultant. Li nieħdu l-inizjattiva biex inkellmu lil uħud ġodda jew lil dawk mistħija se jkun ferm taʼ ġid f’li jibnihom spiritwalment u barra minn hekk se jġib barkiet għonja.—Atti 20:35; 1 Tess. 5:11.
7 Pawlu kien jaf lil ħutu sew. Billi rrefera għal ħafna minnhom personalment u semmiehom b’isimhom fl-ittri tiegħu, ta prova kemm kellu interess mingħajr egoiżmu fihom u mħabba ġenwina lejhom. (1 Tess. 2:17; 2 Tim 4:19, 20) L-isforzi tagħna biex insiru nafu lil ħutna sew se jġibu barkiet għalina lkoll.