Qed Nibqgħu Mqajmin
Filwaqt li Nevitaw Affarijiet li Jtellfuna?
1 Ġesù ta twissija: “Ishru, . . . biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull” inkwiet li żgur se jiġi. (Lq. 21:36) Qegħdin ngħixu fl-iktar żmien perikoluż taʼ l-istorja tal-bniedem. Hemm diżastru lest għal kulmin hu rieqed spiritwalment. Dan iqiegħed lil kull wieħed u waħda minna fil-periklu. Ġesù semma l-ikel, ix-xorb, u l-ansjetajiet tal-ħajja taʼ kuljum. Għala? Għaliex anki dawn l-affarijiet jistgħu jimlewlna rasna bil-ħsibijiet, itellfuna, u jwassluna għall-periklu taʼ li nispiċċaw norqdu spiritwalment.
2 Affarijiet li Ġeneralment Itellfuna: Xi wħud tefgħu ħsiebhom fuq rikreazzjoni eċċessiva u dubjuża, saħansitra saru ma jgħaddux mingħajr it-televixin. Ovvjament, li nfittxu s-Saltna l-ewwel ma jfissirx li nevitaw kull forma taʼ rikreazzjoni. Meta nkunu raġunevoli u moderati, ir-rikreazzjoni tistaʼ tkun taʼ benefiċċju. (Qabbel l-1 Timotju 4:8.) Iżda din ittellifna meta ssir xi ħaġa prinċipali f’ħajjitna, tiħodilna ħafna mill-ħin, ir-riżorsi, jew mis-sehem tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.
3 Xi ħaġa oħra li ġeneralment ittellifna u ġġagħalna norqdu spiritwalment hija x-xewqa għal affarijiet materjali li m’humiex bżonnjużi. Din titlob mill-individwu li jqattaʼ iktar ħin fix-xogħol sekulari u ġġiegħel lil dak li jkun iwarrab l-interessi spiritwali fil-ġenb. Xi wħud tilfu l-ħarsa tagħhom mill-miri spiritwali billi saru mitlufin f’li jiksbu affarijiet materjali sabiex ikollhom ħajja iktar komda. Filwaqt li għandna bżonn “x’nieklu u x’nilbsu,” irridu noqogħdu attenti li ma nsirux inħobbu l-flus, ħaġa li tistaʼ tbegħedna mill-fidi. (1 Tim. 6:8-10) Jekk ma nżommux il-ħarsa tagħna ffokata fuq l-interessi tas-Saltna, nistgħu nittraskuraw il-bżonnijiet spiritwali tal-familja tagħna u nonqsu li nwettqu l-ministeru tagħna.—1 Tim. 5:8; 2 Tim. 4:5.
4 Xorta waħda, oħrajn iħallu lil qalbhom titmewwet bl-ansjetajiet tal-ħajja sal-punt li jispiċċaw jorqdu spiritwalment. (Lq. 21:34) Xi kultant, ngħaddu minn ansjetajiet minħabba problemi taʼ saħħa jew sitwazzjonijiet taʼ inkwiet fil-familja. Iżda m’għandniex inħallu inkwiet persunali bħal dan inaqqas l-attenzjoni tagħna mit-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet li qed joqrob b’pass tant mgħaġġel.—Mk. 13:33.
5 Tgħidx kemm jieħu gost ix-Xitan jekk jirnexxilu jġibna qisna qegħdin f’ħolma, niġru wara xi fantasija tad-dinja. Irridu nissieltu biex nibqgħu mqajmin spiritwalment. Nafu li ‘jum il-Mulej ġej bħal ħalliel,’ u huwa vitali li nibqgħu mqajmin u f’sensina. (1 Tess. 5:2, 6) Jekk naraw xi sinjal fina nfusna li qed nonogħsu, huwa urġenti li “nwarrbu . . . l-għemil tad-dlam.”—Rum. 13:11-13.
6 Għajnuniet biex Nibqgħu Mqajmin: X’inhuma dawn l-għajnuniet? It-talb huwa essenzjali. Irridu nitolbu bla heda. (1 Tess. 5:17) Li nżommu qrib tal-kongregazzjoni Kristjana se jħajjarna “għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” (Lhud 10:24) Eżami regulari, u onest tagħna nfusna jistaʼ jgħinna nibqgħu għassa għall-bżonn li negħlbu d-dgħjufijiet. (2 Kor. 13:5) Drawwiet tajbin taʼ studju persunali se jżommuna ‘mrawmin fil-kliem tal-fidi.’ (1 Tim. 4:6) Jekk aħna nħabirku, nistgħu nkunu fiduċjużi li se nkunu kapaċi nevitaw it-tfixkil, filwaqt li ‘nishru, u nżommu sħiħ fil-fidi.’—1 Kor. 16:13. (km-E 10/95)