Qatt Ma Kellna Daqshekk Abbundanza Spiritwalment!
1 Il-biċċa l-kbira tan-nies jixxennqu għall-ġurnata fejn ikunu jistgħu jgħidu: “Qatt ma kellna daqshekk abbundanza!” F’moħħhom, dik il-ġurnata se tiġi meta jkollhom abbundanza t’affarijiet materjali, u jkunu jistgħu ‘jiħduha bil-mod, jieklu, jixorbu, u jgawdu.’ (Luqa 12:19) F’kuntrast, bħalissa nistgħu ngħidu li f’sens spiritwali, ma jonqosna xejn. (Salm 34:10) Dan kif inhu possibbli?
2 Proverbji 10:22 jiddikjara li “l-barka taʼ Jehovah—dik hija li tagħmel għani.” Aħna li nesperjenzaw favur divin bħal dan nistgħu verament ngħidu li Alla “jfornina b’kollox bil-għana għat-tgawdija tagħna.” (1 Tim. 6:17) Dan jagħmilna l-iktar nies sinjuri fuq l-art!
3 Ngħoddu L-Barkiet Tagħna: Ftit minna għandhom abbundanza t’affarijiet materjali. Madankollu, aħna mberkin għax ma ninkwetawx iżżejjed dwar il-bżonnijiet taʼ kuljum tagħna. Jehovah jaf x’affarijiet għandna bżonn, u hu jwiegħed li se jipprovdihom. (Matt. 6:31-33) L-assiguranza tiegħu tagħtina paċi tal-moħħ verament imprezzabbli.
4 Il-barkiet spiritwali tagħna, madankollu, huma saħansitra akbar. Ħajjitna tiddependi minn ikel spiritwali mingħand Jehovah. (Matt. 4:4) Dawk li jfittxu sorsi dinjin għal manteniment spiritwali jibqgħu bil-ġuħ fil-waqt li aħna nieklu u nixorbu sakemm nixbgħu. (Isa. 65:13) L-“irsir leali” jiftħilna t-triq għal provista li ma tispiċċa qatt t’għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.—Matt. 24:45; Ġwn. 17:3.
5 Il-fratellanza prezzjuża tagħna madwar id-dinja tipprovdilna sħubija kordjali t’aħwa rġiel u nisa li jgħixu f’kull parti taʼ l-art. (Ġwn. 13:35) Il-kongregazzjoni lokali hija refuġju taʼ paċi, fejn nistgħu nsibu faraġ u rifreskar. L-anzjani qegħdin għassa taʼ ruħna, billi jgħinuna nkampaw maʼ ħafna tipi taʼ problemi. (Eb. 13:17) Li nersqu qrib taʼ ħutna jirriżulta fi bdil taʼ inkuraġġiment, u dan isaħħaħna biex nipperseveraw.—Rum. 1:11, 12.
6 Saħansitra x-xogħol tagħna huwa barka. Ħafna impjiegi sekulari huma monotoni u bla sodisfazzjon. Li naqsmu l-aħbar tajba jġib ferħ lil oħrajn u hena lilna. (Atti 20:35) Aħna verament nistgħu naraw riżultat tajjeb għax-xogħol iebes kollu tagħna.—Ekkl. 2:24.
7 Fuq kollox, għandna tama meraviljuża għall-futur. (Rum. 12:12) Inħarsu ’l quddiem lejn dinja ġdida perfetta taʼ tjieba, fejn se ngħixu mal-maħbubin tagħna fl-hena u fil-paċi għal dejjem! Din it-tama hija teżor li jiswa iktar minn kull ħaġa li din id-dinja għandha x’toffri.—1 Tim. 6:19.
8 Kif Nistgħu Nuru L-Apprezzament Tagħna? Qatt ma nistgħu nħallsu lil Jehovah taʼ dak li għamel għalina. Nistgħu biss nesprimu l-apprezzament tagħna billi (1) nirringrazzjawh kuljum għall-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu (Ef. 5:20), (2) nuru l-imħabba tagħna billi nobdu (1 Ġwn. 5:3), (3) inqaddsu lil ismu billi nippridkaw l-aħbar tajba (Salm 83:18), u (4) nappoġġjaw lill-kongregazzjoni Kristjana bil-koperazzjoni b’qalb sħiħa tagħna.—1 Tim. 3:15.
9 Aħna għandna kull raġun għalfejn inkunu l-iktar nies henjin fuq l-art. (Salm 144:15b) Jalla l-attitudni, il-kondotta, u s-servizz tagħna jirriflettu l-ferħ li nħossu fil-ġenna spiritwali tagħna. Qatt ma konna daqshekk tajjeb!