Għandek Int Iżżejjed X’Tagħmel?
1 Pawlu ħeġġiġna biex ‘ikollna dejjem ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Aħna mħeġġin biex inżommu rutina taʼ kuljum taʼ studju persunali, li nieħdu sehem regolarment fil-ministeru, li nattendu l-laqgħat bil-lealtà kollha, u li nieħdu ħsieb taʼ inkarigi fil-kongregazzjoni b’diliġenza. Flimkien maʼ dan, irridu ngħinu lil oħrajn li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. B’daqshekk xogħol li rridu nagħmlu, taʼ spiss inħossuna li ma nifilħux għal iktar, u naħsbu li hemm bżonn naraw kif se nnaqqsu l-ammont taʼ xogħol.
2 Hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun kemm għaqli u kemm raġonevoli li nneħħu ċerti attivitajiet jew innaqqsu l-ammont tagħhom. Xi individwi jħossuhom li huwa mistenni li jagħmlu dak kollu li ħaddieħor jitlob minnhom. Nuqqas taʼ bilanċ f’dan ir-rigward jistaʼ jġib pressjoni u stress li jistgħu fl-aħħar mill-aħħar isiru qerrieda.
3 Kunu Bbilanċjati: It-tweġiba għall-bilanċ qiegħda f’li napplikaw il-parir taʼ Pawlu biex “tistgħu tkunu żguri mill-affarijiet iktar importanti.” (Fil. 1:10) Dan sempliċement ifisser li aħna nikkonċentraw fuq l-affarijiet li verament jiswew u, jekk il-ħin u ċ-ċirkostanzi jippermettu, nieħdu ħsieb t’affarijiet b’inqas importanza. L-obbligi tal-familja ċertament li jiġu minn taʼ l-ewwel fost dawk l-affarijiet li huma vitali. Ċerti responsabbiltajiet sekulari jingħataw attenzjoni. Madankollu, Ġesù għallem li l-prijoritajiet tagħna għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju taʼ li nfittxu l-ewwel is-Saltna. Irridu l-ewwel nagħmlu l-affarijiet li se jgħinuna nwettqu d-dedikazzjoni tagħna lejn Jehovah.—Matt. 5:3; 6:33.
4 B’dan f’moħħna, se nkunu ċerti li naqtgħu mill-iskeda bieżla tagħna xi attivitajiet persunali taʼ bla bżonn, xi attivitajiet taʼ rikreazzjoni li jieħdu ħafna ħin, u xi rbit m’oħrajn li m’huwiex essenzjali. F’li nippjanaw l-attività tagħna għal kull ġimgħa, se nwarrbu ħin biżżejjed għal studju persunali, għal sehem raġonevoli fis-servizz, biex nattendu l-laqgħat, u biex nagħmlu kwalunkwe affarijiet oħrajn marbutin mill-qrib mal-qima tagħna. Il-ħin li jifdal jistaʼ jiġi mqassam bejn attivitajiet oħrajn, jiddependi minn kemm dawn jgħinuna biex niksbu l-mira primarja tagħna taʼ li nkunu Kristjani bbilanċjati li nżommu s-Saltna l-ewwel.
5 Saħansitra wara dan kollu, forsi xorta għadna nħossu li t-tagħbija tagħna hija oppressiva. Jekk dan hu minnu, jeħtieġ li nwieġbu għall-istedina taʼ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nirrifreskakom.” (Matt. 11:28) Ukoll, dur lejn Jehovah, “li kuljum iġorr it-tagħbija għalina” u li jagħti qawwa lill-għajjien. Hu jwiegħed li qatt ma se jħalli lit-tajjeb jixxengel. (Salm 55:22; 68:19; Isa. 40:29) Nistgħu nkunu fiduċjużi li t-talb tagħna se jiġi mwieġeb, u b’hekk jagħmilha possibbli għalina li nipperseveraw f’ħajja attiva t’attività teokratika.
6 Fil-waqt li ċerti li se nibqgħu beżlin f’li niġru wara interessi tas-Saltna taʼ siwi, nistgħu nifirħu f’li nkunu nafu li t-taħbit tagħna m’huwiex għalxejn f’konnessjoni mal-Mulej.—1 Kor. 15:58.