Il-Laqgħat Iħeġġu Xogħlijiet mill-Aħjar
1 Żewġ aspetti essenzjali tal-qima tagħna huma li nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni u li nieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. It-tnejn li huma jmorru id f’id. Wieħed jinfluwenza lill-ieħor. Il-laqgħat Kristjani jħeġġu xogħlijiet mill-aħjar, li l-aħjar fosthom huwa x-xogħol taʼ li nippridkaw dwar is-Saltna u nagħmlu dixxipli. (Lhud 10:24) Kieku kellna ma nibqgħux nattendu l-laqgħat, x’aktarx li ma ndumux ma nieqfu nippridkaw għax ma nkunux imħeġġin biex nagħmlu hekk.
2 Fil-laqgħat taʼ kull ġimgħa, nirċievu istruzzjoni spiritwali maħsuba biex timmotivana ħalli nippridkaw. L-urġenza taż-żminijiet tissemma ħafna drabi, u dan iħeġġiġna biex nieħdu għand oħrajn il-messaġġ tal-Bibbja li jagħti l-ħajja. Niġu inkuraġġiti u msaħħin biex nissaportu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Matt. 24:13, 14) Billi nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex nikkummentaw fil-laqgħat, nidraw iktar nesprimu l-fidi tagħna quddiem oħrajn. (Lhud 10:23) Billi ninkitbu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, nirċievu taħriġ biex inkunu ministri iktar effettivi u biex intejbu l-abbiltajiet tagħna tat-tagħlim.—2 Tim. 4:2.
3 Kif Il-Laqgħat Tas-Servizz Iħeġġuna Biex Nippridkaw: Aħna lkoll inkuraġġiti biex ngħaddu l-materjal f’Il-Ministeru Tas-Saltna minn qabel. Din l-informazzjoni mbagħad tissammar f’moħħna hekk kif nattendu l-Laqgħa tas-Servizz u naraw turijiet ippreżentati minn fuq il-platform. Meta nkunu fis-servizz taʼ l-għalqa, nistgħu nerġgħu naħsbu f’Il-Ministeru Tas-Saltna, niftakru l-preżentazzjonijiet li ntwerew, u b’hekk nagħtu xiehda iktar effettiva. Dan kien minnu fil-każ taʼ ħafna pubblikaturi.
4 Biex ikomplu jaħdmu fuq dak li jkun intqal fil-Laqgħat tas-Servizz, xi wħud jagħmlu appuntamenti m’oħrajn biex jieħdu sehem flimkien fil-ministeru. Il-pubblikaturi jkollhom il-punti tas-servizz friski f’moħħhom u jkunu stimulati biex jipprovawhom għaliex dawn il-laqgħat inkuraġġewhom biex jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar kull ġimgħa.
5 M’hemm l-ebda sostitut għal-laqgħat Kristjani tagħna, fejn niltaqgħu m’adoraturi sħabna u niġu mħeġġin għal xogħlijiet mill-aħjar. Jekk irridu li l-ministeru tagħna jiffjorixxi, irridu nattendu regolarment il-laqgħat tal-kongregazzjoni. Jalla nuru apprezzament għal dan il-provvediment meraviljuż mingħand Jehovah billi “ma ninqatgħux mill-laqgħat tagħna flimkien.”—Lhud 10:25.