Il-Ministeru Tagħna—Espressjoni taʼ Mħabba Vera
1 Bil-ministeru tagħna aħna nuru l-ubbidjenza tagħna lejn l-akbar żewġ kmandamenti. (Mt. 22:37-39) L-imħabba tagħna għal Jehovah timmotivana biex nitkellmu b’mod pożittiv fuqu. L-imħabba għall-proxxmu tagħna tqanqalna biex ninkuraġġuhom ifittxu l-għarfien dwar ir-rieda u l-iskopijiet taʼ Alla sabiex, bħalna, huma jistgħu jsiru jħobbu lil Jehovah u jkun jixirqilhom jieħdu l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Mela, allura, bil-ministeru tagħna nonoraw l-isem taʼ Jehovah u naqsmu t-tama imprezzabbli tas-Saltna mal-proxxmu tagħna. Iva, il-ministeru tagħna huwa espressjoni taʼ mħabba vera għal Alla u għall-bniedem.
2 Imħabbitna ġġagħalna nitkellmu maʼ kull xorta taʼ nies f’kull xorta taʼ ċirkostanzi. (1 Kor. 9:21-23) Biex nagħtu eżempju: Meta kien qiegħed fuq ajruplan, anzjan Kristjan poġġa bil-qiegħda ħdejn qassis Kattoliku Ruman. L-anzjan ħall ilsien il-qassis billi bit-tattika staqsieh ftit mistoqsijiet u mbagħad idderieġa d-diskussjoni lejn is-Saltna. Sakemm il-qassis ġie biex jinżel mill-ajruplan, hu kien aċċetta żewġ kotba minn tagħna. X’riżultat mill-aħjar għall-espressjoni taʼ mħabba vera li wera l-anzjan għall-proxxmu tiegħu!
3 L-Imħabba Vera Timmotivana biex Nippridkaw: Dawk li jieħdu sehem fix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju u full-time ċertament li qegħdin jesprimu mħabba vera għal Alla u għall-proxxmu. Il-pijunieri qegħdin il-ħin kollu jissagrifikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jgħinu lil oħrajn spiritwalment. X’jimmotivahom biex jagħmlu hekk? Waħda pijuniera qalet: “Naf li l-imħabba hija frotta taʼ l-ispirtu taʼ Alla. Għalhekk mingħajrha, lanqas biss kont inkun fil-verità, aħseb u ara kemm kont nirnexxi bħala pijuniera. L-imħabba ġġagħalni ninteressa ruħi fin-nies, inkun konxja tal-bżonnijiet tagħhom, u jien napprezza li n-nies iwieġbu għall-imħabba.” Ġesù wera mħabba bħal din għan-nies. Darba meta hu u d-dixxipli mifluġin tiegħu kienu sejrin x’imkien biex ‘jistrieħu ftit,’ il-folol waslu hemm qabilhom. X’għamel Ġesù? Billi “tħassarhom,” hu warrab il-bżonnijiet persunali tiegħu fil-ġenb sabiex “jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.”—Mk. 6:30-34.
4 Saħansitra meta n-nies jirrifjutaw l-aħbar tajba li noffrulhom, aħna nesperjenzaw ferħ ġewwieni, billi nafu li mqanqlin mill-imħabba, għamilna l-aħjar tagħna biex ngħinuhom jiksbu s-salvazzjoni. Meta fl-aħħar mill-aħħar ilkoll kemm aħna niġu ġġudikati minn Kristu, se nkunu henjin ħafna li wrejna mħabba vera billi ‘qdejna sewwa l-ministeru tagħna.’—2 Tim. 4:5.