Jieħdu Ħsieb l-Affarijiet li s-Sid Jippossiedi
1 Fi żminijiet Bibliċi prokuratur kellu pożizzjoni taʼ fiduċja kbira. Abraham ta lill-prokuratur tiegħu l-inkarigu li jsib mara għal ibnu, Iżakk. (Ġen. 24:1-4) Fi ftit kliem, il-prokuratur kien responsabbli li jiżgura li l-linja t’Abraham tkompli sejra. X’responsabbiltà dik! Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu qal: “L-amministraturi [“prokuraturi,” New World Translation] wieħed jistenniehom li jkunu fidili”!—1 Kor. 4:2.
Il-Prokura Kristjana
2 Xi aspetti tal-ministeru Kristjan huma deskritti fil-Bibbja bħala prokuri. Per eżempju, l-appostlu Pawlu kellem lill-Efesin dwar il-“pjan [“prokura,” NW] tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom.” (Efes. 3:2; Kol. 1:25) Hu qies l-inkarigu tiegħu li jġorr l-aħbar tajba lill-ġnus bħala prokura li kellu jimmaniġġaha fedelment. (Atti 9:15; 22:21) L-appostlu Pietru kiteb lil ħutu midlukin: “Ilqgħu ’l xulxin bla tgergir. Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid taʼ l-oħrajn, hekk tkunu amministraturi [“prokuraturi”, NW] tajbin tal-grazzja taʼ Alla, li hi taʼ ħafna xorta.” (1 Pt. 4:9, 10; Lhud 13:16) Kwalunkwe ħaġa materjali li ppossedew dawk il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienet riżultat tal-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah. Għalhekk, kienu prokuraturi taʼ dawk l-affarijiet u kellhom bżonn jużawhom b’mod Kristjan.
3 Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom ħarsa simili dwar l-affarijiet. Huma ddedikaw ruħhom lil Alla Jehovah u jqisu dak kollu li għandhom—ħajjithom, is-saħħa fiżika tagħhom, l-affarijiet materjali li jippossiedu—bħala frott tal-“grazzja taʼ Alla, li hi taʼ ħafna xorta.” Bħala prokuraturi mill-aħjar, huma jħossu li jridu jagħtu kont lil Alla Jehovah għall-mod kif jużaw dawn l-affarijiet. Iktar minn hekk, huma ngħataw għarfien taʼ l-aħbar tajba. Din ukoll hija ħaġa li ġew fdati biha u li jixtiequ jużawha bl-aħjar mod possibbli: biex ifaħħru bil-kbir l-isem taʼ Jehovah u jgħinu lil oħrajn jaslu għal għarfien tal-verità.—Mt. 28:19, 20; 1 Tim. 2:3, 4; 2 Tim. 1:13, 14.
4 Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif qed iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala prokuraturi? Ir-rapport annwali juri li s-sena l-oħra biss, mad-dinja kollha qattgħu iktar minn biljun siegħa jippridkaw “l-Evanġelju tas-Saltna” u kkonduċew iktar minn 4,500,000 studju tal-Bibbja fid-dar maʼ persuni li juru interess. (Mt. 24:14) Il-fedeltà tagħhom bħala prokuraturi taʼ Jehovah ntweriet ukoll mill-kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħhom lejn ix-xogħol mad-dinja kollha u biex jappoġġjaw is-Swali tas-Saltna lokali, bl-ospitalità tagħhom lejn indokraturi li jivvjaġġaw u oħrajn, u bil-qalb tajba straordinarja tagħhom lejn dawk fi bżonn kbir—bħal vittmi taʼ konflitti armati. Bħala grupp, il-Kristjani veri qed jieħdu ħsieb sewwa taʼ l-affarijiet li s-Sid jippossiedi.
“Il-Qaddej [“Prokuratur”] Fidil u Għaqli”
5 Il-prokura teżisti mhux biss fuq livell individwali imma wkoll fuq livell organizzazzjonali. Ġesù sejjaħ lill-kongregazzjoni Kristjana midluka fuq l-art “il-qaddej [“prokuratur,” NW] fidil u għaqli.” (Lq. 12:42) Ir-responsabbiltà taʼ dan il-‘prokuratur fidil’ hija li jipprovdi “l-ikel” u jieħu t-tmexxija fl-ippridkar internazzjonali taʼ l-aħbar tajba. (Apk. 12:17) Irrelatat maʼ dan, il-klassi tal-prokuratur fidil, irrappreżentata mill-Ġemgħa li Tiggverna, għandha responsabbiltà mogħtija minn Alla biex timmaniġġa b’mod xieraq it-“talenti” materjali u spiritwali tagħha. (Mt. 25:15) Fi qbil maʼ l-eżempju tal-‘prokuratur fidil,’ korporazzjonijiet individwali tal-fergħa jagħmlu kull sforz biex jużaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha b’manjiera responsabbli, biex jippromwovu l-interessi tas-Saltna. Dawn id-donazzjonijiet kollha jsiru b’fiduċja, u l-“qaddej [“prokuratur”] fidil u għaqli” huwa responsabbli li jiżgura li jintużaw għall-iskop intenzjonat u li jiġu mmaniġġati bil-għaqal, ekonomikament, u b’mod effettiv.
6 Eżempju wieħed taʼ l-użu għaqli tal-fondi kkontribwiti jidher fiż-żjieda taʼ l-attività taʼ stampar tax-Xhieda taʼ Jehovah matul is-seklu 20. Id-distribuzzjoni taʼ Bibbji kif ukoll taʼ letteratura Biblika—ktejjeb, rivisti, kotba, browxers, fuljetti, u Aħbarijiet tas-Saltna—kellha parti importanti f’li jixxerred “l-Evanġelju” matul dan iż-żmien taʼ “l-aħħar tad-dinja.” (Mk. 13:10; 2 Tim. 3:1) U t-Torri taʼ l-Għassa kien u għadu strument ewlieni biex lin-“nies tad-dar taʼ Alla” u lil sħabhom, il-“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” “jagħtihom jieklu fil-ħin.”—Efes. 2:19; Apk. 7:9; Ġw. 10:16; Mt. 24:45.
7 Għall-ewwel, il-letteratura kollha tax-Xhieda taʼ Jehovah ġiet prodotta minn stampaturi kummerċjali. Imma matul is-snin 20, ġie deċiż li kien se jkun iktar effiċjenti u taʼ benefiċċju spiritwalment jekk il-qaddejja taʼ Jehovah jagħmlu l-istampar tagħhom. Billi bdew bi ftit affarijiet fl-1920, ix-xogħol taʼ stampar żdied bil-mod il-mod fi Brooklyn, New York, sakemm kiber ħafna. Sa l-1967 il-faċilitajiet taʼ l-istampar koprew erbaʼ blokkijiet tal-belt. Beda jsir ukoll stampar f’pajjiżi oħrajn, imma fil-biċċa l-kbira minnhom, dan ġie interrott fit-Tieni Gwerra Dinjija.
8 Minkejja kemm kiber ix-xogħol taʼ stampar fl-Istati Uniti, qatt ma kien biżżejjed biex iforni lid-dinja kollha. Għalhekk, fis-snin taʼ wara l-gwerra, inbeda xogħol taʼ stampar jew kien diġà nbeda f’ħafna pajjiżi oħrajn, inklużi l-Afrika taʼ Isfel, id-Danimarka, il-Ġermanja tal-Punent, il-Greċja, l-Ingilterra, l-Isvizzera, u l-Kanada. Sal-bidu tas-snin 70, l-Awstralja, il-Brażil, il-Filippini, il-Finlandja, il-Ġappun, il-Gana u n-Niġerja ġew miżjudin mal-lista. Xi wħud minn dawn il-pajjiżi pproduċew ukoll kotba illegati. Ukoll kmieni fis-snin 70, missjunarji taʼ Gilgħad ġew imħarrġin fi snajjaʼ taʼ stampar u mibgħutin lejn xi wħud minn dawn il-pajjiżi biex jgħinu lill-aħwa lokali fix-xogħol taʼ stampar.
9 Matul is-snin 80, in-numru taʼ pajjiżi li fihom kienu jiġu stampati r-rivisti laħaq il-quċċata taʼ 51.a Dan kollu kemm irriżulta li kien użu mill-aħjar taʼ l-affarijiet li s-Sid jippossiedi! X’evidenza qawwija tat-tkabbir tax-xogħol tas-Saltna! U x’testimonjanza potenti għall-appoġġ ġeneruż taʼ miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah individwali li ‘jweġġħu lil Jehovah b’ġidhom’! (Prov. 3:9) B’hekk, taw prova li kienu prokuraturi mill-aħjar taʼ dak li Jehovah kien berikhom bih b’diversi modi.
Bidla fl-Iffokar
10 Matul is-snin 70 u kmieni fis-snin 80, saru avvanzi kbar fit-teknoloġija taʼ l-istampar, u x-Xhieda taʼ Jehovah adottaw tekniki iġded taʼ stampar. Qabel, kienu wżaw l-istil taʼ stampar tradizzjonali bil-proċess letterpress. Bil-mod il-mod dan inbidel waqt li bdew jadottaw l-istampar offset iktar modern. Bħala riżultat, pubblikazzjonijiet sbieħ qed jiġu prodotti bi stampi b’kull kulur, flok l-istampi b’żewġ kuluri (iswed flimkien maʼ kulur ieħor) li kienu possibbli fuq il-letterpresses il-qodma. Iżjed minn hekk, it-teknoloġija tal-kompjuter bidlet ix-xogħol kollu li jsir qabel maʼ jmur fil-pressa (preparazzjoni għall-istampar). Ix-Xhieda taʼ Jehovah żviluppaw Sistema Multilingwali għall-Fotokompożizzjoni Elettronika (MEPS), sistema kkompjuterizzata li issa tappoġġja l-istampar f’iktar minn 370 lingwa differenti. L-ebda programm kummerċjali ma jistaʼ jitqabbel mal-MEPS fil-kapaċità tiegħu biex jiffunzjona f’daqstant lingwi.
11 Grazzi għat-teknoloġija tal-kompjuter tal-MEPS u l-użu taʼ metodi ġodda bħalma hi l-posta elettronika, sar avvanz kbir ieħor f’li jiġi prodott ikel fil-ħin xieraq. Qabel, meta kienet tintuża t-teknoloġija iktar qadima, rivisti li ma kinux bil-lingwa Ingliża kien fihom l-informazzjoni xhur jew saħansitra sena wara l-Ingliż. Issa, It-Torri taʼ l-Għassa jidher simultanjament f’115-il lingwa differenti, u Stenbaħ! fi 62 lingwa. Dan ifisser li mad-dinja kollha ’l fuq minn 95 fil-mija taʼ dawk li jattendu għall-Istudju taʼ kull ġimgħa tat-Torri taʼ l-Għassa tax-Xhieda taʼ Jehovah jikkunsidraw l-istess materjal fl-istess ħin. X’barka hi din! Ċertament li b’dan l-investiment f’dik it-teknoloġija ġdida kollha l-affarijiet li s-Sid jippossiedi ntużaw b’mod mill-aħjar!
Ħtiġijiet Organizzazzjonali Differenti
12 Dawn is-sistemi ġodda biddlu l-ħtiġijiet organizzazzjonali tax-xogħol taʼ stampar mad-dinja kollha tax-Xhieda taʼ Jehovah. Preses offset bir-romblu jgħaġġlu ferm iktar mil-letterpresses qodma, imma huma wkoll ferm iktar għaljin. Sistemi tal-kompjuter li jappoġġjaw xogħol irrelatat, bħalma huma l-kitba, it-traduzzjoni, l-arti, u l-grafika, fil-waqt li joffru bil-wisq iktar possibbiltajiet mis-sistemi qodma, jiswew iktar ukoll. Malajr sar jidher ċar li ma kienx għadu ekonomiku li jiġu stampati rivisti f’51 pajjiż differenti. Għaldaqstant, fis-snin 90, ‘il-prokuratur fidil’ reġaʼ eżamina s-sitwazzjoni. X’kienet il-konklużjoni?
13 L-istudji indikaw li l-‘ġid’ ikkontribwit mix-Xhieda taʼ Jehovah u ħbiebhom kien se jintefaq aħjar kieku x-xogħol taʼ stampar jiġi kkonsolidat. Għalhekk, in-numru taʼ fergħat li jistampaw tnaqqas bil-mod il-mod. Il-Ġermanja ħadet il-kontroll taʼ l-istampar tar-rivisti u tal-letteratura għal ħafna pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant u l-Punent, inklużi xi ftit li qabel kienu jimmaniġġaw l-istampar tagħhom stess. L-Italja tipprovdi rivisti u letteratura għal partijiet mill-Afrika u l-Ewropa tax-Xlokk, inklużi l-Greċja u l-Albanija. Fl-Afrika, l-istampar tar-rivisti ġie llimitat għan-Niġerja u l-Afrika taʼ Isfel. Konsolidazzjoni simili seħħet madwar id-dinja.
Fatturi li Jridu Jitqiesu
14 Sa Lulju taʼ l-1998, l-istampar tar-rivisti se jkun ġie mwaqqaf f’għadd taʼ pajjiżi Ewropej, inklużi l-Awstrija, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Isvizzera, u l-Olanda. Il-piż taʼ stampar fl-Ewropa se jinġarr mill-Britannja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Isvezja, l-Italja, u Spanja. B’dan il-mod, se jiġu evitati spejjeż bla bżonn u l-kontribuzzjonijiet se jintużaw aħjar għax-xogħol mad-dinja kollha. Kif ġie deċiż liema pajjiżi kienu se jibqgħu postijiet fejn isir l-istampar u liema kienu se jieqfu jistampaw? Fi qbil mal-mandat tiegħu li jieħu ħsieb bil-għaqal taʼ l-affarijiet li s-Sid jippossiedi, ‘il-prokuratur fidil’ ivvaluta bir-reqqa l-prattiċità taʼ l-istampar f’kull post.
15 Ir-raġuni prinċipali għala l-istampar f’xi pajjiżi ma tkompliex u f’oħrajn ġie kkonsolidat kienet il-prattiċità. Li jkollok pajjiż wieħed li jistampa l-letteratura għal diversi pajjiżi oħrajn huwa iktar konvenjenti u huwa użu aħjar taʼ makkinarju għali ferm. Issa l-istampar qed isir fejn il-prezz hu irħas, il-materjal huwa disponibbli, u l-faċilitajiet tat-trasport bil-baħar huma tajbin. B’hekk, l-affarijiet li s-Sid jippossiedi qed jintużaw tajjeb. M’għandniex xi ngħidu, li ma jitkompliex l-istampar f’xi pajjiż ma jkunx ifisser li x-xogħol taʼ l-ippridkar hemmhekk se jieqaf. Se jkun għad hemm provvista abbundanti taʼ materjal stampat disponibbli, u l-mijiet t’eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah f’dawk il-pajjiżi se jkomplu jgħidu b’mod żeluż ‘l-aħbar taʼ sliem’ lill-proxxmu tagħhom. (Efes. 2:17) Iktar minn hekk, dan ix-xogħol organizzat mill-ġdid irriżulta f’benefiċċji oħrajn.
16 Biex insemmu benefiċċju wieħed, il-biċċa l-kbira tal-preses moderni mid-Danimarka, il-Greċja, l-Isvizzera, u l-Olanda ntbagħtu fil-Filippini u fin-Niġerja. Ħaddiema tas-sengħa mill-pajjiżi Ewropej aċċettaw l-istedina li jmorru mal-preses u jħarrġu lill-ħaddiema lokali fl-użu tagħhom. Għaldaqstant, dawk il-pajjiżi issa qed ikollhom l-istess rivisti taʼ kwalità għolja li kellhom pajjiżi oħrajn.
17 Ikkunsidra benefiċċju ieħor: L-ispiża taʼ l-istampar tar-rivisti issa waqgħet fuq il-ftit pajjiżi fejn l-istampar qed jitkompla. Bħala riżultat, f’pajjiżi fejn l-istampar ma tkompliex, ir-riżorsi issa huma disponibbli għal skopijiet oħrajn, bħalma hu l-bini tas-Swali tas-Saltna u l-għajnuna biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ ħutna f’pajjiżi iktar foqra. B’hekk, użu bir-reqqa taʼ l-affarijiet li s-Sid jippossiedi jfisser li l-kliem taʼ Pawlu lill-Korintin jistaʼ jiġi applikat b’mod iktar effettiv fuq skala internazzjonali: “Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqaʼ kollu fuqkom, imma kulħadd indaqs. Bħalissa ħallu ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes taʼ dawk li ma għandhomx . . . U hekk ikun kulħadd indaqs.”—2 Kor. 8:13, 14.
18 Bħala riżultat taʼ din il-konsolidazzjoni, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja huma marbutin flimkien iktar mill-qrib minn qatt qabel. M’hijiex problema għax-Xhieda fid-Danimarka li jkollhom ir-rivisti tagħhom stampati fil-Ġermanja, għalkemm qabel kienu jistampawhom huma stess. Huma grati għas-servizz taʼ ħuthom il-Ġermaniżi. Jiddispjaċihom ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja minħabba l-fatt li l-kontribuzzjonijiet tagħhom qed jintużaw biex tiġi pprovduta l-letteratura Biblika għad-Danimarka—jew għar-Russja, l-Ukraina, jew pajjiżi oħrajn? Dażgur li le! Huma ferħanin li jkunu jafu li l-kontribuzzjonijiet taʼ ħuthom f’dawk il-pajjiżi jistgħu issa jintużaw għal skopijiet neċessarji oħrajn.
Jieħdu Ħsieb taʼ l-Affarijiet
19 F’kull Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, hemm kaxxa tal-kontribuzzjoni mmarkata “Kontribuzzjonijiet għax-Xogħol tas-Soċjetà mad-Dinja Kollha—Mattew 24:14.” Kontribuzzjonijiet mhux mitlubin mitfugħin f’dawk il-kaxxi huma disponibbli għall-użu kulfejn ikun meħtieġ. Kif jintużaw il-kontribuzzjonijiet jiġi deċiż mill-‘prokuratur fidil’ u korporazzjonijiet individwali tal-fergħa. Għaldaqstant, fejn hu permess mill-liġi, flus li jintefgħu f’kaxxa għall-kontribuzzjoni f’pajjiż wieħed jistgħu jappoġġjaw l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Jehovah f’pajjiż ieħor eluf taʼ kilometri ’l bogħod. Xi kontribuzzjonijiet intużaw biex f’emerġenzi tiġi pprovduta għajnuna lil kredenti sħabna li jkunu qed isofru minħabba affarijiet bħalma huma uragani, tornadi, terremoti, u gwerer ċivili. U donazzjonijiet bħal dawn qed jintużaw f’xi pajjiżi biex imantnu lill-missjunarji f’iktar minn 200 pajjiż.
20 Fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, bħala regola ġenerali, kwistjonijiet finanzjarji jissemmew darba waħda fix-xahar—u għal ftit minuti biss. Ma jiġu mgħoddijin l-ebda sassli fis-Swali tas-Saltna jew fl-assembleat. Ma jintbagħtux rikjesti għal fondi mingħand individwi. Ma jinkera ħadd biex jagħmel ġbir taʼ fondi. Normalment, It-Torri taʼ l-Għassa jkollu biss artiklu wieħed fis-sena li jispjega kif dawk li jixtiequ jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet lil Watch Tower Bible and Tract Society sabiex jappoġġjaw ix-xogħol mad-dinja kollha. Il-finanzi tas-Soċjetà ma jissemmewx regolarment fi Stenbaħ! Allura, kif twettaq ix-xogħol enormi mad-dinja kollha taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, il-bini taʼ Swali tas-Saltna meħtiġin, li jittieħed ħsieb taʼ dawk fis-servizz full-time speċjali, u li tingħata għajnuna lil Kristjani fil-bżonn? Jehovah bierek lil niesu b’mod taʼ l-għaġeb bi spirtu taʼ ġenerożità. (2 Kor. 8:2) Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil kull min kellu sehem f’li ‘jweġġaħ lil Jehovah b’ġidu.’ Jistgħu jkunu żguri li ‘l-prokuratur fidil’ se jkompli jgħasses fuq l-affarijiet li s-Sid jippossiedi. U nitolbu li Jehovah jkompli jbierek l-arranġamenti kollha magħmulin għall-espansjoni tax-xogħol mad-dinja kollha.
[Nota taʼ taħt]
a F’sebaʼ pajjiżi minn dawn, l-istampar sar minn kumpaniji kummerċjali.