Ix-Xogħol taʼ Pijunier—Użu Għaqli tal-Ħin Tagħna!
1 ‘Diġà għandi wisq x’nagħmel! Ikun tassew għaqli għalija jekk nibda x-xogħol taʼ pijunier f’dan iż-żmien?’ Hekk ħasbet waħda oħt waqt li kienet qed tismaʼ lil anzjan li kien pijunier jippreżenta parti fl-assemblea tas-circuit intitolata “Nibqgħu Għaddejjin bil-Ministeru taʼ Pijunier.” Ħu żagħżugħ fl-istess udjenza ħaseb, ‘Kif isib il-ħin għax-xogħol taʼ pijunier? Jien m’iniex anzjan, imma ħajti diġà mimlija daqs bajda bl-attivitajiet!’
2 Hekk kif l-anzjan kompla jiddiskuti l-barkiet tax-xogħol taʼ pijunier, hu intervista lil diversi pijunieri mis-circuit li tkellmu dwar l-aġġustamenti li kellhom jagħmlu sabiex isiru pijunieri u kif Jehovah bierek bil-kbir l-isforzi tagħhom. Wieħed kien diżabilitat, waħda kellha s-sieħeb mhux taʼ l-istess twemmin, u wieħed kien ċeda karriera fid-dinja imma setaʼ jaqlaʼ biżżejjed għall-bżonnijiet bażiċi tiegħu. Malli semgħu kif dawn il-pijunieri kienu qed jirnexxu bl-għajnuna taʼ Jehovah, il-ħu u l-oħt fl-udjenza bdew jeżaminaw mill-ġdid il-ħsieb u ċ-ċirkustanzi tagħhom stess. Nistidnuk tagħmel hekk int ukoll, speċjalment peress li l-ħtiġijiet imnaqqsin tas-sigħat għall-pijunieri issa jistgħu jintlaħqu minn iktar pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba.
3 Nafu li Jehovah huwa l-Ħallieq u s-Sovran Universali u li ħajjitna nafuha lilu. (Dan. 4:14 [4:17, NW]; Atti 17:28) Jidher ċar għalina li Jehovah qed juża organizzazzjoni waħda biss. Aħna pprivileġġati li naqdu lealment magħha, billi nappoġġaw “l-irsir leali u diskret” f’li nagħtu x-xiehda tas-Saltna qabel ma jasal it-tmiem. (Mt. 24:45, NW; 25:40; 1 Pt. 2:9) Hekk kif qegħdin ngħixu fix-xifer taʼ “l-aħħar tad-dinja,” nirrealizzaw li ż-żmien biex nippridkaw qed jiskadi. (2 Tim. 3:1) Sadanittant, għandna bżonn immantnu materjalment lill-familji tagħna. (1 Tim. 5:8) Il-paga taʼ dak li jkun qisha m’għadhiex isservi fit-tul daqskemm kienet fl-imgħoddi. Forsi saħħitna m’għadhiex dik li kienet. U onestament, aħna nixtiequ li jkollna ftit ħin u xi riżorsi biex nużawhom għalina nfusna. (Koħ. 3:12, 13) Mela nistgħu niddubitaw jekk ikunx għaqli li nwieġbu għall-istedina biex nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier.
4 Jiddependi minn kull wieħed u waħda minna biex neżaminaw iċ-ċirkustanzi tagħna stess bil-għaqal u biex niddeċiedu jekk nistgħux nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. (Rum. 14:12; Gal. 6:5) Huwa inkuraġġanti li ninnotaw l-għadd li qed jiżdied taʼ dawk li wieġbu għas-sejħa biex jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Minkejja l-pressjonijiet u l-problemi taʼ dawn l-aħħar jiem, ir-rapport tas-servizz ippubblikat fin-1999 Yearbook juri li mas-700,000 ruħ mill-poplu taʼ Jehovah mad-dinja kollha qed jibqgħu għaddejjin fil-ministeru taʼ pijunier. Sew jekk jaqdu taħt kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli, jekk m’għandhomx trasport, jekk jesperjenzaw problemi taʼ saħħa, jew jekk jiltaqgħu maʼ diffikultajiet u tbatijiet oħrajn, dawn l-aħwa m’humiex qed jgħejjew f’li jagħmlu dak li hu mill-aħjar, u taʼ dan ħaqqhom prosit. (Gal. 6:9) Huma aċċettaw l-offerta taʼ Jehovah biex iġarrbuh. (Mal. 3:10) Huma jħossu li x-xogħol taʼ pijunier huwa użu għaqli ħafna tal-ħin u r-riżorsi limitati tagħhom u li Jehovah tassew berikhom talli għamlu l-aġġustamenti meħtiġin biex jibdew ix-xogħol taʼ pijunier u jibqgħu fih.
5 Il-Pijunieri Qegħdin Jitbierku: Waħda oħt fil-Kamerun li għandha tifla żgħira ħafna tispjega: “Minn mindu twieldet, lil binti dejjem ħadtha miegħi fil-ministeru. Saħansitra qabel ma tgħallmet timxi, kont inġorrha fuq dahri, marbuta sew b’biċċa drapp. Għodwa waħda fil-ministeru, waqaft ħdejn bejjiegħ fit-triq. Binti telqet minn ħdejja u ħadet magħha koċċ rivisti mill-basket tiegħi. Hi rħitilha ċeklem ċeklem lejn il-bejjiegħ li kien hemm fil-qrib. Għalkemm ma setgħetx tgħid wisq, hi ġibdet l-attenzjoni taʼ waħda mara u ppreżentatilha rivista. Il-mara baqgħet mistagħġba meta rat tifla daqstant żgħira tieħu sehem f’din l-attività. Hi mill-ewwel aċċettat ir-rivista kif ukoll studju tal-Bibbja fid-dar!”
6 Bi tweġiba għas-sejħa għal iktar pijunieri awżiljarji, wieħed anzjan u kap tal-familja fiz-Zambja li għandu impjieg sekulari full-time iddeċieda li jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju minkejja l-iskeda tiegħu mimlija daqs bajda. Ried jagħti eżempju tajjeb lill-kongregazzjoni u lill-familja tiegħu. Ġieli kien jipparkja l-karozza tiegħu mal-ġenb tat-triq u jdoqq l-awdjokasett taʼ Is-Sigriet Taʼ l-Hena fil-Familja u jistieden lil min ikun għaddej biex jiġi jismaʼ dak li jkun qed jinqara b’leħen għoli. B’dak il-mod, irnexxielu jqassam 16-il ktieb Hena Fil-Familja u 13-il ktieb Għarfien, u beda żewġ studji tal-Bibbja.
7 Ġie nnotat ukoll spirtu mill-aħjar taʼ pijunier fil-pajjiż ġar taż-Żimbabwe. Matul April 1998, kongregazzjoni waħda b’117-il pubblikatur irrapportat 70 pijunier awżiljarju u 9 regulari. Kongregazzjoni oħra b’94 pubblikatur kellha 58 pijunier awżiljarju jirrapportaw. Jerġaʼ waħda oħra, b’126 pubblikatur, irrapportat li 58 iddeċidew li jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju flimkien maʼ l-4 pijunieri regulari. Is-sena taʼ servizz li għaddiet kienet waħda li tispikka fiż-Żimbabwe. Avolja l-aħwa hemmhekk kienu mħabbtin ħafna bl-affarijiet tal-familja, bl-attivitajiet tal-kongregazzjoni, u bil-bini tal-fergħa, huma kkonċentraw fuq li jqattgħu l-ħin tagħhom bil-għaqal fil-ministeru.
8 Il-pijunieri jirrealizzaw illi biex jibdew ix-xogħol taʼ pijunier u jipperseveraw fih ma jistgħux jiddependu fuq is-setgħa tagħhom stess. Huma l-ewwel uħud li jammettu li dak kollu li jistgħu jagħmlu jsir possibbli ‘bis-setgħa li jagħtihom Alla.’ (1 Pt. 4:11) Il-fidi tagħhom tippermettilhom ikomplu fil-ministeru tagħhom minn jum għal jum. Minflok ma jfittxu l-konvenjenza u l-kumditajiet tagħhom stess, pijunieri taʼ suċċess jirrealizzaw li biex jibqgħu għaddejjin għandhom mnejn ikollhom jgħaddu minn “ħafna taħbit,” imma jirċievu ħafna barkiet bħala riżultat.—1 Tess. 2:2.
9 L-Eżempju taʼ Pawlu Jirrikjedi Minna li Nimitawh: Il-Bibbja tiddokumenta dak li l-appostlu Pawlu wettaq fil-ministeru u l-għajnuna mill-aħjar li ta lil ħafna nies. Madankollu, jekk kien hemm xi ħadd li kien mgħobbi żżejjed, dan kien Pawlu. Hu ssaporta persekuzzjoni u tbatijiet fiżiċi sabiex jippriedka l-aħbar tajba u jsaħħaħ lill-kongregazzjonijiet. Kellu wkoll jittollera problema ħarxa f’dik li hi saħħa. (2 Kor. 11:21-29; 12:7-10) Kien iddeterminat li juża l-ħin tiegħu bil-għaqal. Hu rrikonoxxa li xogħlu kollu għamlu bl-għajnuna taʼ Jehovah. (Flp. 4:13) Ħadd minn dawk li lilhom Pawlu għen ma kellu raġuni biex jikkonkludi li l-ħin u l-isforzi tiegħu fis-servizz taʼ Jehovah kienu moħlijin jew setgħu jintużaw aħjar. Ħeqq, aħna llum għadna nibbenefikaw mill-fatt li Pawlu uża ħinu bil-għaqal! Kemm napprezzawh il-parir ispirat tiegħu biex jgħinna nirranġaw il-prijoritajiet tagħna u niggranfaw mal-verità f’dawn iż-żminijiet diffiċli!
10 Issa iktar minn qatt qabel, ‘iż-żmien biex nippridkaw l-aħbar tajba qsar.’ (1 Kor. 7:29; Mt. 24:14) Għalhekk, huwa xieraq li nistaqsu lilna nfusna, ‘Kieku ħajti kellha tintemm ħabta u sabta għada, nistaʼ llum ngħid lil Jehovah li wżajt il-ħin tiegħi bil-għaqal?’ (Ġak. 4:14) Għala ma tkellimx lil Jehovah fit-talb issa, billi tiżgurah mix-xewqa tiegħek li tuża ħinek bil-għaqal bħala Xhud tiegħu? (Salm 90:12) Itlob għall-għajnuna taʼ Jehovah biex tissimplifika ħajtek. Avolja għandek mnejn li qabel kont eskludejtu, jistaʼ jkun li issa qed issib li x-xogħol taʼ pijunier hemm wisaʼ għalih f’ħajtek?
11 Agħmel Kulma Tistaʼ fiċ-Ċirkustanzi Tiegħek: Nistgħu nifhmu li minħabba ċ-ċirkustanzi, mhux kulmin jixtieq jistaʼ jippjana li jagħmel 70 siegħa fix-xahar biex jaqdi bħala pijunier regulari. Madankollu, ħafna pubblikaturi fil-fatt jirranġaw biex jiddedikaw 50 siegħa fix-xahar fil-ministeru bħala pijunieri awżiljarji taʼ spiss kemm jistaʼ jkun jew kontinwament. Jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek huma tali li bħalissa ma tistax tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju jew regulari, qawwi qalbek. Kompli itlob li ċ-ċirkustanzi tiegħek jinbidlu. Sadanittant, jekk sempliċement m’huwiex possibbli li jsiru xi aġġustamenti, ikseb faraġ milli tkun taf li Jehovah jieħu gost ħafna b’kulma tistaʼ tagħmel b’ruħek kollha fis-servizz tiegħu. (Mt. 13:23) Hu jinnota li għandek waqfa soda fuq in-naħa tiegħu u li qed tistinka kemm tiflaħ biex tkun pubblikatur leali li qatt ma jħalli xahar jgħaddi mingħajr ma jaħtaf opportunitajiet biex jagħti xiehda. Forsi tistaʼ tipprogressa billi ttejjeb l-abbiltajiet tiegħek biex tagħti xiehda, billi taħdem biex issir tinqalaʼ bħala predikatur u għalliem taʼ l-aħbar tajba.—1 Tim. 4:16.
12 Peress li “Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ” huwa qrib ferm, għandna bżonn nużaw il-ħin li fadal bil-għaqal jekk irridu nispiċċaw ix-xogħol li ġejna inkarigati nagħmlu. (Ġoel 3:4 [2:31, NW]) Satana jaf li żmienu hu qasir, u bħal qatt qabel, qed jipprova kulma huwa fis-setgħa tiegħu biex jikkomplikalna ħajjitna u jagħmilhielna diffiċli li nikkonċentraw fuq l-affarijiet verament importanti. (Flp. 1:10; Apk. 12:12) Qatt tissottovaluta l-interess li Alla għandu fik. Jehovah jistaʼ jgħinek tissimplifika ħajtek u tilħaq il-potenzjal kollu tiegħek fil-ministeru. (Salm 145:16) Bil-ferħ, bosta qed isibu, meta jeżaminaw mill-ġdid iċ-ċirkustanzi tagħhom, li jistgħu jingħaqdu mal-grupp taʼ pijunieri awżiljarji jew regulari. Tabilħaqq, il-pijunieri jsibu sodisfazzjon immens f’li jużaw il-ħin tagħhom bil-għaqal. Se tkun int wieħed minnhom?