Il-Barkiet li Jiġu mill-Ministeru taʼ Pijunier
1, 2. Liema barkiet huma marbutin ħafna mal-ministeru taʼ pijunier, u għala?
1 “Naf li l-ebda xogħol ieħor ma setaʼ jagħtini s-sodisfazzjon li nħoss meta naqsam il-verità m’oħrajn,” jgħid wieħed pijunier. Pijuniera oħra qalet: “Fit-tmiem taʼ kull ġurnata, l-irqad jiġi ħelu, u qalbi tfur bil-ferħ.” Dawn il-pijunieri jitkellmu f’isem dawk l-aħwa kollha mxerrdin madwar id-dinja li daqu l-barkiet li jiġu mill-ministeru taʼ pijunier.—Prov. 10:22.
2 Meta ngħinu lil oħrajn jiksbu l-għarfien tal-Kelma t’Alla li jsalva l-ħajjiet inħossu sodisfazzjon ġenwin. (Atti 20:35; 1 Tess. 2:19, 20) Ħu li ilu jaqdi bħala pijunier kiteb: “Inħoss ferħ kbir u l-fidi tiegħi tissaħħaħ meta nara kif il-Kelma t’Alla tqanqal lil individwi biex jagħmlu bidliet f’ħajjithom u dan isaħħaħ il-fidi.” Iva, billi jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jgħinu lin-nies u jagħmlu studji tal-Bibbja, il-pijunieri se jesperjenzaw barkiet bħal dawn.
3, 4. Ix-xogħol taʼ pijunier kif jgħallem lil dak li jkun jistrieħ fuq Jehovah, u dan kif jgħinu jikber spiritwalment?
3 Jistrieħu fuq Jehovah: Peress li waqt li jkunu qed iwettqu l-ministeru tagħhom il-pijunieri jistrieħu fuq l-ispirtu t’Alla, huma jiġu megħjunin jikkultivaw “il-frott taʼ l-Ispirtu” li jservi taʼ protezzjoni għalihom. (Gal. 5:16, 22, 23) Iktar minn hekk, minħabba li l-ħin kollu jużaw il-Kelma t’Alla, ħafna drabi l-pijunieri jsiru kapaċi jużaw l-Iskrittura biex jiddefendu l-verità u jsaħħu lil oħrajn. (2 Tim. 2:15) Ħu li ilu jaqdi bħala pijunier għal għaxriet taʼ snin qal: “Ix-xogħol taʼ pijunier għenni nikseb għarfien profond tal-Bibbja, għarfien li użajtu biex ngħin lil ħafna individwi jsiru jafu lil Jehovah u l-iskopijiet tiegħu.” Kemm hu premjanti dan!
4 Il-pijunieri regulari jridu jistrieħu fuq Jehovah b’ħafna modi oħra. Il-fidi tagħhom tissaħħaħ meta jaraw kif hu jbierek l-isforzi tagħhom biex jipprovdu għall-bżonnijiet materjali tagħhom stess. Ħu li għandu 72 sena u li ilu jaqdi bħala pijunier regulari għal 55 sena qal: “Jehovah qatt ma ddiżappuntani.” Barra minn hekk, billi jżommu ħajjithom sempliċi, il-pijunieri jipproteġu lilhom infushom minn ħafna ansjetajiet tal-ħajja. Ma jħajrekx dan?—Mt. 6:22; Lhud 13:5, 6.
5. Ix-xogħol taʼ pijunier kif jgħin lil dak li jkun jersaq qrib Jehovah?
5 Jersqu Qrib t’Alla: Ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hija l-iktar ħaġa prezzjuża li għandna. (Salm 63:4 [63:3, NW]) Meta nieħdu sehem sħiħ fil-ministeru sforz l-imħabba li għandna għal Jehovah, dik ir-relazzjoni tikber iktar. (Ġak. 4:8) Ħu li qeda bħala pijunier għal 18-il sena qal: “Ix-xogħol taʼ pijunier jagħtik l-opportunità li ‘tipprova u tara kemm huwa tajjeb’ Jehovah, u kuljum tibni relazzjoni mal-Ħallieq tagħna li dejjem issir saħansitra iktar b’saħħitha.”—Salm 34:9 (34:8, NW).
6. Il-pijunieri x’għandu jkollhom, u minbarra l-pijunieri min iktar jistaʼ jibbenefika?
6 Minbarra li jkollhom iċ-ċirkustanzi meħtieġa, il-pijunieri jrid ikollhom fidi soda, imħabba ġenwina għal Alla u għal għajrhom, u jridu jkunu lesti jagħmlu sagrifiċċji. (Mt. 16:24; 17:20; 22:37-39) Madankollu, bħalma jixhdu l-uċuħ ferriħija tal-pijunieri kullimkien, il-barkiet tax-xogħol taʼ pijunier huma akbar minn kull sagrifiċċju. (Mal. 3:10) Dawn il-barkiet m’humiex limitati għall-pijunieri biss, imma anki l-familji u l-kongregazzjoni tagħhom jibbenefikaw bil-kbir mill-ispirtu tajjeb li juru l-pijunieri.—Flp. 4:23.