“Ishru”
1 Wara li ddeskriva l-ġrajjiet importanti li kellhom jimmarkaw l-aħħar jiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jishru.’ (Mk. 13:33) Il-Kristjani għala jridu jishru jew jibqgħu mqajmin? Għax qed ngħixu fl-iktar żmien perikoluż fl-istorja umana. M’hemmx ċans biex nonogħsu spiritwalment. Dan kieku jirriżulta f’li nonqsu li napprezzaw ix-xogħol li Jehovah tana nagħmlu f’dan iż-żmien tat-tmiem. X’inhu dan ix-xogħol?
2 Jehovah qed iqabbad lill-poplu tiegħu jipproklama mad-dinja kollha l-aħbar tajba dwar is-Saltna tiegħu—l-unika tama għall-umanità. Il-fatt li naħdmu mill-qrib maʼ l-organizzazzjoni t’Alla jidentifikana bħala Kristjani veri, li aħna konxji taż-żminijiet u tal-bżonn li ngħinu lil oħrajn jisimgħu l-“kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:68) Jekk nieħdu sehem b’mod żeluż f’dan ix-xogħol importanti ferm, se nagħtu evidenza li aħna mqajmin spiritwalment.
3 Imqanqlin biex Nippridkaw: Bħala Xhieda taʼ Jehovah, irridu nkunu pożittivi dwar il-ministeru tagħna. L-imħabba għal Alla u għall-proxxmu tqanqalna personalment biex nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (1 Kor. 9:16, 17) Billi nagħmlu dan, se nsalvaw kemm lilna nfusna kif ukoll lil dawk li jagħtuna widen. (1 Tim. 4:16) Ħalli nkunu determinati li jkollna sehem regulari kemm jistaʼ jkun f’li nippridkaw dwar l-aħjar gvern li l-umanità qatt jistaʼ jkollha—is-Saltna t’Alla—u li naħdmu għal tul taʼ sigħat kemm hemm bżonn f’dan ix-xogħol!
4 Aħna nifhmu l-urġenza tal-ministeru tagħna minn fatt importanti—it-tfaqqigħ tat-tribulazzjoni l-kbira se jiġi waqt li nkunu għadna qed nieħdu sehem f’dan ix-xogħol. Il-fatt li ma nafux il-jum u s-siegħa jitlob li aħna nibqgħu mqajmin u lesti l-ħin kollu, billi nistrieħu bit-talb fuq Jehovah. (Efes. 6:18) L-attività taʼ l-ippridkar qed tkompli tikber. Imma dalwaqt, l-akbar xogħol taʼ xiehda fl-istorja umana se jilħaq quċċata.
5 Segwi bil-fedeltà l-kmand taʼ Ġesù biex tibqaʼ mqajjem. Dan huwa kritiku issa iktar minn qatt qabel. Jalla nwieġbu b’sens t’urġenza. Illum u kuljum, ejja nibqgħu serji, għassa, u attivi spiritwalment fis-servizz taʼ Jehovah. Iva, jalla “nishru u ngħixu bil-qjies.”—1 Tess. 5:6.