“Jgħaddu mill-Prova”—Kif?
1 Billi l-organizzazzjoni taʼ Jehovah dejjem qed tikber, hemm bżonn kontinwu għal aħwa rġiel kwalifikati biex jaqdu bħala qaddejja ministerjali. Il-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa rġiel li għadhom ma ġewx maħturin, inkluż l-adolexxenti, jixtiequ jaqdu fil-kongregazzjoni. Meta jiġu inkarigati b’xi biċċa xogħol mhux tas-soltu, dawn iħossuhom utli u jħossuhom sodisfatti bihom infushom. Biex jagħmlu iktar avvanz iridu “jgħaddu mill-prova.” (1 Tim. 3:10) Dan kif isir?
2 L-Irwol taʼ l-Anzjani: Parti mix-xogħol li għandhom l-anzjani f’li jikkunsidraw jekk ħu għandux il-kwalifiki Skritturali għall-qaddejja ministerjali misjubin fl-1 Timotju 3:8-13, jinvolvi li jittestjaw kemm il-ħu kapaċi jerfaʼ r-responsabbiltà. Jistgħu jinkarigawh biex iwettaq servizzi t’għajnuna li għandhom x’jaqsmu mar-rivisti u l-letteratura, il-mikrofoni, il-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna, u affarijiet bħal dawn. L-anzjani se josservaw il-mod kif jirreaġixxi u jieħu ħsieb l-inkarigi tiegħu. Huma se jfittxu fih ċerti kwalitajiet. Jaraw jekk hux taʼ min jiddependi fuqu, jekk jagħmilx xogħlu bir-reqqa, jekk hux puntwali, modest, lest li jagħmel kollox, u jekk hux kapaċi jingwalaha m’oħrajn. (Flp. 2:20) Huwa dan t’eżempju fl-ilbies u d-dehra tiegħu? Għandu sens taʼ responsabbiltà? Huma jridu jaraw fl-“imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija.” (Ġak. 3:13) Tassew qed jirsisti biex ikun t’għajnuna fil-kongregazzjoni? Qed iwettaq il-kmand taʼ Ġesù biex ‘jagħmel dixxipli’ billi jieħu sehem b’mod żeluż fil-ministeru taʼ l-għalqa?—Mt. 28:19; ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1990, paġni 6-16.
3 Għalkemm il-Bibbja ma tistabbilix xi età minima biex wieħed jinħatar bħala qaddej ministerjali, hi tirreferi għal dawn l-aħwa bħala ‘rġiel . . . li jaqdu dmirhom.’ Aħna mhux se nistennew li dawn ikunu adolexxenti, speċjalment ladarba tissemma l-possibbiltà li dawn ikollhom mara u tfal. (1 Tim. 3:12, 13) Irġiel bħal dawn m’għandhomx ikunu qed iċedu għall-“ġibdiet taż-żgħożija” imma jridu jkunu serji fl-imġiba tagħhom, billi jkollhom waqfa mill-aħjar u kuxjenza nadifa quddiem Alla u l-bnedmin.—2 Tim. 2:22.
4 Filwaqt li l-kapaċità naturali hija utli, l-affarijiet li tassew jiswew huma l-attitudni taʼ dak li jkun u l-forza li timmotivah. Hemm xi ħu li jixtieq b’umiltà jfaħħar lil Alla u jaqdi lil ħutu? Jekk iva, Jehovah se jbierek l-isforzi tiegħu biex jagħmel progress fil-kongregazzjoni.