Uża l-Ġrajjiet Kurrenti biex Tqajjem l-Interess
1 Tixtieq li dejjem ikollok ħafna ideat tajbin li jżommu l-ministeru tiegħek ħaj u jqajmu l-interess tan-nies fil-messaġġ tal-Bibbja? Mela ibda l-konversazzjonijiet billi tuża dak li qed jiġri fid-dinja u fil-komunità tiegħek. Tistaʼ tirreferi għal xi ġrajjiet kurrenti lokali u nazzjonali jew xi ġrajjiet mill-aħbarijiet internazzjonali. Dawn l-affarijiet dejjem qed jinbidlu. (1 Kor. 7:31) Ikkunsidra dawn l-eżempji li ġejjin.
2 In-nies jinteressawhom ħafna l-problemi ekonomiċi u l-għoli tal-ħajja. B’hekk, tistaʼ tgħid:
◼ “Smajt fl-aħbarijiet li l-prezz [semmi prezz taʼ xi ħaġa] qed jerġaʼ jogħla?” Jew tistaʼ tikkummenta dwar in-nuqqas taʼ xogħol jekk kien hemm xi kumpanija kbira li keċċiet ħafna ħaddiema. Skond kif trid tkompli bid-diskussjoni, jew tistaqsi “Qatt ħsibt għala huwa tant diffiċli biex tlaħħaq mal-ħajja?” inkella “Taħseb li dejjem se jkun diffiċli biex tipprovdi l-għajxien?”
3 Rapporti taʼ vjolenza, bħal xi traġedji fil-familji jew fost l-istudenti taʼ l-iskola, jipprovdu bażi għal diskussjoni oħra. Tistaʼ tistaqsi:
◼ “Qrajt fil-gazzetta li [semmi t-traġedja fil-komunità]?” Imbagħad jew tistaqsi “X’taħseb li qed joħloq tant vjolenza fid-dinja?” inkella “Taħseb li qatt ġej iż-żmien meta nkunu nistgħu neħilsu mill-biżaʼ?”
4 Aħbarijiet dwar għargħar qerrieda, terremoti, jew inkwiet ċivili f’postijiet differenti tad-dinja wkoll joffru informazzjoni li tistaʼ tużaha biex tqajjem l-interess. Per eżempju, tistaʼ tistaqsi:
◼ “Huwa Alla responsabbli għal [semmi xi diżastru naturali]?” Jew tistaʼ tirreferi għal xi inkwiet ċivili li nqalaʼ dan l-aħħar u tgħid: “Jekk kulħadd irid il-paċi, għala hija tant diffiċli biex tinkiseb?”
5 Oqgħod attent għall-ġrajjiet kurrenti li tistaʼ tuża fl-introduzzjoni tiegħek. Fil-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, f’paġna 4, taħt “Ġrajjiet Kurrenti” tistaʼ ssib xi suġġerimenti t’għajnuna. Madankollu, evita li żżomm maʼ xi naħa jew oħra fi kwistjonijiet politiċi jew soċjali. Minflok, idderieġi l-attenzjoni lejn l-Iskrittura u s-Saltna t’Alla bħala li hi l-unika soluzzjoni dejjiema għall-problemi taʼ l-umanità.