Nippridkaw f’Dinja li Dejjem Qed Tinbidel
1 Kemm jistgħu jinbidlu malajr l-affarijiet! Mil-lejl għan-nhar, diżastru naturali, kriżi ekonomika, taqlib politiku, jew traġedja li tkun fuq fomm kulħadd, tistaʼ ssir is-suġġett li kulħadd ikun qed jitkellem fuqu. Madankollu, bl-istess mod in-nies jistgħu f’ħakka t’għajn jerġgħu jdawru l-attenzjoni tagħhom lejn xi ħaġa oħra. (Atti 17:21; 1 Kor. 7:31) F’din id-dinja li dejjem qed tinbidel, kif nistgħu niġbdu l-attenzjoni tan-nies sabiex naqsmu l-messaġġ tas-Saltna magħhom?
2 Agħraf Fuqiex Jinsabu Inkwetati Oħrajn: Mod wieħed kif tiġbed l-attenzjoni tan-nies huwa billi tirreferi għal ġrajjiet tal-mument. Meta kien qed iħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex jaħsbu bis-serjetà dwar ir-reputazzjoni tagħhom m’Alla, f’okkażjoni minnhom Ġesù semma traġedji reċenti li kienu f’moħħhom. (Lq. 13:1-5) Bl-istess mod, meta naqsmu l-aħbar tajba, nagħmlu tajjeb jekk insemmu xi ħaġa mill-aħbarijiet jew xi ġrajja lokali tal-mument li tinteressa lil dawk li jgħixu fit-territorju tagħna. Madankollu, meta niddiskutu dawn il-ġrajjiet, għandna noqogħdu attenti li bi kliemna ma nappoġġawx xi naħa jew oħra fi kwistjonijiet politiċi jew soċjali.—Ġw. 17:16.
3 Kif nistgħu nkunu nafu fuqiex ikunu qed jaħsbu n-nies f’dak il-mument? Forsi l-aħjar mod huwa billi sempliċement tistaqsi mistoqsija u mbagħad toqgħod tismaʼ. (Mt. 12:34) Interess fin-nies se jqanqalna ninnotaw il-ħarsa t’oħrajn u b’tattika nistgħu nistaqsu iktar. Kumment spontanju minn xi inkwilin jistaʼ jindika li hemm xi ħaġa li ħafna fit-territorju qegħdin jaħsbu fuqha u tistaʼ tiftaħ it-triq biex tagħti xiehda.
4 Nippreparaw Preżentazzjoni: Meta nippreparaw għall-ministeru taʼ l-għalqa f’dinja li dejjem qed tinbidel, nistgħu nużaw il-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja. Hemm suġġerimenti li huma t’għajnuna dwar kif nistgħu ninkludu ġrajjiet kurrenti fil-preżentazzjoni tagħna f’paġni 4-5, taħt “Ġrajjiet Kurrenti” u “Kriminalità/Sigurezza.” Informazzjoni simili tistaʼ tinstab fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Settembru 2000, paġna 4. Meta tipprepara l-preżentazzjoni tiegħek, kun ċert li tinkludi skrittura addattata.
5 Waqt li noqogħdu attenti fuq liema affarijiet jinsabu inkwetati n-nies fit-territorju tagħna, affarijiet li dejjem jinbidlu, irridu naddattaw il-preżentazzjoni tagħna taʼ l-aħbar tajba fi qbil maʼ dan. B’dan il-mod, aħna nitkellmu man-nies dwar dak li huwa għażiż għal qalbhom. B’hekk, ngħinu lil ħafna iktar isiru jafu lil dak il-Wieħed li ma jinbidilx fil-kwalitajiet u l-livelli tiegħu.—Ġak. 1:17.