Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Wieħed li ilu żmien twil inattiv kif jistaʼ jiġi megħjun biex jerġaʼ jikkwalifika bħala pubblikatur taʼ l-aħbar tajba?
Meta wieħed inattiv jagħti evidenza li jixtieq minn qalbu jaqdi lil Jehovah, din tkun raġuni biex nifirħu. (Lq. 15:4-6) X’aktarx, l-individwu jkun ħalla xi oppożizzjoni jew pressjonijiet tal-ħajja jtellfuh milli jkollu ħin għall-istudju persunali, l-attendenza għal-laqgħat, u l-parteċipazzjoni fil-ministeru taʼ l-għalqa. X’inhu l-aħjar mod li bih tingħata għajnuna persunali biex b’hekk dan ikun jistaʼ jagħmel progress spiritwali?
Ilkoll kemm aħna għandna nieħdu l-inizjattiva biex nassigurawh mill-imħabba Kristjana ġenwina li għandna lejh. Bla ebda dewmien, l-anzjani se jiddeterminaw x’inhuma l-bżonnijiet spiritwali speċifiċi tiegħu. (Ġak. 5:14, 15) Jekk dan kien inattiv għal ftit żmien, forsi jkollu bżonn biss għajnuna minn pubblikatur bl-esperjenza sabiex jerġaʼ jsir attiv fis-servizz taʼ l-għalqa. Madankollu, jekk dan il-wieħed inattiv ikun ilu ħafna ma jassoċja mal-kongregazzjoni, x’aktarx li jkun hemm bżonn iktar għajnuna. Jistaʼ jkun għaqli li jagħmel studju tal-Bibbja persunali permezz taʼ pubblikazzjoni xierqa biex jibni l-fidi u l-apprezzament tiegħu. F’dan il-każ, l-indokratur tas-servizz jirranġa li pubblikatur kwalifikat jikkonduċi l-istudju miegħu. (Lhud 5:12-14; ara l-Kaxxa għall-Mistoqsija f’Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Novembru 1998.) Jekk int taf lil xi ħadd li għandu bżonn għajnuna simili, tkellem maʼ l-indokratur tas-servizz fil-kongregazzjoni tiegħek.
Qabel ma wieħed li jkun ilu inattiv għal żmien twil jiġi mistieden biex jerġaʼ jieħu sehem fil-ministeru, ikun għaqli li jiltaqgħu miegħu żewġ anzjani biex jaraw jekk jikkwalifikax bħala pubblikatur tas-Saltna. Huma se jsegwu proċedura simili għal dik li tintuża meta jiltaqgħu maʼ wħud ġodda li jkunu jixtiequ jikkwalifikaw bħala pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba. (Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Frar, 1989, paġna 13.) Il-wieħed inattiv irid ikollu xewqa kbira f’li jaqsam l-aħbar tajba m’oħrajn. Ukoll, għandu bżonn jilħaq il-ħtiġijiet bażiċi msemmijin f’paġni 98-9 fil-ktieb Our Ministry u jattendi regolarment għal-laqgħat tal-kongregazzjoni.
Ikun ħafna t’għajnuna jekk wieħed li jiġi lura jkollu rutina spiritwali tajba sabiex isaħħaħ u jżomm ir-relazzjoni prezzjuża tiegħu maʼ Jehovah u jibqaʼ jimxi fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Mt. 7:14; Lhud 10:23-25) Sabiex jevita milli qatt jerġaʼ jsir ‘rieqed u bla frott’ bħala dixxiplu Kristjan, hu jrid ikun ‘ħerqan’ u jiżviluppa l-kwalitajiet Kristjani li jibqgħu sodi.—2 Pt. 1:5-8.