Ibżaʼ minn Jehovah l-Ħin Kollu
1 “Il-bidu taʼ l-għerf hu l-biżaʼ tal-Mulej.” (Salm 111:10) Dan il-biżaʼ jqanqalna biex nagħmlu xogħlijiet tajbin u jgħinna naħarbu minn dak li hu ħażin. (Prov. 16:6) Huwa rispett kbir għall-Ħallieq tagħna, u jqanqalna biex nobduh u nagħmlu dak li jogħġob lilu. Għandna bżonn nikkultivaw u nuru dan il-biżaʼ l-ħin kollu.—Prov. 8:13.
2 Kuljum, l-ispirtu tad-dinja taʼ Satana jpoġġi pressjoni kbira fuqna sabiex nimxu skond il-modi ħżiena tad-dinja. (Efes. 6:11, 12) Il-ġisem imperfett tagħna huwa fid-dnub u għandu t-tendenza li jinġibed lejn dak li hu ħażin. (Gal. 5:17) Għaldaqstant, biex nobdu l-kmandamenti taʼ Jehovah, inkunu ferħanin, u niksbu l-ħajja, irid ikollna l-biżaʼ minnu l-ħin kollu.—Dt. 10:12, 13.
3 F’Lhud 10:24, 25, aħna mwissijin li niltaqgħu flimkien sabiex ninkuraġġixxu lil xulxin u “dan wisq aktar” matul dawn iż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Jekk irridu nsalvaw minn dawn l-aħħar jiem huwa vitali li nattendu għal-laqgħat regolarment. Il-biżaʼ tagħna li ma nogħġbux lil Alla jqanqalna biex nattendu għal-laqgħat u ngħożżu ferm l-iskop tagħhom. Dawk li għandhom il-biżaʼ minn Alla jqisuh bħala privileġġ sagru l-fatt li jieħdu sehem fil-laqgħat Kristjani.
4 Mod ieħor kif nuru l-biżaʼ tagħna minn Alla huwa billi nobdu l-kmand biex nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mt. 28:19, 20; Atti 10:42) Mira prinċipali tax-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar hija li ngħinu lil oħrajn jikkultivaw il-biżaʼ minn Jehovah u jissottomettu ruħhom għar-rieda tiegħu. Dan se nwettquh billi nagħmlu ż-żjajjar lura, nistinkaw biex nibdew studji tal-Bibbja fid-djar, u mbagħad ngħallmu lil oħrajn il-kmandamenti kollha t’Alla. B’hekk, aħna se nuru l-biżaʼ tagħna minn Jehovah u mħabbitna għal għajrna.—Mt. 22:37-39.
5 Dawk li ma jibżgħux minn Alla jonqsu milli jiżviluppaw attitudni t’apprezzament lejn l-affarijiet spiritwali, u jċedu għall-arja qattiela, jew għall-attitudni mentali tad-dinja. (Efes. 2:2) Jalla d-deċiżjoni soda tagħna tkun li lil Alla “nagħtuh il-qima li togħġbu bil-ġieħ u bil-biżaʼ.” (Lhud 12:28) B’hekk, aħna se naħsdu l-barkiet taʼ dawk li jibżgħu minn Jehovah l-ħin kollu.