Inkunu Modesti fl-Ilbies u d-Dehra
1 “L-irġiel kollha, anki t-tfal subien żgħar, jilbsu l-ingravata. In-nisa u l-bniet kollha, kemm l-adolexxenti u kemm iż-żgħar, jilbsu libsa jew dublett. Ma tara lil ħadd b’xi par jeans jew bl-għonq tal-qmis miftuħ. Kulħadd wiċċu jixgħel bil-ferħ hawnhekk.” Hekk qal rapport fl-aħbarijiet. X’tip taʼ folla kien qed jiddeskrivi? Xi laqgħa politika? Xi avveniment sportiv? Kunċert tal-mużika rock? Xejn minn dan! Kien qed jiddeskrivi grupp t’aħwa f’konvenzjoni distrettwali kbira s-sajf li għadda.
2 F’belt oħra fejn saret il-konvenzjoni, ġurnalist iddeskriva folla taʼ Xhieda b’dan il-mod: “L-irġiel kollha kienu nodfa, bil-libsa u l-ingravata. In-nisa lebsin modest iżda eleganti.” Osservatur ieħor, uffiċjal tas-sigurtà, stqarr: “Intom nies b’manjieri tajbin, turu rispett, nodfa, u puliti. Dak li qed nara hu sabiħ wisq. F’din id-dinja maħmuġa, irnexxielkom tneħħu l-ħmieġ!” X’naqra rakkomandazzjoni tajba għan-nom tagħna! M’aħniex grati li n-nies jistgħu jitkellmu daqshekk tajjeb dwar il-fratellanza tagħna? M’għandniex xi ngħidu, dawk kollha li kienu fil-folla kkontribwew għal dawn ir-rapporti tajbin minħabba d-dehra eżemplari tagħhom.
3 Madwar id-dinja sirna magħrufin għall-fatt li aħna differenti b’mod ċar fid-dehra tagħna. (Mal. 3:18) Għala? Għaliex aħna nimxu skond it-twissija Skritturali li tgħidilna biex “[niżżejnu] bi lbies xieraq, bil-modestja u bl-għaqal, . . . kif jixraq lil [dawk] li jridu jkunu twajbin.”—1 Tim. 2:9, 10.
4 X’Turi Int bl-Ilbies u d-Dehra Tiegħek? L-ilbies li nilbsu u l-mod kif nilbsuh jgħid xi ħaġa ċerta dwarna—x’nemmnu, x’attitudni għandna, u x’inhuma l-intenzjonijiet tagħna. L-istil li nagħżlu juri min aħna u x’nirrappreżentaw. Qatt m’għandna ninkuraġġixxu ħsibijiet baxxi u kondotta li tingħoġob min-nies tad-dinja. Dak li jikkonċernana m’huwiex kemm ċertu stil hu verament tal-moda iżda kemm huwa xieraq għal xi ħadd li jistqarr li hu ministru t’Alla. (Rum. 12:2) Minflok ma nagħżlu dehra li turi spirtu indipendenti jew tissuġġerixxi stil taʼ ħajja immorali, irridu nuru li aħna verament nigglorifikaw ’l Alla.—1 Pt. 2:12.
5 Kultant, xi ħadd li jkun ġdid, bla esperjenza, jew dgħajjef spiritwalment jistaʼ jaċċetta dak kollu li tinkuraġġixxi d-dinja fl-ilbies u d-dehra mingħajr ma l-ewwel jikkunsidra kif dan jirrifletti fuq Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu. Ilkoll kemm aħna nistgħu neżaminaw lilna nfusna sew biex naraw jekk ġejniex influwenzati mill-ħsibijiet tad-dinja. Nistgħu nitkellmu maʼ xi ħadd mill-aħwa rispettat u matur spiritwalment biex nitolbuh jgħidilna x’jaħseb sinċerament dwar l-istil taʼ l-ilbies u d-dehra tagħna u mbagħad inqisu bis-serjetà s-suġġerimenti li jagħtina.
6 Xi wħud mill-ewwel jaqblu li għandhom joqogħdu attenti dwar il-mod kif jilbsu meta jattendu l-konvenzjoni. Iżda mbagħad ibaxxu dan il-livell waqt ir-rikreazzjoni wara s-sessjonijiet. Żomm il-livelli għoljin li jixirqu lill-ministri Kristjani. (2 Kor. 6:3, 4) Kulfejn immorru fil-pubbliku, il-badge tal-konvenzjoni flimkien maʼ l-ilbies u d-dehra xierqa tagħna se tidentifikana bħala Xhieda taʼ Jehovah. Għalhekk, l-ilbies tagħna għandu jkun dejjem pulit u modest, li jindika li m’aħna l-ebda parti mid-dinja.—Ġw. 15:19.
7 Din is-sena, ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu fil-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” biex nagħtu prova li aħna “poplu mqaddes lill-Mulej, Alla [tagħna].” L-impressjoni tajba li tiġi minn dan se żżid mal-“foħrija, isem u ġieħ” taʼ Jehovah.—Dt. 26:19, Saydon.
[Kaxxa f’paġna 5]
Kif Tigglorifika lil Jehovah:
■ Ilbes b’tali mod li jixraq lil ministru t’Alla.
■ Evita stili taʼ lbies li juru l-ispirtu tad-dinja.
■ Uri l-modestja, li tirrifletti moħħ f’loku.