Meta Niżirgħu Ħafna Naqilgħu Barkiet Għonja
1 Ilkoll kemm aħna nħarsu ’l quddiem lejn it-twettiq tal-wegħdi grandjużi li jinsabu fil-Kelma t’Alla. Anki issa, Jehovah qed jagħti ħafna barkiet li jagħmlulna ħajjitna iktar pjaċevoli. Madankollu, kemm nibbenefikaw personalment minnhom jiddependi ħafna minn kemm ikun kbir l-isforz li nagħmlu. Bħalma poġġieha l-appostlu Pawlu, “min jiżraʼ ħafna, jaħsad ħafna.” (2 Kor. 9:6) Ikkunsidra żewġ aspetti fejn japplika dan il-prinċipju.
2 Il-Ministeru Persunali Tagħna: Niġu premjati bil-kbir talli naqsmu l-aħbar tajba man-nies kulmeta nkunu nistgħu nagħtu xiehda. (Prov. 3:27, 28) Bosta huma dawk li jiżirgħu ħafna billi jżidu s-sehem tagħhom fil-ministeru, inkluż li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji jew regulari, u lil dawn l-uħud taʼ min ifaħħarhom. Ilkoll kemm aħna nistgħu niżirgħu ħafna billi nitqanqlu mill-kuxjenza tagħna biex immorru lura ħalli nikkultivaw l-interess kollu li nsibu u noffru studju tal-Bibbja kulmeta tiġina l-opportunità. (Rum. 12:11) Meta naħdmu iebes b’dan il-mod se jkollna esperjenzi inkuraġġanti u iżjed ferħ fil-ministeru tagħna.
3 Nappoġġaw l-Interessi tas-Saltna: Il-kumment li għamel Pawlu dwar li ‘niżirgħu ħafna’ għandu x’jaqsam maʼ l-għoti materjali. (2 Kor. 9:6, 7, 11, 13) Illum, hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu b’mod fiżiku u materjali biex nappoġġaw l-interessi tas-Saltna. Nistgħu ngħinu fil-bini tas-Swali tas-Saltna u s-Swali taʼ l-Assembleat. Nistgħu wkoll noffru ruħna biex nagħtu sehemna f’li nżommu dawn iċ-ċentri taʼ qima nodfa u f’kundizzjoni tajba. Iżjed minn hekk, nistgħu nikkontribwixxu b’mod finanzjarju kemm għall-ispejjeż tal-kongregazzjoni lokali kif ukoll għall-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli madwar id-dinja. Hekk kif ilkoll kemm aħna nagħtu s-sehem tagħna, kemm nifirħu meta naraw il-barka abbundanti taʼ Jehovah fuq ix-xogħol li qabbadna nagħmlu hu stess!—Mal. 3:10; Lq. 6:38.
4 Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘nagħmlu l-ġid, nistagħnew b’opri tajba, inkunu ġenerużi u naqsmu maʼ oħrajn.’ Hekk kif nagħtu kas din it-twissija, aħna ngawdu barkiet għonja minn issa. Fl-istess waqt, ‘inkunu qegħdin naħżnu għalina nfusna teżor sabiħ għal li ġej, u l-ħajja vera’ li ġejja.—1 Tim. 6:18, 19.