‘Trid’ Tgħin lil Oħrajn?
1 Ġesù kien verament jimpurtah min-nies. Meta wieħed imġiddem talbu bil-ħerqa għall-għajnuna, Ġesù medd idu fuqu, mess lir-raġel, u qallu: “Irrid, kun imnaddaf.” (Mk. 1:40-42, korsiv tagħna.) B’liema modi nistgħu nimitaw l-attitudni taʼ Ġesù f’li jagħti għajnuna lil oħrajn?
2 Nies Interessati: Kull membru tal-kongregazzjoni għandu sehem f’li jgħin lil uħud interessati biex isiru adoraturi taʼ Jehovah. Meta wħud ġodda jiġu l-laqgħat, ilqagħhom u sir afhom. Fittex modi kif tinkuraġġihom. Faħħarhom tal-kummenti li jagħmlu. Uri apprezzament għall-isforzi tagħhom biex japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom. Għinhom jaraw l-opportunità li għandhom biex jagħmlu ħbieb veri fil-kongregazzjoni.
3 Adoraturi Sħabna: B’mod speċjali “qrabatna fil-fidi” jixirqilhom l-għajnuna tagħna b’ħafna modi. (Gal. 6:10) Ħafna huma dawk li jissieltu maʼ problemi taʼ saħħa. Billi tmur iżżurhom biex tinkuraġġihom, tistaʼ tagħtihom is-sħubija li għandhom bżonn u forsi tistaʼ tgħinhom ukoll b’modi prattiċi. Xi wħud għandhom mnejn qed jiffaċċjaw diversi sitwazzjonijiet oħrajn li huma diffiċli f’ħajjithom. Uri interess fihom billi tieħu l-ħin biex toqgħod tismagħhom u tinkuraġġihom. (1 Tess. 5:14) L-anzjani wkoll għandhom bżonn il-kooperazzjoni tagħna hekk kif iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. (Lhud 13:17) Meta nuru li aħna disponibbli u lesti nagħtu l-għajnuna, nistgħu nkunu “taʼ faraġ kbir” għall-adoraturi sħabna.—Kol. 4:11.
4 Membri tal-Familja: Ukoll għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nuru l-istess interess li wera Ġesù fin-nies mal-membri tal-familja tagħna stess. L-interess sinċier tal-ġenituri jqanqalhom biex ikomplu ‘jrabbu lil uliedhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.’ (Efes. 6:4) It-tfal jistgħu jagħmlu l-parti tagħhom billi jlestu mill-ewwel meta jsir il-ħin għall-istudju tal-familja, għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, jew għas-servizz taʼ l-għalqa. L-ulied li jkunu kibru jistgħu jimitaw il-mogħdrija taʼ Ġesù billi b’qalb tajba jgħinu lill-ġenituri tagħhom ikampaw mad-diffikultajiet li ġġib fuqhom l-età avanzata. B’dawn il-modi u oħrajn, ilkoll kemm aħna nistgħu nipprattikaw id-devozzjoni lejn Alla f’darna stess.—1 Tim. 5:4.
5 Hekk kif nimitaw lil Ġesù f’li nagħtu l-għajnuna lil oħrajn, jistaʼ jkun li ngħinu biex intaffu l-problemi u nġibu lill-familja u lill-kongregazzjoni tagħna f’għaqda iktar mill-qrib. Fuq kollox, inġibu unur lil Jehovah, “Missier il-ħniena.”—2 Kor. 1:3.