Tistaʼ Tagħti Daqqa t’Id?
1 Ġeħova jinsab dejjem lest biex jara b’liema modi jistaʼ jagħti daqqa t’id lill-qaddejja leali tiegħu. (2 Kron. 16:9; Is. 41:10, 13) Billi xebbhu maʼ ragħaj li jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu, Isaija kiteb: “Bi driegħu jiġmagħha [l-merħla], u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.” (Is. 40:11) Ikkunsidra xi modi kif nistgħu nimitaw il-mod li bih Ġeħova juri interess fina bi mħabba.
2 Ngħinu lil Uħud Ġodda: Nistgħu nagħtu daqqa t’id billi nistiednu wħud ġodda sabiex igawdu magħna sħubija li tibni. (Prov. 13:20) Wieħed ħu jiftakar kif oħrajn għenuh meta beda jissieħeb mal-kongregazzjoni, u qal: “Kien hemm familja li kemm-il darba kienet tinkludini fl-istudju tagħha tal-familja. Meta bdejt nagħmel progress, koppja żagħżugħa taʼ pijunieri kienu jistidnuni regolarment biex immur magħhom ġranet sħaħ fil-ministeru. Dejjem kien ikollna konversazzjonijiet spiritwali mill-aqwa.” Hu żied jgħid: “Qabel ma sirt Kristjan, kont imdorri noħroġ il-Ġimgħa u s-Sibt fl-għaxija. Imma l-ħin li qattajt maʼ l-aħwa ssodisfa l-bżonn tiegħi li nassoċja m’oħrajn.” L-interess bi mħabba li l-kongregazzjoni wriet f’dan il-ħu għenu biex ikollu bażi soda u stabbli fil-fidi, u issa qed jaqdi bħala membru tal-familja taʼ Betel.—Kol. 2:6, 7.
3 Nibnu lil Xulxin: Nistgħu ninnotaw opportunità kif nagħtu daqqa t’id meta ħutna jiffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli. Tistaʼ tirranġa biex tagħti xiehda bit-telefon flimkien maʼ pubblikatur nieqes mis-saħħa jew tistiednu għal studju tal-Bibbja, billi forsi anki tgħid lill-istudent jiġi fid-dar tal-ħu? Jistaʼ jkun li hemm xi ġenitur bit-tfal żgħar li japprezza daqqa t’id meta jieħu sehem fil-ministeru? Hemm xi wħud mistħijin li jieħdu pjaċir jekk tgħinhom jagħmlu ż-żjajjar lura jew tgħinhom f’xi aspett ieħor tal-ministeru? L-interess bi mħabba li nuru f’ħutna se jqanqalna nfittxu modi kif nibnuhom.—Rum. 14:19.
4 Hekk kif nimitaw il-mod li bih Ġeħova juri interess bi mħabba fil-qaddejja tiegħu, aħna nkunu qed insaħħu lil xulxin, ngħinu lill-kongregazzjoni tingħaqad fl-imħabba, u nigglorifikaw lil Missierna tas-sema.—Efes. 4:16.