Żomm f’Moħħok lil Uħud Leali Mdaħħlin fiż-Żmien
1 Għalkemm armla u mdaħħla fiż-żmien, Anna, li kellha 84 sena, “ma kienet titwarrab qatt mit-tempju.” Il-lealtà tagħha qanqlet lil Jehovah biex jippremjaha b’barka speċjali. (Lq. 2:36-38) Illum, ħafna aħwa rġiel u nisa juru l-istess spirtu bħal t’Anna minkejja li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. Meta wħud leali bħal dawn ikollhom jissieltu maʼ problemi taʼ saħħa jew mal-limitazzjonijiet minħabba l-età tagħhom, kultant jistgħu jħossuhom skuraġġiti. Ejja nikkunsidraw xi modi prattiċi kif nistgħu ninkuraġġuhom u ngħinuhom iżommu rutina spiritwali tajba.
2 Fil-Laqgħat u fil-Ministeru: Jekk oħrajn bi mħabba joffru li jipprovdu t-trasport, se jkun iktar faċli għal ħafna wħud leali mdaħħlin fiż-żmien biex jattendu l-laqgħat Kristjani b’mod regulari. B’dan il-mod, dawn l-uħud leali li ilhom jaqdu għal żmien twil se jiġu msaħħin spiritwalment u l-kongregazzjoni se tibbenefika wkoll. Ħadt int sehem f’dan ix-xogħol mill-aqwa?—Lhud 13:16.
3 Sehem regulari fil-ministeru jġib ferħ u sodisfazzjon lill-Kristjani veri. Imma għall-uħud imdaħħlin fiż-żmien u għall-morda dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Huwa possibbli li xi ħadd minn dawn l-uħud għeżież jistaʼ jissieħeb miegħek f’xi aspett taʼ l-għoti taʼ xiehda bħala ‘sieħbek fix-xogħol’? (Rum. 16:3, 9, 21) Forsi tistaʼ tistieden lil xi ħadd minnhom biex jieħu sehem miegħek fl-għoti taʼ xiehda bit-telefon jew biex jiġi miegħek fuq xi żjara lura jew xi studju tal-Bibbja. Jekk dak li hu mdaħħal fiż-żmien ma jistax joħroġ mid-dar, jistaʼ xi student tal-Bibbja jiġi għandu għall-istudji?
4 Fl-Istudju u fis-Sħubija: Xi drabi, xi wħud jistiednu lil min hu mdaħħal fiż-żmien jew marid biex jattendi għall-istudju tal-familja tagħhom, anki billi jagħmlu l-istudju fid-dar taʼ l-individwu stess. Ċerta omm ħadet liż-żewġ uliedha żgħar fid-dar t’oħt imdaħħla fiż-żmien għall-istudju tagħhom mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja, u lkoll inbnew mis-sħubija taʼ xulxin. Dawn l-uħud jieħdu pjaċir meta jiġu mistiedna għal xi ikla jew għal xi okkażjoni soċjali oħra. Jekk dawk li huma morda ma jifilħux joqogħdu għal ħin twil maʼ min iżurhom, forsi tistaʼ tmur tarahom għal ftit ħin biex taqralhom, titlob magħhom, jew tirrakkontalhom xi esperjenza inkuraġġanti.—Rum. 1:11, 12.
5 Jehovah jgħożż lill-uħud leali mdaħħlin fiż-żmien. (Lhud 6:10, 11) Nistgħu nimitawh billi nuruhom li napprezzawhom u billi ngħinuhom iżommu rutina spiritwali tajba.