Uri l-Lealtà Kristjana Meta Qarib Ikun Maqtugħ mis-Sħubija
1. Liema sitwazzjoni tistaʼ tkun taʼ prova għal-lealtà taʼ Kristjan?
1 Ir-rabta bejn il-membri tal-familja tistaʼ tkun waħda qawwija ħafna. Dan il-fatt iġib prova fuq Kristjan meta s-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ, xi ħadd mit-tfal, ġenitur, jew qarib intimu ieħor jiġi maqtugħ mis-sħubija jew jiddiżassoċja ruħu minn mal-kongregazzjoni. (Mt. 10:37) Il-Kristjani leali kif għandhom jittrattaw maʼ qarib bħal dan? Jagħmel differenza l-fatt li jkun jgħix fl-istess dar miegħek? L-ewwelnett, ejja nirrivedu x’tgħid il-Bibbja dwar dan is-suġġett—il-prinċipji li japplikaw kemm għal min ikun maqtugħ mis-sħubija kif ukoll għal dawk li jinqatgħu għax ikunu jridu huma.
2. Skond il-Bibbja, il-Kristjani kif għandhom jittrattaw lil dawk imkeċċijin mill-kongregazzjoni?
2 Kif Għandek Tittratta lil Uħud Imkeċċijin: Il-Kelma t’Alla tikkmanda lill-Kristjani biex ma jassoċjawx jew jissieħbu maʼ individwu li ġie maqtugħ mill-kongregazzjoni: “Tagħmluhiex maʼ min jissejjaħ ħukom u jkun hu żieni, rgħib, idolatra jew insolenti, sikran jew ħalliel: maʼ dan lanqas biss tieklu ma għandkom. . . . Neħħu l-bniedem il-ħażin minn ġo nofskom.” (1 Kor. 5:11, 13, korsiv tagħna.) Il-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 18:17 japplika wkoll f’dan il-każ: “[Lil wieħed imkeċċi] żommu b’wieħed pagan u pubblikan [“kollettur tat-taxxi,” New World Translation].” Dawk li kienu qed jisimgħu lil Ġesù kienu jafu li l-Lhud taʼ żmienhom ma kinux jitħalltu mal-Ġentili u li kienu jevitaw lill-kolletturi tat-taxxi bħala nies imwarrba mis-soċjetà. Għalhekk, Ġesù kien qed jagħti istruzzjoni lis-segwaċi tiegħu biex ma jissiħbux maʼ dawk li jkunu mkeċċijin.—Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1981, paġni 5-6.
3, 4. Liema xorta taʼ sħubija hi projbita maʼ wħud li huma maqtugħin mis-sħubija jew diżassoċjati?
3 Dan ifisser li l-Kristjani leali ma jikkomunikawx fuq affarijiet spiritwali maʼ kulmin tkeċċa mill-kongregazzjoni. Iżda hemm iktar affarijiet involuti. Il-Kelma t’Alla tistqarr li ‘maʼ dan lanqas biss nieklu ma għandna.’ (1 Kor. 5:11) Għalhekk, aħna nevitaw saħansitra sħubija soċjali maʼ xi ħadd li hu mkeċċi. Dan jinkludi li nevitaw milli nissieħbu miegħu f’xi piknik, festin, logħba tal-ballun, jew ħarġa sal-ħwienet jew it-teatru jew li noqogħdu bil-qiegħda miegħu f’xi ikla d-dar jew f’restorant.
4 Xi ngħidu dwar li nitkellmu maʼ xi ħadd li hu maqtugħ mis-sħubija? Waqt li l-Bibbja ma titkellimx fuq kull sitwazzjoni li tistaʼ tinqalaʼ, it-2 Ġwann 10 jgħinna naraw kif Jehovah iqis din il-kwistjoni: “Jekk jiġikom xi ħadd u ma jġibilkomx dan it-tagħlim, la tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux.” Meta kkummenta dwar dan, It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1981, f’paġna 10 jgħid: “Sempliċi [‘Hello’] lil xi ħadd jistaʼ jkun l-ewwel pass li jiżviluppa f’konversazzjoni u forsi anki fi ħbiberija. Irridu aħna nieħdu dak l-ewwel pass maʼ persuna mkeċċija mis-sħubija?”
5. X’jitlef dak li jkun meta jiġi maqtugħ mis-sħubija?
5 Verament, bħalma tistqarr l-istess ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa f’paġna 16: “Il-fatt hu li meta Kristjan jagħti lilu nnifsu għad-dnub u jrid jiġi mkeċċi mis-sħubija, jitlef ħafna: il-waqfa approvata tiegħu maʼ Alla; . . . sħubija ħelwa maʼ l-aħwa, li tinkludi ħafna mill-assoċjazzjoni li kellu maʼ qraba Kristjani.”
6. Huwa Kristjan meħtieġ li ma jissieħeb xejn maʼ qarib maqtugħ mis-sħubija li jgħix fl-istess dar? Spjega.
6 Meta Jgħixu fl-Istess Dar: Ifisser dan li Kristjani li jgħixu fl-istess dar maʼ membru tal-familja li hu maqtugħ mis-sħubija jridu jevitaw li jkellmuh, jieklu miegħu, u jissieħbu miegħu meta jkunu għaddejjin bl-attivitajiet tal-ħajja taʼ kuljum? It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 1991, fin-nota taʼ taħt taʼ paġna 14 jistqarr: “Jekk fid-dar taʼ Kristjan ikun hemm xi ħadd maqtugħ mis-sħubija, dak il-wieħed ikun xorta għadu jagħmel parti mill-attivitajiet u mill-affarijiet normali li jsiru minn jum għal jum fid-dar.” B’hekk, jitħalla f’idejn il-membri tal-familja biex jiddeċiedu sa liema punt se jinkludu lill-membru tal-familja li hu maqtugħ mis-sħubija waqt l-ikel jew f’attivitajiet oħrajn tad-dar taʼ kuljum. U madankollu, ma jridux jagħtu l-impressjoni lill-aħwa li jassoċjaw magħhom li kollox għadu għaddej kif kien qabel ma l-individwu ġie maqtugħ mis-sħubija.
7. Is-sħubija spiritwali fid-dar kif tinbidel meta membru tal-familja jkun maqtugħ mis-sħubija?
7 Madankollu, It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1981, paġna 13 isemmi dan dwar individwu li ġie maqtugħ jew iddiżassoċja ruħu: “Ir-rabtiet spiritwali li kellu qabel ġew maħlulin għalkollox. Dan hu veru anki rigward qrabatu, inklużi dawk li jgħixu fid-dar tiegħu stess. . . . Dan ikun ifisser bidliet fis-sħubija spiritwali li setgħet kienet teżisti fid-dar. Per eżempju, jekk ir-raġel ikun imkeċċi mis-sħubija, martu u wliedu m’humiex se jkunu komdi bih meta jidderieġi xi studju tal-Bibbja fil-familja jew [imexxi l-qari tal-Bibbja u t-talb]. Jekk irid jgħid xi talba, bħal qabel l-ikel, għandu dritt jagħmel dan f’daru stess. Iżda huma jistgħu joffru t-talb tagħhom stess lil Alla bil-kwiet. (Qwiel 28:9; Salm 119:145, 146) X’jiġri jekk wieħed imkeċċi mis-sħubija fid-dar ikun irid li jkun preżenti meta l-familja taqra l-Bibbja flimkien jew ikollha xi studju tal-Bibbja? L-oħrajn jistgħu jħalluh ikun preżenti biex jismaʼ jekk hu ma jipprovax jgħallimhom jew jaqsam magħhom l-ideat reliġjużi tiegħu.”
8. Il-ġenituri Kristjani liema responsabbiltà għandhom lejn xi ħadd mit-tfal taħt l-età li jkun ġie maqtugħ mis-sħubija u jkun jgħix fl-istess dar?
8 Jekk xi ħadd mit-tfal taħt l-età li jkun jgħix id-dar jiġi maqtugħ mis-sħubija, il-ġenituri Kristjani xorta jkunu għadhom responsabbli għat-trobbija tiegħu. It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Frar, 1989, f’paġna 16 jistqarr: “L-istess bħalma jibqgħu jipprovdulu l-ikel, l-ilbies, u fejn joqgħod, huma għandhom bżonn li jgħallmuh u jiddixxiplinawh fi qbil mal-Kelma t’Alla. (Proverbji 6:20-22; 29:17) Ġenituri taʼ mħabba jistgħu b’hekk jieħdu ħsieb li jistudjaw il-Bibbja fid-dar miegħu, saħansitra jekk ġie maqtugħ mis-sħubija. Jistaʼ jkun li hu jakkwista l-iktar benefiċċju korrettiv jekk huma jistudjaw miegħu waħdu. Jew jistgħu jiddeċiedu li hu jistaʼ jkompli jieħu sehem fl-arranġament taʼ studju tal-familja.”—Ara wkoll It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 2001, paġni 16-17.
9. Kristjan kemm jistaʼ jkollu kuntatt maʼ qarib li hu maqtugħ mis-sħubija u li ma jgħixx id-dar?
9 Meta l-Qraba Ma Jgħixux fl-Istess Dar: “Is-sitwazzjoni hija differenti jekk dak li ġie maqtugħ mis-sħubija jew iddiżassoċjat huwa qarib li jgħix barra ċ-ċirku immedjat tal-familja jew id-dar,” jistqarr It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 1988, f’paġna 14. “Jistaʼ jkun possibbli li ma jkun hemm [kważi] ebda kuntatt maʼ dan il-qarib. Anki jekk ikun hemm xi affarijiet tal-familja li jirrikjedu kuntatt, dan ċertament se jinżamm għall-minimu,” fi qbil mal-kmand divin biex ‘ma nagħmluhiex maʼ min’ huwa ħati tad-dnub mingħajr ma jindem. (1 Kor. 5:11) Il-Kristjani leali għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jevitaw kwalunkwe sħubija bla bżonn maʼ qarib bħal dan, u saħansitra fejn jidħol in-negozju, is-sħubija għandha tkun assolutament minima.—Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1981, paġni 14, 15.
10, 11. Il-Kristjan x’se jikkunsidra qabel iħalli lil qarib maqtugħ mis-sħubija jerġaʼ jiġi jgħix id-dar?
10 It-Torri taʼ l-Għassa jiġbdilna l-attenzjoni lejn sitwazzjoni oħra li tistaʼ tqum: “X’jiġri jekk qarib mill-qrib, bħalma hu iben jew ġenitur li ma jgħixx fid-dar, jitkeċċa mis-sħubija u wara jkun irid jerġaʼ jiġi lura d-dar? Il-familja tistaʼ tiddeċiedi x’tagħmel skond is-sitwazzjoni. Per, eżempju, ġenitur imkeċċi mis-sħubija jistaʼ jkun marid jew ma jkunx iktar kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu finanzjarjament jew fiżikament. L-ulied Kristjani għandhom obbligu Skritturali u morali li jgħinu. (1 Tim. 5:8) . . . Dak li jsir jistaʼ jiddependi minn fatturi bħalma huma l-veri ħtiġijiet tal-ġenitur, l-attitudni tiegħu u kemm il-kap tad-dar jirrispetta s-saħħa spiritwali taʼ dawk fid-dar.”—It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1981, paġni 13-14.
11 Meta jkun xi ħadd mill-ulied, l-istess artiklu jkompli jgħid: “Kultant ġenituri Kristjani aċċettaw lura fid-dar għal xi żmien wild imkeċċi mis-sħubija li marad fiżikament jew emozzjonalment. Iżda f’kull każ il-ġenituri jistgħu jiżnu ċ-ċirkustanzi individwali. Għex l-iben imkeċċi mis-sħubija waħdu, u issa mhux kapaċi jagħmel dan? Jew irid jiġi lura primarjament minħabba li l-ħajja tkun iktar faċli? Xi ngħidu dwar il-morali tiegħu u l-attitudni? Se jdaħħal xi ‘ħmira’ fid-dar?—Gal. 5:9.”
12. X’inhuma xi benefiċċji taʼ l-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija?
12 Il-Benefiċċji taʼ li Nkunu Leali Lejn Jehovah: Huwa taʼ benefiċċju li nikkooperaw maʼ l-arranġament Skritturali tal-qtugħ mis-sħubija u li nwarrbu lil dawk li jagħmlu l-ħażin mingħajr ma jindmu. Dan iżomm l-indafa fil-kongregazzjoni u jagħmilna nidhru differenti bħala wħud li nżommu l-livelli morali għoljin tal-Bibbja. (1 Pt. 1:14-16) Jipproteġina mill-influwenzi taʼ ħsara. (Gal. 5:7-9) Dan jagħti wkoll l-opportunità lil dak li qed jagħmel il-ħażin biex jibbenefika bis-sħiħ mid-dixxiplina li jingħata, li tistaʼ tgħinu jipproduċi “frott taʼ sliem u taʼ ġustizzja.”—Lhud 12:11, Saydon.
13. Familja waħda liema bidliet għamlet, u b’liema riżultat?
13 Wara li semgħu taħdita fl-assemblea tas-circuit, ħu u oħtu naturali rrealizzaw li kellhom bżonn jibdlu l-mod kif kienu jittrattaw lil ommhom, li kienet toqgħod xi mkien ieħor u kien ilha sitt snin maqtugħa mis-sħubija. Wara l-assemblea, il-ħu mill-ewwel ċempel ’l ommu, u wara li żguraha li jħobbha, spjegalha li ma setgħux ikellmuha iktar sakemm ma jinqalgħux xi affarijiet familjari importanti li minħabba fihom ikun hemm bżonn li jikkuntattjawha. Ftit wara dan, ommu bdiet tattendi l-laqgħat u maż-żmien ġiet aċċettata lura fil-kongregazzjoni. Ukoll, żewġha li ma kienx taʼ l-istess twemmin beda jistudja u maż-żmien tgħammed.
14. Għala għandna nappoġġaw lealment l-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija?
14 Li nżommu lealment maʼ l-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija msemmi fl-Iskrittura juri l-imħabba tagħna lejn Jehovah u jagħti tweġiba lil dak li qed jgħajjar Lilu. (Prov. 27:11) Imbagħad, nistgħu nkunu ċerti li Jehovah se jberikna. Is-Sultan David kiteb dwar Jehovah: “Ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu. Maʼ min hu tajjeb [“leali,” NW], int timxi bit-tajjeb [“bil-lealtà,” NW].”—2 Sam. 22:23, 26.